5.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 854/2013

tal-4 ta’ Settembru 2013

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fejn għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-iscrapie fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali ovini u kaprini li jkunu maħsubin għat-tgħammir u għall-produzzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1)(e) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (2) jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti kunsinni ta' annimali ħajjin jew ta' laħam frisk. Huwa jistipula li l-kunsinni ta' annimali ungulati għandhom jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti u jkunu akkumpanjati miċ-ċertifikat veterinarju rilevanti, imfassal skont il-mudell stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(2)

Iċ-ċertifikat mudell għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali ovini u kaprini għat-tgħammir huwa stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 (mudell "OVI-X"). Dan il-mudell jinkludi l-garanziji dwar l-iscrapie.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija spongiformi li tinxtered (EST) f'annimali bovini, ovini, u kaprini. Il-Kapitolu A tal-Anness VIII ta' dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ ta’ annimali ħajjin, ta' semen u ta' embrijuni fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-Anness IX ta' dan ir-Regolament jistipula l-kundizzjonijiet għall-importazzjoni ta' annimali ħajjin, embrijuni u prodotti ta' oriġini mill-annimali fl-Unjoni.

(4)

Fid-dawl ta' evidenza xjentifika ġdida, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 (4). L-emendi għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ineħħu l-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet rigward l-iscrapie atipika. Dawn ikomplu wkoll jikkonformaw ir-regoli rigward l-iscrapie klassika li għandhom x'jaqsmu ma' importazzjonijiet ta' annimali ovini u kaprini ħajjin, mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) biex jirriflettu approċċ aktar strett.

(5)

Għalhekk il-mudell taċ-ċertifikat "OVI-X" stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandu jiġi emendat biex jirrifletti r-rekwiżiti li għandhom x'jaqsmu mal-importazzjoni ta' annimali ovini u kaprini stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 630/2013.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Biex ma jkun hemm ebda tfixkil tal-importazzjoni ta' kunsinni ta' annimali tal-ispeċijiet ovini u kaprini fl-Unjoni, l-użu ta' ċertifikati veterinarji maħruġin skont il-verżjoni tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 ta' qabel l-emendi li qegħdin jiddaħħlu permezz ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu awtorizzati għal perjodu tranżizzjonali soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju "OVI-X" huwa ssostitwit mit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2013, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' annimali ħajjin ovini u kaprini għat-tgħammir u għall-produzzjoni, akkumpanjati minn ċertifikat veterinarju li jkun imtela u ffirmat skont il-mudell "OVI-X" stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness I tal-verżjoni tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm iċ-ċertifikati jkunu mtlew u ġew iffirmati qabel l-1 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1)

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 li jemenda l-Annessi għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi r-regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 60).


ANNESS

“Mudell OVI-X

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni