6.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 752/2013

tal-31 ta’ Lulju 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 rigward il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ u l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 103za u l-Artikolu 158a(4), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (2) jipprevedu kriterji tal-eliġibbiltà għall-operazzjonijiet għall-promozzjoni tal-inbejjed fis-swieq tal-pajjiżi terzi inklużi fi programmi nazzjonali ta’ appoġġ u għall-proċedura tal-għażla ta’ dawn l-operazzjonijiet.

(2)

Fid-dawl tan-natura speċifika tal-miżura ta’ promozzjoni tal-inbid fis-swieq ta’ pajjiżi terzi u fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ appoġġ nazzjonali, għandhom jiġu stabbiliti r-regoli għall-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż amministrattivi mġarrba mill-benefiċjarju fit-twettiq ta’ miżuri bħal dawn.

(3)

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jipprovdi għall-ġestjoni finanzjarja tal-miżuri tal-investiment. Sabiex titħaffef il-kisba ta’ proġetti ta’ investiment fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmar mill-2014 sal-2018, il-limitu massimu ta’ ħlasijiet bil-quddiem għandu jogħla fl-2014 u l-2015. L-istess approċċ għandu japplika wkoll għat-twettiq ta’ proġetti ta’ investiment fil-kuntest ta’ tmiem l-ewwel perjodu ta’ programmar mill-2009 sal-2013. Għalhekk, il-limitu massimu ta’ ħlasijiet bil-quddiem għandu wkoll jiżdied għall-2013.

(4)

Huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri li jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba u li jitjieb il-kontroll tal-finanzjament mill-Unjoni avvanzat lill-benefiċjarji fil-qafas tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ. Meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ mill-Istati Membri biex jimplimentaw dawn il-miżuri, l-applikazzjoni tagħhom għandha tibda mill-2014, ħlief fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħtu iktar avvanzi fl-2013 sal-limiti massimi li għandhom jiġu introdotti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 555/2008.

(5)

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jintlaħqu għall-importazzjoni ta’ nbid, meraq tal-għeneb u most tal-għeneb fl-Unjoni. Dan jipprovdi, b’mod partikolari, l-obbligu li jitressaq id-dokument V I 1, imfassal fuq il-formola V I 1 li tkun taqbel mal-kampjun muri fl-Anness IX għal dak ir-Regolament, iffirmat minn uffiċjal ta’ korp uffiċjali u minn uffiċjal ta’ laboratorju rikonoxxut, jew dokument stampat simplifikat V I 1 għal prodotti tal-inbid importati fl-Unjoni. B’qies tal-iżvilupp ta’ sistemi kompjuterizzati f’dak is-settur u sabiex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ tal-movimenti u l-kontrolli tal-prodotti tad-dielja, huwa xieraq li jiġu awtorizzati wkoll l-użu ta’ sistemi kompjuterizzati u konsegwentement ta’ dokumenti elettroniċi. Madankollu, l-użu ta’ sistemi kompjuterizzati għandu jkun suġġett għar-rispett ta’ ċerti kundizzjonijiet u r-rikonoxxenza mill-Unjoni li s-sistema ta’ kontrolli stabbilita f’pajjiż terz toffri garanziji suffiċjenti fir-rigward tan-natura, l-oriġini u t-traċċabbiltà ta’ prodotti tal-inbid importat fl-Unjoni minn dak il-pajjiż terz. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet minimi meħtieġa għall-aċċettazzjoni uffiċjali mill-Unjoni tal-ekwivalenza tas-sistema tal-kontrolli li jeżistu fil-pajjiż terz ikkonċernat mas-sistema stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

(6)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-pajjiżi terzi li jkunu stabbilew sistema ta’ kontrolli rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni għandhom jiġu inklużi f’lista.

(7)

Wara eżami tal-applikazzjoni introdott mill-awtoritajiet kompetenti taċ-Ċilì biex jibbenefikaw mill-proċedura simplifikata prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 u rikonoxximent mill-Unjoni li s-sistema tal-kontrolli li teżisti fis-settur tal-inbid Ċilen toffri garanziji speċjali dwar il-kontroll u t-traċċabbiltà ta’ nbejjed magħmulin fiċ-Ċilì, id-dokumenti V I 1 magħmula mill-produtturi tal-inbid taċ-Ċilì li jkunu rċevew approvazzjoni individwali mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u ġew soġġetti għal spezzjoni minn din tal-aħħar, għandhom jitqiesu bħala ċertifikati jew rapporti ta’ analiżi mfassla minn aġenziji u laboratorji inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament. Il-lista ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 u li hi stabbilita fl-Anness XII tagħhom għandha tiġi emendata skont dan.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

it-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu II, jiżdied l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Kostijiet eliġibbli

1.   L-ispejjeż tal-persunal tal-benefiċjarju msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jitqiesu bħala eliġibbli jekk dawn jiġġarrbu b’relazzjoni mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew is-segwitu tal-proġett ta’ promozzjoni partikolari appoġġjat, inkluża l-evalwazzjoni. Dan jinkludi l-ispejjeż tal-persunal kkuntrattat mill-benefiċjarju speċifikament fl-okkażjoni ta’ proġett ta’ promozzjoni u l-ispejjeż tal-proġett li jikkorrispondu mas-sehem tas-sigħat tax-xogħol investiti fil-proġett ta’ promozzjoni minn persunal permanenti tal-benefiċjarju.

L-Istati Membri għandhom jaċċettaw biss l-ispejjeż tal-persunal bħala eliġibbli jekk il-benefiċjarji jipprovdi dokumenti ta’ prova li jistabbilixxu d-dettalji tax-xogħol attwalment imwettqa fir-rigward ta’ proġett ta’ promozzjoni partikolari appoġġjat.

2.   L-ispejjeż ġenerali mġarrba mill-benefiċjarju għandhom jiġu kkunsidrati eliġibbli biss jekk:

(a)

ikunu relatati mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew is-segwitu tal-proġett; kif ukoll

(b)

ma jkunux jaqbżu 4 % tal-ispejjeż attwali tal-implimentazzjoni tal-proġetti.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk dawk l-ispejjeż ġenerali humiex eliġibbli fuq il-bażi ta’ rata fissa jew fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn. Fil-każ tal-aħħar, il-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji, ir-regoli u l-metodi tal-kontabilità użati fil-pajjiż tal-benefiċjarju.”

(2)

fl-Artikolu 19(2), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“L-ammont ta’ self m’għandux jaqbeż l-20 % tal-għajnuna pubblika relatata mal-investiment, u l-ħlas tiegħu għandu jkun soġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkun tikkorrispondi għal 110 % tal-ammont tas-self. Madankollu, fil-każ ta’ investimenti li għalihom id-deċiżjoni individwali biex jingħata l-appoġġ tittieħed fis-snin finanzjarji 2013, 2014 jew 2015, l-ammont tal-avvanzi jista’ jitla’ sa 50 % tal-għajnuna pubblika marbuta ma’ dak l-investiment. Għall-finijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 (*) l-obbligazzjoni għandha tkun li jintefaq l-ammont totali avvanzat fl-implimentazzjoni tal-ħidma kkonċernata sentejn wara l-ħlas tiegħu.

(*)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 tat-28 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 4).”"

(3)

Fil-Kapitolu III tat-Titolu II, għandu jiżdied l-Artikolu 37b li ġej:

“Artikolu 37b

Komunikazzjoni relatata mal-avvanzi

1.   Fejn l-avvanzi huma mogħtija skont l-Artikoli 5(7), 9(2), 19(2) u 24(3), il-benefiċjarji huma mitluba li ta’ kull sena jipprovdu għal kull proġett l-informazzjoni li ġejja lill-aġenziji tal-ħlas:

(a)

dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż, skont il-miżura, li jiġġustifikaw l-użu tal-avvanzi sal-15 ta’ Ottubru; kif ukoll

(b)

konferma, skont il-miżura, tal-bilanċ ta’ avvanzi mhux użati li jifdal fil-15 ta’ Ottubru.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fir-regoli nazzjonali tagħhom id-data tat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni sabiex din tkun inkluża fil-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 sal-iskadenza stipulata fl-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-kontijiet annwali tal-2013, ħlief meta jingħataw avvanzi ta’ aktar minn 20 % u sa massimu ta’ 50 % tal-għajnuna pubblika marbuta mal-investimenti b’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2).

3.   Għall-għanijiet tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2012, l-evidenza ta’ intitolament finali li trid tiġi prodotta għandha tkun l-aħħar dikjarazzjoni u konferma tal-ispejjeż tal-bilanċ imsemmija fil-paragrafu 1.

Rigward l-avvanzi skont l-Artikoli 9(2) u 19(2) ta’ dan ir-Regolament, id-dikjarazzjoni u l-konferma tal-aħħar spejjeż tal-bilanċ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprovduta sal-aħħar tat-tieni sena finanzjarja wara l-ħlas tagħhom.”

(4)

Fil-Kapitolu II tat-Titolu III għandu jiddaħħal l-Artikolu 45a li ġej:

“Artikolu 45a

Dokument elettroniku

1.   Id-dokumenti V I 1 stabbiliti skont l-Artikoli 43 u 45 jistgħu jiġu sostitwiti b’dokument elettroniku għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-inbid li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi li għandhom sistema ta’ kontrolli aċċettata mill-Unjoni bħala ekwivalenti għal dak stabbilit għall-istess prodotti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Sistema ta’ kontrolli f’pajjiż terz tista’ tiġi aċċettata bħala ekwivalenti għal dak stabbilit għall-istess prodotti mill-Unjoni jekk tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

toffri garanziji suffiċjenti fir-rigward tan-natura, l-oriġini u t-traċċabbiltà tal-prodotti tal-inbid prodott jew ikkummerċjalizzat fit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat;

(b)

tiżgura aċċess għad-dejta miżmuma fis-sistema elettronika użata, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-operaturi, il-korpi ta’ kontroll u l-laboratorji tal-analiżi;

(c)

tiggarantixxi l-possibbiltà li tiġi vverifikata d-dejta msemmija fil-punt (b) fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni amministrattiva reċiproka.

Pajjiżi terzi li jkollhom fis-seħħ sistema ta’ kontrolli aċċettata mill-Unjoni bħala ekwivalenti skont it-tieni subparagrafu għandhom jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness XII, Parti C.

2.   Id-dokument elettroniku previst fil-paragrafu 1 għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment tad-dokument V I 1.

Tiġi assenjata kodiċi ta’ referenza amministrattiva unika lid-dokument elettroniku minn, jew taħt il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz tal-esportazzjoni. Din il-kodiċi hija inkluża fuq id-dokumenti kummerċjali meħtieġa għall-importazzjoni fit-territorju tal-Unjoni.

3.   L-aċċess għad-dokument elettroniku jew għad-dejta neċessarja għall-istabbiliment tiegħu għandu jingħata kull meta jintalab mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Id-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tintalab fil-forma ta’ dokument stampat li fih id-dejta għandha tintwera fil-forma ta’ elementi ta’ dejta, espressi bl-istess mod bħal dak tad-dokument elettroniku.”

(5)

L-Anness XII huwa sostitwit mit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas-27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid (ĠU L 170, 30.6.2008, p. 1).


ANNESS

“ANNESS XII

Lista tal-pajjiżi terzi kif imsemmija fl-Artikolu 43(2), l-Artikolu 45 u l-Artikolu 45a

PARTI A

:

Lista ta’ pajjiżi terzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 43(2):

L-Awstralja

Iċ-Ċilì

PARTI B

:

Lista ta’ pajjiżi terzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 45:

L-Awstralja

Iċ-Ċilì

L-Istati Uniti tal-Amerika

PARTI C

:

Lista ta’ pajjiżi terzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 45a:

-;”