7.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 756/2013

tas-6 ta’ Awwissu 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 657/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal tal-iskola f’ċerti stabbilimenti tal-edukazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 102 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 (2) li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ prodotti mill-ħalib lit-tfal tal-iskola f’stabbilimenti tal-edukazzjoni skont l-Artikolu 102 ta’ dak ir-Regolament. Sabiex titjieb il-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-iskema tal-ħalib fl-iskejjel, ċerti regoli għandhom jiġu ċċarati.

(2)

L-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 657/2008 jistipula li l-applikazzjonijiet għall-ħlas jistgħu jkopru perjodi minn xahar sa seba’ xhur. Huwa xieraq li jiġi speċifikat li kull wieħed minn dawn il-perjodi għandu jkun f’perjodu wieħed ta’ sena skolastika li jkorpri mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju.

(3)

L-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 657/2008 jipprevedi li l-kontrolli fil-post għandhom jitwettqu matul il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju u għandhom ikopru perjodu ta’ mill-anqas it-12-il xahar preċedenti. Sabiex il-kontrolli jkunu aktar effettivi, il-perjodu ta’ żmien biex jitwettqu l-kontrolli fil-post għandhom ikopru l-perjodu ta’ sena skolastika li jkopri mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju li miegħu huma relatati u t-12-il xahar ta’ wara, filwaqt li titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar l-għażla taż-żmien tal-kontrolli fil-post f’dak il-perjodu ta’ żmien. Madankollu, il-kontrolli fil-post għandhom ikopru perjodu ta’ mill-anqas erba’ xhur tal-perjodu tas-sena skolastika kkonċernat. Għandhom ikunu ffissati wkoll, id-dati ta’ skadenza għat-tlestija tal-kontrolli fil-post u tar-rapporti ta’ kontroll.

(4)

Sabiex jittieħed kont tad-dati ta’ skadenza li jikkonċernaw il-kontrolli fil-post stabbiliti f’dan ir-Regolament, id-data ta skadenza biex tiġi nnotifikata l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 657/2008 għandha tiġi emendata. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġi ċċarat li n-notifiki msemmija f’dak l-Artikolu jirrilataw mal-prodotti mqassma fil-perjodu rispettiv tas-sena skolastika li jestendi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju.

(5)

Sabiex ikun ivvalutat il-proporzjon ta’ tfal li jipparteċipaw fl-iskema tal-ħalib fl-iskejjel, huwa xieraq li tkun prevista aktar informazzjoni li trid tiġi sottomessa f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 657/2008.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 657/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Hemm bżonn li r-regoli l-ġodda jibdew japplikaw mill-bidu tal-perjodu tas-sena skolastika l-ġdid li jibda fl-1 ta’ Awwissu 2013.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 657/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-frekwenza tal-applikazzjonijiet. Dawn jistgħu jkopru perjodi ta’ żmien minn xahar sa seba’ xhur fl-istess perjodu ta’ sena skolastika li jestendi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju.”

(2)

L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-kontrolli fil-post għandhom jitwettqu matul il-perjodu tas-sena skolastika li jkopri mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju li miegħu huma relatati (perjodu N) jew matul it-12-il xahar ta’ wara (perjodu N + 1), jew matul it-tnejn.

Il-kontrolli fil-post għandhom ikopru perjodu ta’ mill-anqas erba’ xhur tal-perjodu tas-sena skolastika li miegħu huma relatati (perjodu N).

Kull kontroll fil-post għandu jitqies lest hekk kif ir-rapport ta’ kontroll korrispondenti, kif imsemmi fil-paragrafu 8, huwa disponibbli.”

(b)

fil-paragrafu 8, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Ir-rapportita’ kontroll kollha għandhom jitlestew sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara tmiem il-perjodu tas-sena skolastika li jkopri mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju li miegħu l-kontrolli fuq il-post rispettivi huma relatati (perjodu N + 1).”

(3)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-prodotti mqassma matul il-perjodu tas-sena skolastika li jkopri mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju li jkun intemm fis-sena kalendarja preċedenti, maqsum mill-applikant kif definit fl-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament:”

(b)

Fil-paragrafu 2, jiżdiedu dawn il-punti li ġejjin:

“(f)

in-numru approssimattiv tat-tfal li jattendu b’mod regolari fl-istabbilimenti edukattivi kollha li jipparteċipaw fl-iskema tal-ħalib fl-iskejjel;

(g)

in-numru approssimattiv tat-tfal eliġibbli skont l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-perjodu tass-sena skolastika li jestendi mill-1 ta’ Awwissu 2013 sal-31 ta’ Lulju 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 183, 11.7.2008, p. 17.