13.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/19


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 876/2013

tat-28 ta’ Mejju 2013

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiżgura funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi madwar l-Unjoni huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni fil-kulleġġi għas-CCPs biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tal-kompiti speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(2)

L-esklużjoni ta’ bank ċentrali tal-ħruġ ta’ munita rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji kklerjati fis-CCP ma taffettwax id-drittijiet tat-tali bank ċentrali tal-ħruġ li jitlob u jirċievi informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(3)

L-attività ta’ CCP tista’ tkun rilevanti għal bank ċentrali tal-ħruġ partikolari fid-dawl tal-volumi kklerjati fil-munita maħruġa mit-tali bank ċentrali. Madankollu, ir-rilevanza ta’ munita għall-parteċipazzjoni ta’ bank ċentrali tal-ħruġ fil-kulleġġ tas-CCP għandha tkun determinata permezz tas-sehem irrappreżentat minn dik il-munita minn fost il-medja tal-pożizzjonijiet miftuħa ikklerjati tas-CCP, sabiex id-daqs tal-kulleġġ jinżamm proporzjonat.

(4)

Biex ikun żgurat li l-laqgħat tal-kulleġġ jiksbu riżultat effettiv, l-għanijiet ta’ kwalunkwe laqgħa jew attività tal-kulleġġ għandhom jiġu identifikati b’mod ċar mill-awtorità kompetenti tas-CCP, b’konsultazzjoni mal-membri tal-kulleġġ. Dawk l-għanijiet għandhom jiġu ċċirkolati mal-parteċipanti minn ħafna qabel flimkien ma’ dokumentazzjoni ppreparata mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew minn membri oħra tal-kulleġġ, sabiex toħloq diskussjoni effettiva.

(5)

Il-funzjoni tal-kulleġġi hija li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-kompiti speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-kompiti assenjati lill-membri tal-kulleġġ kif ukoll il-kompożizzjoni tagħhom, l-istabbiliment u l-immaniġġjar tal-kulleġġi ġew artikolati mil-leġiżlatur fir-Regolament bħala obbligi legali u, għalhekk, huma vinkolanti u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Għall-funzjonament prattiku ta’ kulleġġ għandu jiġu adottat ftehim bil-miktub mill-membri ta’ dak il-kulleġġ. Sabiex jiġi żgurat l-użu ta’ ftehimiet bil-miktub standard fil-kulleġġi CCP kollha, li jkunu jinkorporaw l-aħjar prassi fl-operazzjonijiet tal-kulleġġ, approċċi konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti, u biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment b’ħeffa tal-kulleġġi CCP sal-iskadenza stabbilita bl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-AETS għandha toħroġ linji gwida u Rakkomandazzjonijiet skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2012 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (2).

(6)

Xejn f’dan l-Att ma għandu jippreġudika s-setgħa tal-Kummissjoni li tniedi proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, kif ukoll l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 265 u 271(d) tat-TFUE.

(7)

Biex jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni fil-waqt u aġġornat fost il-membri tal-kulleġġ, il-kulleġġ għandu jiltaqa’ regolarment u jagħti l-opportunità lill-membri tal-kulleġġ jiddiskutu u jagħtu input għall-analiżi tal-awtorità kompetenti tal-arranġamenti, l-istrateġija, il-proċess u l-mekkaniżmu użati mis-CCP biex tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif ukoll biex jiddiskutu l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti tar-riskji li għalihom is-CCP tkun, jew tista’ tkun esposta u dawk li tista’ toħloq hi.

(8)

Biex jiġi żgurat li l-opinjonijiet kollha tal-membri tal-kulleġġ jitqiesu kif xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim fost l-awtoritajiet li ser isiru membri ta’ kulleġġ jiġu solvuti qabel tiffinalizza l-ftehim bil-miktub għall-istabbiliment u l-funzjonament tal-kulleġġ. L-AETS għandha tiffaċilita l-finalizzazzjoni tal-ftehim permezz tar-rwol tagħha ta’ medjazzjoni, fejn xieraq.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) lill-Kummissjoni.

(10)

L-AETS ikkonsultat, fejn rilevanti, lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u lill-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) qabel ma ssottomettiet l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqhom huwa msejjes dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Determinazzjoni tal-aktar muniti rilevanti

1.   L-aktar muniti rilevanti tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati abbażi tas-sehem relattiv ta’ kull munita fil-medja tal-pożizzjonijiet miftuħa ta’ tmiem il-jum tas-CCP fl-istrumenti finanzjarji kollha kklerjati mis-CCP, ikkalkulat fuq perjodu ta’ sena.

2.   L-aktar muniti rilevanti tal-Unjoni jkunu t-tliet muniti bl-ogħla sehem relattiv ikkalkulat skont il-paragrafu 1 sakemm kull sehem individwali jaqbeż l-10 %.

3.   Il-kalkolu tas-sehem relattiv tal-muniti għandu jiġi kkalkulat fuq bażi annwali.

Artikolu 2

L-organizzazzjoni operattiva tal-kulleġġi

1.   Wara li tivvaluta li applikazzjoni tkun kompleta kif imsemmi fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiċċirkola proposta għal ftehim bil-miktub skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 lill-membri tal-kulleġġ stabbilit skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dak il-ftehim bil-miktub jinkludi proċess għal analiżi annwali. Għandu jinkludi wkoll proċess ta’ emendar li bih ikunu jistgħu jinbdew bidliet fi kwalunkwe ħin mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew minn membri oħra tal-kulleġġ, soġġett għall-approvazzjoni mill-kulleġġ skont il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-membri tal-kulleġġ imsemmija fil-paragrafu 1 ma jagħtu l-ebda kummenti fi żmien 10 ijiem tal-kalendarju, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipproċedi bl-adozzjoni tal-ftehim bil-miktub mill-kulleġġ u bl-istabbiliment tal-kulleġġ skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

3.   Fejn il-membri tal-kulleġġ jesprimu kummenti dwar il-proposta ta’ ftehim bil-miktub ċirkolat skont il-paragrafu 1, huma għandhom jissottomettu dawk il-kummenti flimkien ma’ spjegazzjoni bir-reqqa lill-awtorità kompetenti tas-CCP fi żmien 10 ijiem tal-kalendarju. Jekk rilevanti, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tħejji proposta riveduta u tissejjaħ laqgħa biex jintlaħaq ftehim dwar il-ftehim bil-miktub finali filwaqt li titqies l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

4.   Il-kulleġġ għandu jitqies stabbilit wara l-adozzjoni tal-ftehim bil-miktub.

5.   Il-membri kollha tal-kulleġġ se jkunu marbuta bil-ftehim miktub adottat skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Parteċipazzjoni fil-kulleġġi

1.   Meta ssir talba għal informazzjoni lil kulleġġ minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li ma jkunx membru tal-kulleġġ skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti tas-CCP, wara li tkun ikkonsultat lill-kulleġġ, għandha tiddeċiedi dwar l-aktar mod xieraq biex tipprovdi u titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet li mhumiex membri tal-kulleġġ.

2.   Kull membru tal-kulleġġ għandu jinnomina parteċipant wieħed biex jattendi l-laqgħat tal-kulleġġ u jista’ jinnomina sostitut wieħed, bl-eċċezzjoni tal-awtorità kompetenti tas-CCP li tista’ titlob aktar parteċipanti mingħajr drittijiet tal-vot.

3.   Fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ ta’ waħda mill-iżjed muniti rilevanti tal-Unjoni jikkorrispondi għal aktar minn bank ċentrali wieħed, il-banek ċentrali rilevanti jiddeterminaw rappreżentant uniku li se jipparteċipa fil-kulleġġ.

4.   Meta awtorità jkollha d-dritt tipparteċipa fil-kulleġġ taħt aktar minn punt wieħed minn (c) sa (h) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tista’ taħtar parteċipanti oħra mingħajr dritt tal-vot.

5.   Fejn skont dan l-Artikolu jkun hemm aktar minn parteċipant wieħed minn kulleġġ membru, jew ikun hemm aktar membri tal-kulleġġ li jappartjenu għall-istess Stat Membru mill-għadd ta’ voti li jistgħu jiġu eżerċitati minn dawk il-membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dak il-membru tal-kulleġġ jew dawk il-membri tal-kulleġġ jinformaw lill-kulleġġ liema parteċipanti jeżerċitaw drittijiet tal-vot.

Artikolu 4

Governanza tal-kulleġġi

1.   L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiżgura li l-ħidma tal-kulleġġ tiffaċilita l-kompiti li jridu jitwettqu skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   Il-Kulleġġ għandu jinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe kompitu li jwettaq il-kulleġġ skont il-paragrafu 1. L-AETS ikollha rwol ta’ koordinazzjoni fil-monitoraġġ tal-kompiti mwettqa minn kulleġġ u għandha tiżgura li kemm jista’ jkun l-għanijiet tiegħu huma konformi ma’ dawk ta’ kulleġġi oħra.

3.   L-awtorità kompetenti tas-CCP mill-inqas għandha tiżgura li:

(a)

l-għanijiet ta’ kull laqgħa jew attività tal-kulleġġ ikunu identifikati b’mod ċar;

(b)

il-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ jibqgħu effettivi, filwaqt li tiżgura li l-membri kollha tal-kulleġġ ikunu infurmati bis-sħiħ dwar l-attivitajiet tal-kulleġġ li jkunu rilevanti għalihom;

(c)

l-iskeda għal-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ tkun ddefinita b’tali mod li r-riżultat tagħha jipprovdi assistenza għas-superviżjoni tas-CCP;

(d)

is-CCP u partijiet interessati ewlenin oħra jkollhom fehim ċar tar-rwol u l-funzjonament tal-kulleġġ;

(e)

l-attivitajiet tal-kulleġġ jiġu analizzati regolarment u tittieħed azzjoni ta’ rimedju jekk il-kulleġġ ma jkunx qed jaħdem b’mod effettiv;

(f)

fl-aġenda jkun hemm laqgħa annwali ta’ ppjanar għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fost il-membri tal-kulleġġ b’kooperazzjoni mas-CCP jekk meħtieġ.

4.   Biex tiġi żgurata l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kulleġġ, l-awtorità kompetenti tas-CCP taġixxi bħala punt ċentrali ta’ kuntatt għal kwalunkwe kwistjoni relatata mal-organizzazzjoni prattika tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha mill-inqas twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

tfassil, aġġornament u ċirkolazzjoni tal-lista tal-kuntatti tal-membri tal-kulleġġ;

(b)

ċirkolazzjoni tal-aġenda kif ukoll dokumentazzjoni għal-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ;

(c)

rekord tal-minuti tal-laqgħat u formalizzazzjoni ta’ punti ta’ azzjoni;

(d)

immaniġġjar tal-websajt tal-kulleġġ jew ta’ metodi elettroniċi oħra ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, jekk ikun hemm;

(e)

meta prattiku, tipprovdi informazzjoni u fejn xieraq timijiet speċjalizzati, biex tgħin lill-kulleġġ fil-kompiti tiegħu;

(f)

taqsam l-informazzjoni b’mod xieraq fost il-membri tal-kulleġġ.

5.   Il-frekwenza tal-laqgħat tal-kulleġġ tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti tas-CCP wara li jiġu kkunsidrati d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità, l-implikazzjonijiet sistemiċi tas-CCP fil-ġurisdizzjonijiet u l-muniti, l-impatti potenzjali tal-attivitajiet tas-CCP, iċ-ċirkostanzi esterni u t-talbiet potenzjali mill-membri tal-kulleġġ. Tal-anqas għandu jkun hemm laqgħa annwali tal-kulleġġ u jekk jitqies meħtieġ mill-awtorità kompetenti tas-CCP, laqgħa kull darba li jkun meħtieġ tittieħed deċiżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha torganizza, perjodikament, laqgħat bejn il-membri tal-kulleġġ u l-maniġment superjuri tas-CCP.

6.   Il-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jispeċifika kworum ta’ żewġ terzi għal-laqgħat tal-kulleġġ.

7.   L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li kull laqgħa tal-kulleġġ ikollha kworum validu biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet. Fil-każ li ma jintlaħaqx kworum, il-President għandu jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li teħtieġ tittieħed tiġi posposta sakemm ikun hemm kworum, b’kunsiderazzjoni tal–iskadenzi rilevanti stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 5

Skambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet

1.   Kull membru ta’ kulleġġ għandu jipprovdi fil-ħin lill-awtorità kompetenti tas-CCP l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġ u għat-twettiq tal-attivitajiet ewlenin li fihom jipparteċipa l-membru. L-awtorità kompetenti tas-CCP tipprovdi lill-membri tal-kulleġġ b’informazzjoni u fil-ħin.

2.   L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni segwenti lill-kulleġġ:

(a)

tibdiliet sinifikanti fl-istruttura u s-sjieda tal-grupp tas-CCP;

(b)

tibdiliet sinifikanti fil-livell tal-kapital tas-CCP;

(c)

tibdiliet fl-organizzazzjoni, il-maniġment superjuri, il-proċessi jew l-arranġamenti meta dawk it-tibdiliet ikollhom impatt sinifikanti fuq il-governanza jew l-immaniġġjar tar-riskju;

(d)

lista tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP;

(e)

dettalji tal-awtoritajiet involuti fis-superviżjoni tas-CCP, inkluża kwalunkwe bidla fir-responsabbiltajiet tagħhom;

(f)

informazzjoni dwar kwalunkwe theddida materjali għall-ħila tas-CCP li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u regolamenti oħra delegati u ta’ implimentazzjoni;

(g)

diffikultajiet li għandhom effetti ta’ riperkussjoni potenzjalment sinifikanti;

(h)

fatturi li jissuġġerixxu riskju għoli potenzjali ta’ kontaġju;

(i)

żviluppi sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja tas-CCP;

(j)

twissijiet bikrin ta’ possibblità ta’ diffikultajiet ta’ likwidità jew frodi maġġuri;

(k)

avvenimenti ta’ inadempjenza ta’ membri u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu;

(l)

sanzjonijiet u miżuri superviżorji eċċezzjonali;

(m)

rapporti dwar problemi ta’ prestazzjoni jew dwar inċidenti li seħħew u azzjonijiet ta’ rimedju meħuda;

(n)

dejta regolari dwar l-attività tas-CCP, li l-ambitu u l-frekwenza tagħha tiġi miftiehma bħala parti tal-ftehim bil-miktub deskritt fl-Artikolu 2;

(o)

ħarsa ġenerali lejn il-proposti kummerċjali ewlenin, inklużi prodotti jew servizzi ġodda li se jiġu offruti;

(p)

tibdil fil-mudell tar-riskju tas-CCP, ittestjar tal-istress u ttestjar retrospettiv;

(q)

tibdiliet fl-arranġamenti tal-interoperabbiltà tas-CCPs, fejn applikabbli.

3.   L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ għandu jirrifletti r-responsabbiltajiet u l-ħtiġijiet tal-informazzjoni tagħhom. Sabiex jiġu evitati flussi tal-informazzjoni bla ħtieġa, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jinżamm proporzjonat u ffokat fuq ir-riskju.

4.   Il-membri tal-kulleġġ għandhom iqisu l-aktar modi effettivi biex jikkomunikaw l-informazzjoni biex jiżguraw skambju ta’ informazzjoni kontinwu, f’waqtu u proporzjonat.

5.   Ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju li għandu jitħejja mill-awtorità kompetenti ta’ CCP skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandu jiġi ppreżentat lill-kulleġġ fi żmien xieraq biex jiġi żgurat li l-membri tal-kulleġġ ikunu jistgħu janalizzawh u jikkontribwixxu għalih jekk meħtieġ.

Artikolu 6

Kondiviżjoni volontarja u delega tal-kompiti

1.   Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiftiehmu dwar termini dettaljati ta’ kwalunkwe arranġament speċifiku ta’ delega u arranġamenti għall-għoti volontarju ta’ kompiti lil membri oħra, b’mod partikolari fil-każ ta’ delegi li jirriżultaw fid-delega ta’ kompiti superviżorji ewlenin ta’ membru.

2.   Partijiet għal arranġamenti speċifiċi ta’ delega u arranġamenti għall-għoti volontarju ta’ kompiti għandhom jiftiehmu dwar termini dettaljati li jkopri mill-inqas is-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet speċifiċi f’oqsma speċifikati biċ-ċar li se jingħataw jew jiġu delegati;

(b)

il-proċeduri u l-proċessi li se jiġu applikati;

(c)

ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti;

(d)

it-tip ta’ informazzjoni li se tiġi skambjata bejn il-partijiet.

3.   Il-kondiviżjoni u d-delega ta’ kompiti ma għandhomx jitqiesu li jirriżultaw f’bidla fl-allokazzjoni tas-setgħa deċiżjonali tal-awtorità kompetenti tas-CCP.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 201. 27.7.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 331, 15.12.2010 p. 84