21.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 223/1


REGOLAMENTTA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 793/2013

tal-20 ta’ Awwissu 2013

li jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-Gżejjer Faroe biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokk tal-aringa Atlantu-Skandjana

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-istokk ta’ aringi Atlantu-Skandjani (imsejħa wkoll aringi Norveġiżi li jirriproduċu fir-Rebbiegħa) huwa l-akbar l-istokk tal-aringi tad-dinja. Huwa pproduċa qabdiet fi kwantitajiet ta’ miljun sa żewġ miljuni ta’ tunnellati. Iżda l-isfruttament qawwi minħabba s-sajd żejjed wassal biex l-istokk jikkollassa u jieqaf is-sajd kollu għal aktar minn zewġ deċennji bejn il-bidu tas-snin sebgħin u nofs is-snin disgħin, b’konsegwenzi serji ħafna għall-flotot li sfruttaw dak l-istokk.

(2)

L-istokk tal-aringi Atlantu-Skandjani kien ġestit, minn dakinhar tal-irkupru tal-istokk u l-ftuħ mill-ġdid tas-sajd fl-1996, wara konsultazzjonijiet bejn il-ħames partijiet li miż-żona ekonomika esklużiva tagħhom (ŻEE) jgħaddi dan il-ħut matul iċ-ċiklu ta’ migrazzjoni tiegħu, minn: il-Federazzjoni Russa, in-Norveġja, il-Gżejjer Faroe, l-Islanda u l-Unjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem “l-Istati kostali”).

(3)

Mill-2007, l-arranġamenti li dwarhom kien hemm qbil matul il-konsultazzjonijiet tal-Istati kostali inkludew regoli definittivi dwar il-qsim tal-qabda totali permissibbli u impenn li tinżamm l-istabbiltà relattiva tal-ishma għas-snin futuri. L-ishma miftiehma għall-istokk ta’ aringi Atlantu-Skandjani kienu 5,16 % għall-Gżejjer Faroe, 14,51 % għall-Islanda, 6,51 % għall-Unjoni, 61 % għan-Norveġja u 12,82 % għall-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk l-istati kostali kellhom ukoll ftehim li kien ilu stabbilit biex janalizzaw u jirrevedu l-arranġamenti bi ftehim komuni ta’ ġestjoni b’mod konġunt biss, abbażi ta’ pariri xjentifiċi ġodda u sa data partikolari.

(4)

Biex l-iffissar tal-qabdiet totali permissibbli jkun possibbli, l-Istati kostali kienu qablu u implimentaw, abbażi tal-għarfien xjentifiku disponibbli, pjan ta’ ġestjoni fit-tul konsistenti mal-approċċ ta’ prekawzjoni, maħsub biex il-qbid jinżamm fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri u mfassal biex jiżgura li s-sajd ikun sostenibbli.

(5)

Dan il-pjan ta’ ġestjoni fit-tul kellu l-għan li jiġi evitat li l-istokk jaqa’ taħt il-livell ta’ bijomassa ta’ 2 500 000 t u li jsir kull sforz biex jinżamm ‘il fuq minn 5 000 000 t, li huwa l-livell li għandu jipproduċi l-ogħla rendiment sostenibbli. Dan kellu jsir billi jiġi limitat is-sajd b’mod konsistenti ma’ mortalità kkawżata mis-sajd ta’ 0,125. Ġie miftiehem li, jekk il-livell tal-bijomassa jaqa’ taħt il-livell ta’ 5 000 000 t, il-mortalità tas-sajd għandha titnaqqas sabiex jiġi żgurat irkupru rapidu tal-istokk.

(6)

F’Settembru 2012, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Ibħra (ICES) irrakkomanda, skont l-approċċ ta’ prekawzjoni stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni, li l-qabda totali permissibbli (QTP) għall-ħames Stati kostali ma għandhiex tkun aktar minn 619 000 tunnellata fl-2013, u dan huwa tnaqqis ta’ 26 % meta mqabbel mal-QTP stabbilita għall-2012.

(7)

Fil-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Kostali li bdew minn Ottubru 2012 u baqgħu sejrin sa Jannar 2013 biex jiġu nnegozjati l-arranġamenti għall-2013, ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faroe, b’mod konsistenti u ripetutament ddikjaraw ir-rifjut tagħhom li jkomplu bl-arranġament ta’ qsim attwali. L-arranġamenti għall-2013 fl-aħħar ġew konklużi fit-18 ta’ Jannar 2013 bejn erba’ Stati kostali biss biex tinżamm ġestjoni kkoordinata tal-istokk kemm jista’ jkun mill-Istati kostali. Ir-reġistru miftiehem ta’ dawk il-konsultazzjonijiet, bid-data tat-23 ta’ Jannar 2013, jiddikjara li: “Id-delegazzjonijiet esprimew it-tħassib tagħhom li l-Gżejjer Faroe irtiraw mil-ftehim tal-Istati Kostali mingħajr notifika minn qabel”. Minħabba l-impossibbiltà li jintlaħaq qbil dwar arranġament ma’ ħames partijiet minħabba l-irtirar tal-Gżejjer Faroe mill-konsultazzjonijiet, ġie miftiehem fost l-erba’ partijiet li baqa’ li jittieħed kont tal-interessi tas-sajd tal-Gżejjer Faroe billi jitwarrab is-sehem tradizzjonali tagħhom, jiġifieri s-sehem li l-Gżejjer Faroe kellhom sa mill-arranġament tal-2007, li kien jikkorrispondi gћal 31 000 tunnellata (5,16 % tat-QTP).

(8)

Matul il-konsultazzjonjiet bejn l-istati kostali li temmew fit-23 ta’ Jannar 2013, ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faroe ma għamlu l-ebda domanda għal xi sehem preċiż, ma ppreżentawx bil-miktub jew bil-fomm xi proposta għal arranġament ta’ qsim ġdid, ma fittxewx li jidħlu f’xi impenn mal-erba’ partijiet l-oħra, u ma għamlu ebda sforz biex jikkooperaw fid-diskussjoni dwar arranġament għall-2013.

(9)

Il-Ministru tas-Sajd tal-Gżejjer Faroe ħabbar f’dikjarazzjoni tas-26 ta’ Marzu 2013 li limitu ta’ qbid ta’ 105 230 tunnellata kien ġie stabbilit b’mod unilaterali għall-flotta tal-Gżejjer Faroe, li jirrappreżenta 17 % tas-sehem irrakkomandat tal-QTP, jew aktar minn tliet darbiet is-sehem korrispondenti għall-applikazzjoni tal- arranġamenti miftiehma qabel u żieda ta’ 145 % tas-sehem tagħhom fl-2012. Din id-dikjarazzjoni unilaterali għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-parir xjentifiku msemmi hawn fuq li jonqos is-sajd fl-2013 b’26 %. Ma’ dik l-aħbar, il-Gżejjer Faroe wkoll de facto abbandunaw il-pjan ta’ ġestjoni miftiehem b’mod konġunt.

(10)

B’dawn l-azzjonijiet, il-Gżejjer Faeroe naqsu milli jikkooperaw mal-Unjoni kif ukoll mal-bqija tal-Istati kostali fil-ġestjoni ta’ stokk ta’ interess komuni, l-aringa Atlantu-Skandjana, u naqsu milli jkunu konformi mal-obbligi skont l-Artikoli 61(2), 63(1) u (2), 118, 119 u 300 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u l-Artikoli 5 u 6 u 8(1) u (2) tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Unitit għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut transżonali u Stokkijiet tal-Ħut ta’ Migrazzjoni Għolja (UNFSA).

(11)

Kieku l-limiti tal-qbid stabbiliti mill-erba’ Stati kostali u l-Gżejjer Faeroe kellhom jintlaħqu, il-qabda totali tammonta għal 692 290t, u dan jikkostitwixxi sajd lil hinn mil-limitu meta mqabbel mal-QTP irrakkomandata. Skont il-valutazzjonijiet u l-previżjonijiet dwar il-qbid li saru mill-ICES huwa u jagħti parir għall-ġestjoni tal-istaġun tas-sajd 2013 (2), tali qabda ġġib il-bijomassa tal-istokk riproduttiv (BSR) fil-bidu tal-2014 għal-livell ta’ 4 200 000 t, inqas sew mil-livell ta’ 5 000 000t li huwa mistenni li jipproduċi l-aqwa rendiment sostenibbli.

(12)

Barra minn hekk, evidenza xjentifika disponibbli pubblikament mogħtija mill-ICES f’Mejju 2013 (3) tikkonferma li l-pjan ta’ ġestjoni fit-tul kif imfassal bħalissa (bl-għan li l-mortalità mis-sajd tkun ta’ 0,125) huwa prekawzjonarju filwaqt li żieda fil-mira ta’ mortalità mis-sajd għal valur ta’ 0,15, li nzerta ekwivalenti għal dak li jirriżulta miż-żieda tas-sehem tal-Gżejjer Faroe, lill-pjan iġġibu non-prekawzjonarju, u dan iġib miegħu riskju akbar ta’ kollass tal-istokk.

(13)

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012, pajjiż terz jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli meta: (a) jonqos milli jikkoopera fil-ġestjoni ta’ stokk ta’ interess komuni b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 marbuta mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta’ Awwissu 1995 (UNFSA), jew xi ftehim ieħor internazzjonali jew norma oħra tal-liġi internazzjonali; u (b) jew: (i) jonqas milli jadotta l-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd meħtieġa; jew (ii) jadotta miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet, l-interessi u d-doveri ta’ pajjiżi oħra u tal-Unjoni, u dawk il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, meta jitqiesu flimkien ma’ miżuri meħuda minn pajjiżi oħra u l-Unjoni, iwasslu għal attivitajiet tas-sajd li jġibu sitwazzjoni li l-istokk jisfa fi stat mhux sostenibbli.

(14)

Bħala riżultat ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Gżejjer Faroe jissodisfaw il-kriterji kollha biex jiġu identifikati bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli u għalhekk il-Kummissjoni tista’ tadotta l-miżuri previsti fir-Regolament (UE) Nru 1026/2012.

(15)

Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012, iddeċiediet li tinnotifika l-Gvern Responsabbli tal-Gżejjer Faroe u l-Gvern tad-Danimarka, bid-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2013 (4) u ittra li ġġib l-istess data, bl-intenzjoni tagħha li tidentifika l-Gżejjer Faroe bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli, filwaqt li tindika r-raġunijiet għal dik l-identifikazzjoni u tiddeskrivi l-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu skont dak ir-Regolament. Il-Gvern Responsabbli tal-Gżejjer Faroe għaraf il-wasla tal-ittra fl-istess jum.

(16)

Sas-17 ta’ Ġunju 2013, il-Gvern Responsabbli tal-Gżejjer Faroe wieġeb għan-notifika u kkontesta l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni b’argumenti tiegħu stess, jiġifieri, li ma rtirax mill-konsultazzjonijiet, li huwa jibqa’ bl-impenn tiegħu li tinstab soluzzjoni negozjata għall-qsim tal-istokk u li l-UE m’għandhiex id-dritt li tuża miżuri ta’ sfurzar. Madankollu, il-gvern la esprima xi intenzjoni li jemenda d-deċiżjoni tiegħu dwar il-limiti ta’ qbid insostenibbli għas-sena 2013 u lanqas ma ta xi ġustifikazzjoni ċara dwar il-limitu tal-qbid għoli tiegħu għall-2013, lil hinn minn allegazzjoni mhux sostanzjata “ta’ żieda ta’ okkorrenza ta’ dan l-istokk f’dawn l-aħħar snin f’żoni marittimi li huma taħt il-ġurisdizzjoni tal-Gżejjer Faroe”.

(17)

Il-Kummissjoni eżaminat il-letteratura xjentifika eżistenti dwar is-suġġett u sabet biss dikjarazzjonijiet li jindikaw okkorrenza okkażjonali ta’ aringi fl-ilmijiet tal-Gżejjer Faroe għal żmien itwal fl-istaġun, iżda ma sabet l-ebda referenza li tippermetti li dan il-fenomenu jiġi interpretat bħala żieda stabbli jew permanenti fl-abbundanza. Fir-rigward tal-argument avvanzat mill-Gżejjer Faroe li l-istokk se jinżel taħt l-MSY fl-2014 xorta waħda, u mhux bħala konsegwenza ta’ żieda fis-sehem unilaterali tagħhom, ta’ min jinnota li, skont l-aħħar parir xjentifiku (ara l-premessa (12) hawn fuq), filwaqt li l-istokk jista’ jirkupra sal-MSY, se jibqa’ aktar fit-tul taħt dak il-livell u taħt periklu ogħla ta’ kollass tal-istokk jekk il-mira attwali tal-mortalità mis-sajd tiżdied għal valur ekwivalenti bħal dak li jirriżulta minn żieda fis-sehem tal-Gżejjer Faroe.

(18)

Il-Kummissjoni, wara analiżi dettaljata tal-argumenti tal-Gvern Responsabbli tal-Gżejjer Faroe, ikkonkludiet li dawn ma jikkostitwixxux konfutazzjoni tar-raġunijiet tan-notifika tal-Kummissjoni jew raġuni oġġettiva li tiġġustifika n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ dan il-pajjiż. Dik il-konklużjoni, meħuda flimkien ma’ nuqqas ta’ rieda li jiġu rretifikati l-limiti ta’ qbid unilaterali għall-2013, twassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-Gżejjer Faroe jkomplu jissodisfaw il-kriterji biex jiġu identifikati bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli.

(19)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012.

(20)

Dawk il-miżuri għandhom ikunu effettivi u proporzjonati biex jinkiseb l-għan tagħhom ta’ konservazzjoni u għandhom iwaqqfu lill-Gżejjer Faroe milli jieħdu vantaġġ mis-swieq, il-portijiet u l-faċilitajiet tal-Unjoni biex jibqgħu jissoktaw bis-sajd mhux sostenibbli tagħhom.

(21)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat l-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali fuq medda qasira u twila ta’ żmien tal-miżuri li jistgħu jkunu adottati skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012, kif ukoll il-piż amministrattiv assoċjat mal-implimentazzjoni tagħhom.

(22)

Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni jidher xieraq li jiġu adottati, bħala l-ewwel pass, ċerti miżuri elenkati fil-punti (c), (d), (e) u (i) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012. Jekk dawk il-miżuri ma jkunux effettivi u jekk il-Gżejjer Faroe jkomplu jippermettu sajd mhux sostenibbli, jistgħu jiġu stabbiliti miżuri oħra.

(23)

Is-sajd għall-aringi tal-Gżejjer Faroe, imwettaq minn bastimenti tas-sajd tat-tkarkir f’ibħra ta’ profondità medja, jista’ jkun sajd dirett fix-xhur aktar kiesħa tas-sena, iżda huwa sajd imħallat lejn tmiem ir-rebbiegħa u s-sajf, meta l-aringi u l-kavalli jinqabdu f’kwantitajiet simili. Iż-żewġ speċijiet jistgħu jinqabdu mill-istess bastimenti fl-istess qabda, fl-istess vjaġġ tas-sajd jew fl-istess żoni tas-sajd matul l-istaġun. Il-kavalli hu għalhekk speċi assoċjata mal-aringi. Konsegwentement, bl-issoktar tal-qbid u l-esportazzjoni tal-kavalli, il-Gżejjer Faroe jitħajjru wkoll ikomplu jaqbdu ammonti kbar ta’ aringi, li hija sajda sekondarja bla għażla, anke jekk l-aringi ma jistgħux jiġu esportati lejn l-Unjoni. Għalhekk, jekk ma jiġux inklużi wkoll l-importazzjonijiet tal-kavalli fil-miżuri, l-effettività ta’ projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-aringi tkun imxekkla bħala mezz biex jiġi evitat aktar dannu għas-sostenibbiltà tal-istokk tal-aringi. Il-kavalli jgħixu flimkien mal-aringi b’tali mod li waqt is-sajd għall-kavalli f’żoni tas-sajd taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe, dejjem hemm riskju li jinqabdu l-aringi. Għalhekk il-kavalli kollha li jinqabdu taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe huwa suxxettibbli li jinqabdu flimkien mal-aringi. Għaldaqstant, sabiex il-miżuri kummerċjali jkunu effettivi, dawn għandhom ikopru kemm l-aringi kif ukoll il-kavalli.

(24)

Fil-valutazzjoni tal-proprozjonalità tal-miżuri, u b’mod partikolari biex jiġi deċiż jekk ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-ispeċi prinċipali maqbuda matul is-sajd għall-aringi għandhomx ikunu limitati għal ċertu ammont jew għandhomx jipprojbixxu l-importazzjonijiet kollha, il-Kummissjoni eżaminat jekk miżuri alternattivi aktar minn projbizzjoni totali tal-importazzjonijiet tal-prodotti kollha magħmula mill-aringi jew l-kavalli jew li fihom l-aringi jew il-kavalli jistgħux jitqiesu bħala miżuri aktar proporzjonati. Tliet alternattivi possibbli ġew ivvalutati i) restrizzjoni kwantitattiva tal-prodotti kollha, li jillimitaw l-importazzjonijiet għal skambji tradizzjonali ii) projbizzjoni totali ta’ ħut frisk, iffriżat u tal-bott biss, mingħajr l-inklużjoni ta’ prodotti aktar elaborati bħal smida tal-ħut u żejt, u iii) projbizzjoni fuq l-importazzjoni limitata għall-aringi u l-prodotti bl-aringi biss. Filwaqt li l-ewwel waħda minn dawn it-tliet għażliet tista’ tkun effettiva ħafna meta titqies l-importanza kbira tal-esportazzjonijiet tas-smida tal-ħut mill-Gżejjer Faroe lejn l-UE, hija titqies bħala waħda wisq ta’ piż f’dan l-istadju, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra li minn naħa waħda, dan jista’ jaffettwa setturi tal-industrija tas-sajd tal-Gżejjer Faroe li mhumiex marbuta b’mod dirett mas-settur tas-sajd pelaġiku u, min-naħa l-oħra, hija toħloq piż amministrattiv għoli assoċjat mal-analiżi tal-kampjuni tas-smida tal-ħut u taż-żejt f’laboratorji speċjalizzati biex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni skont l-ispeċi. It-tielet alternattiva, kif intqal hawn fuq, titqies ineffiċjenti kemm-il darba l-konsegwenzi ekonomiċi potenzjali tagħha jistgħu faċilment jiġi kkumpensati mill-esportazzjonijiet ta’ kavalli. It-tieni alternattiva toffri għalhekk l-aqwa bilanċ bejn il-mezzi u l-effetti mixtieqa tagħhom u ma hemmx miżuri inqas onerużi biex jinkiseb ir-riżultat meħtieġ.

(25)

Fil-valutazzjoni tal-proprozjonalità, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk miżuri oħra barra minn restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, u notevolment restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ portijiet humiex meħtieġa. Billi l-użu ta’ portijiet għar-riforniment, il-ħatt l-art, l-iskambju tal-ekwipaġġ, it-tiswijiet u l-mistrieħ jikkostitwixxu attivitajiet ta’ rutina meħtieġa marbuta mal-qbid tal-aringi, il-Kummissjoni kkonkludiet li miżuri bħal dawn huma wkoll meħtieġa u l-ebda miżuri alternattivi inqas restrittivi ma huma possibbli biex jiġi evitat li l-flotot tal-Gżejjer Faroe japprofittaw ruħhom mill-faċilitajiet tal-UE biex iwettqu sajd insostenibbli għall-aringi.

(26)

Fl-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali tal-miżuri fuq medda ta’ żmien qasir jew fit-tul, kif ukoll il-piż amministrattiv assoċjat mal-implimentazzjoni tagħhom, jista’ jiġi konkluż li l-miżuri huma raġonevoli u mhux se jkollhom effetti mhux aċċettabbli jew mhux se joħolqu piż żejjed. L-effetti ambjentali tal-miżuri huma validi għaliex mistennija li jikkontribwixxu biex tittejjeb is-sostenibbiltà tal-istokk tal-aringi. L-effetti kummerċjali tagħhom se jkunu moderati, għalkemm mistennija effetti ekonomiċi immedjati, minħabba li jistgħu jinstabu mekkaniżmi ta’ skambju alternattivi fuq medda ta’ żmien medju u fl-aħħar mill-aħħar ebda nuqqas ta’ provvisti ma huma mistennija ġewwa l-UE. L-effetti ekonomiċi u soċjali huma mistenni li jkunu moderati fuq medda ta’ żmien qasir, peress li se jkunu assoċjati mal-effetti kummerċjali; madankollu, fuq medda ta’ żmien medju u twil, jekk il-miżuri jiksbu l-effetti mixtieqa, se jkunu neċessarjament pożittivi ħafna speċjalment għal għadd ta’ flotot li d-dipendenza ekonomika tagħhom mill-ħut pelaġiku hija għolja. Il-piż amministrattiv mill-miżuri se jkun relattivament baxx jekk wieħed jikkunsidra li l-biċċa l-kbira tal-mezzi tal-kontroll, inkluż il-persunal, meħtieġa għall-infurzar tal-miżuri fl-Istati Membri jeżistu diġà.

(27)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-miżuri mal-liġi internazzjonali u kkonkludiet li huma marbuta mal-konservazzjoni ta’ stokk tal-ħut li huwa eżawribbli u għandhom l-għan li jiġi evitat l-isfruttament żejjed tal-istokk magħmul effettiv, peress li l-miżuri għandhom fil-mira li l-istokk Atlantu-Skandjan tal-aringi jinżamm f’limiti bijoloġiċi sikuri. Il-miżuri jsiru effettivi flimkien mal-miżuri tal-Unjoni stess ta’ konservazzjoni (Article 5(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012). B’mod partikolari, l-Unjoni naqqset il-qabdiet tagħha b’26 %, skont ir-rakkomandazzjoni mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Ibħra (ICES), u l-Unjoni qed tapplika bis-sħiħ il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-pjan ta’ ġestjoni fit-tul, li dwaru ntlaħaq ftehim u li ġie applikat mill-istati kostali sa mill-1999 u li reġa’ ġie kkonfermat mill-ICES f’Mejju tal-2013 bħala konsistenti mal-approċċ ta’ prekawzjoni u bħala l-approċċ xieraq biex is-sajd jibqa’ ġewwa l-limiti bijoloġiċi xierqa. Barra minn hekk ma hemmx evidenza xjentifika konklużiva li turi li hemm sehem ogħla fiż-żona tas-sajd tal-aringi Atlantu-Skandjani li għalihom l-Gżejjer Faroe huma intitolati; għaldaqstant, tnaqqis tal-qabdiet tagħhom kif ġie rrakkomandat mill-ICES għall-2013 kien ikun xieraq.

(28)

Konsegwentement, il-miżuri li għandhom jiġu adottati bħala l-ewwel pass għandhom jinkludu: (a) il-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ aringi u kavalli mill-istokkijiet Atlantu-Skandjani kif ukoll ta’ prodotti tal-ħut li fihom dan il-ħut jew li huma magħmula minnu u (b) restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ portijiet tal-Unjoni minn bastimenti tas-sajd għall-istokkijiet ta’ aringi u kavalli taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe u minn bastimenti li jittrasportaw ħut jew prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn dik iż-żona tas-sajd.Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-miżuri applikabbli għal bastimenti li jkunu qed iwettqu sajd fuq l-istokkijiet rilevanti ta’ aringi u kavalli jew li jittrasportaw ħut jew prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn dawk l-istokkijiet, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkunu pprovduti b’listi ta’ dawk il-bastimenti. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aringi jew il-kavalli jkunx inqabdu taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe, għandu jsir użu mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid stabbilita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (5).

(29)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jidentifika l-Gżejjer Faroe bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli tal-aringi Atlantu-Skandjani u jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-Gżejjer Faroe biex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul ta’ dak l-istokk.

Artikolu 2

Ambitu u għanijiet

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-attività tas-sajd għall-aringi Atlantu-Skandjani mwettqa taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe. L-għan tiegħu huwa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokk tal-aringi Atlantu-Skandjani.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“L-istokk tal-aringi Atlantu-Skandjani tfisser l-istokk tal-aringi (Clupea harengus) fis-subżoni I, II, V, VII u XIV tal-ICES (Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) (6)

(b)

“aringi Atlantu-Skandjani” tfisser ħut mill-istokk tal-aringi Atlantu-Skandjani

(c)

Il-kavalli huma ħut mill-ispeċi Scomber scombrus li nqabad fiż-żoni okkupati mill-aringi Atlantu-Skandjani.

(d)

“maqbuda taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe” tfisser maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Gżejjer Faroe, jew minn bastimenti li jtarju l-bandiera ta’ Stat ieħor li ġew awtorizzati biex jistadu fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gżejjer Faroe jew ġew mikrija minn ditta tal-Gżejjer Faroe jew mill-awtoritajiet tal-Ġżejjer Faroe.

Artikolu 4

Identifikazzjoni

Il-Gżejjer Faroe għandhom jiġu identifikati bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli tal-istokk ta’ arringi Atlantu-Skandjani.

Artikolu 5

Miżuri

1.   Għandu jkun ipprojbit li jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni, inkluż għal skopijiet ta’ trasbord f’portijiet, ħut jew prodotti tas-sajd imsemmija fl-Anness li jikkonsistu jew li huma magħmula jew li fihom l-aringi Atlantu-Skandjani jew kavalli li jinqabdu taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe.

2.   L-użu ta’ portijiet tal-Unjoni minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Gżejjer Faroe li jistadu għall-aringa Atlantu-Skandjana jew kavalli u minn bastimenti li jittrasportaw il-ħut jew il-prodotti tas-sajd li jirriżultaw mill-aringi jew il-kavalli maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dak il-pajjiż jew minn bastimenti awtorizzati minnu filwaqt li jtajjru bandiera oħra għandu jkun ipprojbit. Din il-projbizzjoni m’għandhiex tapplika f’każijiet ta’ force majeure jew jekk ikunu jinsabu f’diffikultà fis-sens tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar għal servizzi strettament neċessarji sabiex jiġu rrimedjati dawk is-sitwazzjonijiet.

Artikolu 6

Implimentazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħmlu użu tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid stabbilita fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 sabiex jidentifikaw kwalunkwe prodott li jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(2), l-Istati Membri għandhom jiġu pprovduti b’listi indikattivi ta’ bastimenti li, skont sorsi affidabbli ta’ dejta, ikunu stadu jew ikunu attwalment qed jistadu għall-aringi jew il-kavalli Atlantu-Skandjani taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34.

(2)  http://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2012/2012/her-noss.pdf

(3)  http://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2013/Special%20requests/NEAFC%20NSS%20herring%20MP.pdf

(4)  Id-Deċiżjoni C(2013) 2853 tas-17.5.2013.

(5)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(6)  Kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).


ANNESS

Lista ta’ ħut u prodotti tal-industrija tas-sajd li l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni hija pprojbita

Speċi

Prodotti (Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata (HS))

Aringa (Clupea harengus)

ex 0302 41

ex 0302 90

ex 0303 51

ex 0303 90 90

ex 0304 59 50

ex 0304 86

ex 0304 99 23

ex 0305 42

ex 0305 59 30

ex 0305 61

ex 0305 72

ex 0305 79

ex 1604 12

ex 1604 20 90

Kavalli (Scomber scombrus)

ex 0302 44

ex 0303 54

ex 0304 49 90

ex 0304 89 49

ex 0304 99 99

ex 0305 49 30

ex 1604 15

ex 1604 20 50