|
29.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 230/12 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 818/2013
tat-28 ta’ Awwissu 2013
li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) fl-aromatizzanti għax-xarbiet ċari bit-togħma abbażi tal-ilma
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni approvati għall-użu tal-aromatizzanti tal-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
|
(2) |
Din il-lista tista' tiġi emendata bil-proċedura komuni msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2). |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni. |
|
(4) |
Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-esteri tas-Surkożju tal-aċidi grassi (E 473) bħala emulsjonanti fl-aromatizzanti ġiet sottomessa fl-20 ta' Awwissu 2008 u tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri. |
|
(5) |
L-emulsjonanti huma meħtieġa sabiex jistabbilizzaw l-amoratizzanti żejtnija meta dawn huma miżjuda fix-xorb abbażi tal-ilma. Mingħajr iż-żjieda tal-emulsjonant, iż-żejt aromatizzanti ma jkunx solubbli u jidher fuq il-wiċċ tax-xorb bħala ċirku żejtni. Dan jevita t-tixrid tal-aromatizzanti fix-xarba u jżid l-esponiment tagħha għall-ossiġnu, li jwassal għal tnaqqis fl-aċċettabilità organolettika. Dan jagħmel ukoll l-iżvilupp tax-xarbiet ċari estremament diffiċli. Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jingħelbu sa ċertu punt bl-użu taż-żjut maħsulin, madankollu dawk inaqqsu l-aċċettabilità organolettika. L-użu tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi jippermetti xarbiet ċari, b’funzjonalità mtejba tal-aromatizzanti miżjudin. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel imniżżla fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
|
(7) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ħarġet l-opinjoni tagħha dwar l-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) u stabbiliet id-Doża Aċċettabbli ta' Kuljum ta’ 40 mg/kg bw/jum (3). L-esponiment għall-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi li jirriżulta mill-użu addizzjonali propost għall-użu fix-xarbiet ċari mhux alkoħoliċi aromatizzanti jirrappreżenta inqas minn 0.1 % tad-DAK (4). Meta wieħed iqis li l-esponiment, minħabba l-użu addizzjonali ta’ dan l-addittiv, huwa negliġibbli meta mqabbel mad-DAK, dan l-użu addizzjonali tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) x’aktarx ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem. |
|
(8) |
Huwa għalhekk xieraq li jkun awtorizzat l-użu tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) bħala addittiv fl-ikel fl-aromizzanti għax-xarbiet ċari bit-togħma u abbażi tal-ilma. |
|
(9) |
Għaldaqstant, l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) Il-Ġurnal tal-EFSA (2004) 106, 1-24.
(4) The EFSA Journal 2012; 10(5):2658.
ANNESS
Fil-Parti 4 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-annotazzjoni li ġejja qed tiddaħħal wara l-annotazzjoni għall-addittiv tal-ikel E 459:
|
"E 473 |
Esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi |
L-aromatizzanti għax-xarbiet ċari bit-togħma abbażi tal-ilma li jappartjenu lill-kategorija 14.1.4 |
15 000 mg/kg fl-aromatizzanti, 30 mg/l fl-ikel finali" |