9.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 766/2013

tas-7 ta’ Awwissu 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni li torbot dwar it-tariffa u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex konformi ma' dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex konformi ma' dan ir-Regolament, tista' tkompli tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott likwidu bbażat fuq prodotti tal-ħalib iffermentati miżjuda bi frott u biċċiet taċ-ċereali, li jikkonsisti minn (% bil-piż):

jogurt (kontenut ta' xaħam fil-ħalib 1,9 % skont il-piż)

78,9

zokkor

8,4

ilma

7,4

ħawħ

4,3

laqx tal-qamħ

0,6

Laqx tas-segala

0,3

u kwantitajiet żgħar ta’ preparazzjonijiet ta’ ħwawar (togħmiet), karotene (aġent koloranti) u mikroorganiżmi użati fi prodotti tal-ikel.

Il-prodott, imqiegħed fi flixkun tal-plastik li jesa' 400 g, huwa intenzjonat għal konsum dirett bħala xarba.

2202 90 95

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċi NM 2202 , 2202 90  u 2202 90 95 .

Il-klassifikazzjoni tal-prodott taħt l-intestatura 0403 bħala jogurt likwidu hija eskluża minħabba li l-laqx taċ-ċereali mhuwiex sustanza li tista' tiżdied mal-prodotti tal-Kapitolu 4 (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HS) għall-Kapitolu 4, Ġenerali, il-punt (I), it-tieni paragrafu). Barra minn hekk, iċ-ċereali ma jilħqux il-kriterji tal-kliem tal-intestatura 0403 billi ma jistgħux jitqiesu bħala “frott, ġewż jew kawkaw miżjud”.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1901 hija eskluża minħabba li l-prodott għandu karatteristiċi ta' xarba tal-Kapitlu 22 (ara wkoll in-Nota ta' Spjegazzjoni HS għall-intestatura 1901 , il-punt (III), it-tieni paragrafu).

Peress li l-prodott jiġi kkunsmat direttament bħala xarba, huwa kopert mill-intestatura 2202 .

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2202 bħala "xorb mhux alkoħoliku".