17.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 787/2013

tas-16 ta’ Awwissu 2013

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737) bħala addittiv tal-għalf għad-dundjani għas-simna u dundjani mkabbra għat-tgħammir (detentur tal-awtorizzazzjoni Kemin Europa N.V.)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistjipula l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u għar-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġiet ippreżentata applikazzjoni għal użu ġdid ta’ preparazzjoni tal-Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737). Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-partikolaritajiet u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

Dik l-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ użu ġdid għal Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737) bħala addittiv fl-għalf għad-dundjani għas-simna u d-dundjani mkabbra għat-tgħammir, biex jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”.

(4)

L-użu tal-preparazzjoni tal-Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737) kien awtorizzat għal għaxar snin għat-tiġieġ għas-simna permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 107/2010 (2), u tiġieġ imrobbija għat-tgħammir, papri għas-simna, summien, faġani, perniċi, fargħuni, ħamiem, wiżż għas-simna u ngħam mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2011 (3) u għall-majjaletti miftuma u s-Suidae miftuma minbarra s-Sus scrofa domesticus mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 306/2013 (4).

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2013 (5) ikkonfermat il-konklużjonijiet preċedenti tagħha li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737) hija preżunta mingħajr periklu għas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin u għall-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-addittiv għandu l-potenzjal li jtejjeb il-kapaċità żooteknika fid-dundjani għas-simna u li din il-konklużjoni tista’ tiġi estiża għal dundjani mkabbra għat-tgħammir. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi għal monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni tal-Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737) turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta’ din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat, kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “stabbilizzanti għall-batterja li jkun hemm fil-musrana”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  ĠU L 36, 9.2.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 229, 6.9.2011, p. 3.

(4)  ĠU L 91, 3.4.2013, p. 5.

(5)  EFSA Journal 2013; 11(4):3176.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

CFU/kg tal-oġġett tal-għalf komplet għall-bhejjem b’kontenut ta’ meraq ta’ 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: stabbilizzanti għall-batterja li tinsab fil-musrana

4b1823

Kemin Europa N.V.

Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737)

 

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni tal-Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737) li fiha minimu ta’ 1 × 1010 CFU/g addittiv

Għamla solida

 

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Spori ta’ Bacillus subtilis (ATCC PTA-6737)

 

Metodu analitiku  (1)

Enumerazzjoni: il-metodu bi pjanċi għad-diffużjoni bl-użu tat-tryptone soya agar bi trattament minn qabel ta’ sħana tal-kampjuni tal-għalf.

Identifikazzjoni: metodu ta’ elettroforeżi bil-ġell f’kamp pulsat (PFGE).

Dundjani għas-simna u mrobbija għat-tgħammir

1 × 108

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlita minn qabel, indika t-temperatura tal-ħażna, l-istabbiltà għall-pelletting.

2.

L-użu huwa permess f’għalf li fih il-koċċidijostatiċi awtorizzati: diklażuril, idroklorur tar-robenidina, lasaloaċidu A tas-sodju, maduramiċina ammonju, jew is-sodju tal-monensina, fuq kundizzjonijiet li dan il-koċċidijostatiku huwa awtorizzat għall-ispeċi rilevanti.

Is-6 ta’ Settembru 2023


(1)  Dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz li ġej tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità: http://irmm.jrc.ec.europa.eu/EURLs/EURL_feed_additives/Pages/index.aspx