31.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/35


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 739/2013

tat-30 ta’ Lulju 2013

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-Istigmasteroli bħala stabilizzaturi f’koktejls alkaħoliċi lesti biex jiġu ffriżati u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel abbażi ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) u 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

Dawn il-listi jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b’inizjattiva tal-Kummissjoni inkella wara talba.

(4)

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli bħala stabilizzaturi f’koktejls alkaħoliċi lesti biex jiġu ffriżati tressqet fil-11 ta’ Frar 2011, u tinsab għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

(5)

Hemm ħtieġa teknoloġika għall-użu ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli bħala stabilizzaturi, aġenti ta’ nukleazzjoni tas-silġ, biex joħolqu u jżommu l-preżenza ta’ tixrid tas-silġ fi ħdan firxa ta’ koktejls alkoħoliċi lesti biex jiġu ffriżati. Dawn il-prodotti huma mfassla biex jinxtraw mill-konsumatur bħala likwidu u jitqiegħdu fi friżers domestiċi għall-produzzjoni ta’ xorb semiffriżat. Meta steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli jiġu miżjuda mal-koktejls bħala aġent ta’ nukleazzjoni tas-silġ (stabilizzatur) jiżguraw li l-koktejls se jiffriżaw u jipproduċu xarba sodisfaċenti semiffriżata fil-friża tal-konsumatur. Mingħajr l-użu ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli, is-supertkessiħ tax-xorb jista’ jseħħ u l-formazzjoni tas-silġ ma jistax ikun garantit. Dan iwassal għal falliment tal-prodott.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(7)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ivvalutat is-sigurtà ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli meta jintużaw bħala addittiv tal-ikel f’koktejls alkoħoliċi lesti biex jiġu ffriżati u fl-14 ta’ Mejju 2012 (4) esprimiet l-opinjoni tagħha. Hija qieset li d-dejta tossikoloġika disponibbli għal steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli hija insuffiċjenti biex jiġi stabbilit ammont aċċettabbli li jista’ jittieħed kuljum. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, hija kkonkludiet li l-użu propost u l-livelli tal-użu ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli bħala stabilizzaturi f’koktejls alkoħoliċi lesti biex jiġu ffriżati mhumiex ta’ periklu għas-saħħa. Barra minn hekk, filwaqt li tqis l-espożizzjoni stmata għall-isteroli tal-pjanti mis-sorsi kollha, l-Awtorità tikkunsidra li l-medja ta’ kuljum (jiġifieri minn applikazzjonijiet ġodda, minn sorsi naturali u miżjuda bħala ingredjent tal-ikel ġdid) mhix se taqbeż it-3 g.

(8)

Għalhekk, huwa xieraq li jkun awtorizzat l-użu ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli bħala stabilizzaturi f’koktejls alkoħoliċi lesti biex jiġu ffriżati u li jkun assenjat E 499 bħala numru E għal dak l-addittiv tal-ikel.

(9)

L-isteroli tal-pjanti, l-istanoli tal-pjanti u l-esteri tagħhom ġew ivvalutati qabel minn diversi awtoritajiet xjentifiċi, inklużi l-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, il-Kumitat Konġunt tal-Esperti FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u huma approvati għall-użu f’ikel differenti fi ħdan l-Unjoni f’livelli ta’ konsum sa 3 g/kuljum. Dawk is-sustanzi jintużaw bħala ingredjenti tal-ikel ġodda bil-għan li individwi iperkolesterolemiċi jikkontrollaw il-livelli tal-kolesterol tat-tip LDL fid-demm.

(10)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna l-ittikkettjar ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli miżjuda, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli (5) jistipula dettalji obbligatorji dwar it-tikkettar ta’ tali ikel, flimkien ma’ dak imniżżel fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (6). Dawk ir-rekwiżiti tat-tikkettar għandhom x’jaqsmu mal-effetti tal-isteroli tal-pjanti, tal-esteri tal-isteroli tal-pjanti, l-istanoli tal-pjanti u/jew l-esteri tal-fitostanoli fuq il-livell ta’ kolesterol fid-demm.

(11)

Minħabba li l-livelli ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli għall-użu maħsub f’xorb alkoħoliku mhumiex biżżejjed biex jaffettawaw il-livelli ta’ kolesterol fid-demm, il-koktejls alkoħoliċi li fihom steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli għandhom ikunu eżentati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ ttikkettar stipulati bir-Regolament (KE) Nru 608/2004.

(12)

L-ispeċifikazzjonijiet għall-isteroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli għandhom jiddaħħlu fir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(13)

L-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar is-sigurtà ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli tal-14 ta’ Mejju 2012 ikkunsidrat l-ispeċifikazzjonijiet għal dak l-addittiv tal-ikel kif propost mill-applikant u kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Hija kkonkludiet li l-ispeċifikazzjonijiet huma bbażati fuq dawk stabbiliti għall-isteroli tal-pjanti, l-istenoli tal-pjanti, u l-esteri tagħhom permezz tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (7) u li r-riżultati mill-analiżi ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli vverifikat li l-proċess tal-produzzjoni jipproduċi prodott konsistenti li jaqa’ taħt l-ispeċifikazzjonijiet proposti.

(14)

Meta jkunu qed jiġu aġġornati l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2012, għandhom jitqiesu l-ispeċifikazzjonijiet u t-tekniki analitiċi għall-addittivi tal-ikel kif jistabbilixxi l-Codex Alimentarius imfassal mill-Kumitat Konġunt ta’ Esperti tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel.

(15)

Għaldaqstant ir-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 għandhom jiġu emendati skont dan.

(16)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1.

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel (ANS); Opinjoni xjentifika dwar is-sikurezza ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli bħala addittiv tal-ikel. The EFSA Journal 2012; 10(5):2659.

(5)  ĠU L 97, 1.4.2004, p. 44.

(6)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(7)  Il-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel, 2008. Steroli tal-pjanti, stenoli tal-pjanti u l-esteri tagħhom. Fil-: Kompendju tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Additivi tal-Ikel. Imħejji fid-69 JECFA (2008), FAO JECFA Monografi 5.


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-punt 3 tal-Parti B, l-annotazzjoni li ġejja għal E 499 tiddaħħal wara l-annotazzjoni għal E 495:

“E 499

Steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli”

(2)

Il-Parti E, il-kategorija tal-ikel 14.2.8 “Xarbiet alkoħoliċi oħra inklużi taħlitiet ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % ta’ alkoħol” hija emendata kif jidher hawn taħt:

(a)

l-entrati li ġejjin għal E 499 jiddaħħlu wara l-entrata għal E 481-482:

 

“E 499

Steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli

80

(80)

Biss għall-koktejls alkoħoliċi lesti biex jiġu ffriżati bbażati fuq l-ilma

 

E 499

Steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli

800

(80)

Biss għall-koktejls alkoħoliċi lesti biex jiġu ffriżati ibbażati fuq il-krema”

(b)

tiżdied in-nota f’qiegħ il-paġna li ġejja:

“(80):

Ir-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 44) ma għandhomx japplikaw.”


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja għall-E 499 wara l-annotazzjoni għall-E 495:

E 499 STEROLI TAL-PJANTI RIKKI FL-ISTIGMASTEROLI

Sinonimi

 

Definizzjoni

L-isteroli tal-pjanti rikki fl-istigmasteroli huma derivati minn fażola tas-sojja u huma definiti kimikament bħala taħlita sempliċi li tikkonsisti f’mhux anqas minn 95 % ta’ steroli tal-pjanti (stigmasterol, β-sitosterol, kampesterol u brassikasterol), bl-istigmasterol li jirrappreżenta mhux inqas minn 85 % ta’ steroli tal-pjanti rikki fl-istigmasterol.

Einecs

 

Isem kimiku

 

Stigmasterol

(3S,8S,9S,10R,13R,14S,17R)-17-(5-etil-6-metil-ett-3-en-2-il)-10,13-dimetil-2,3,4,7,8,9,11,12,14,15,16,17-dodekaidro-1Hċiklopenta[a]fenantren-3-ol

β-sitosterol

(3S,8S,9S,10R,13R,14S,17R)-17-[(2S,5S)-5-etil-6-metilettan-2-il]-10,13-dimetil-2,3,4,7,8,9,11,12,14,15,16,17-dodekaidro-1Hċiklopenta[a]fenantren-3-ol

Kampesterol

(3S,8S,9S,10R,13R,14S,17R)-17-(5,6-dimetilettan-2-il)-10,13-dimetil-2,3,4,7,8,9,11,12,14,15,16,17-dodekaidro-1Hċiklopenta[a]fenantren-3-ol

Brassikasterol

(3S,8S,9S,10R,13R,14S,17R)-17-[(E,2R,5R)-5,6-dimetiletta-3-en-2-il]-10,13-dimetil-2,3,4,7,8,9,11,12,14,15,16,17-dodekaidro-1Hċiklopenta[a]fenantren-3-ol

Formula kimika

 

Stigmasterol

C29H48O

β-Sitosterol

C29H50O

Kampesterol

C28H48O

Brassikasterol

C28H46O

Piż molekulari

 

Stigmasterol

412,6 g/mol

β-Sitosterol

414,7 g/mol

Kampesterol

400,6 g/mol

Brassikasterol

398,6 g/mol

Analiżi (prodotti li fihom biss steroli ħielsa u stanoli)

Kontenut mhux inqas minn 95 % fuq bażi totali ħielsa mill-isteroli/istanoli fuq il-bażi anidruża

Deskrizzjoni

Pilloli jew pastilji, trabijiet bojod jew kemxejn bojod, ġieri; likwidi mingħajr kulur sa isfar ċar

Identifikazzjoni

 

Solubbiltà

Prattikament insolubbli fl-ilma. L-isteroli u l-istanoli tal-pjanti huma solubbli fl-aċeton u fl-aċitat etiliku.

Kontenut tal-Istigmasterol

Mhux anqas minn 85 % (w/w)

Steroli/stanoli tal-pjanti oħra: jew weħidhom jew flimkien inkluża brassikasterol, campestanol, kampesterol, Δ-7-kampesterol, kolesterol, chlerosterol, sitostanol u β-sitosterol.

mhux iżjed minn 15 % (w/w)

Purità

 

Irmied totali

Mhux iktar minn 0,1 %

Solventi Residwi

Etanol: Mhux aktar minn 5 000  mg/kg

Metanol: Mhux aktar minn 50 mg/kg

Kontenut ta’ ilma

Mhux aktar minn 4 % (Metodu Karl Fisher)

Arseniku

Mhux aktar minn 3 mg/kg

Ċomb

Mhux aktar minn 1 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi

 

Għadd ta’ kolonji totali

Mhux aktar minn 1 000 CFU/g

Ħmira

Mhux aktar minn 100 CFU/g

Moffa

Mhux aktar minn 100 CFU/g

Escherichia coli

Mhux aktar minn 10 CFU/g

Salmonella spp.

Nieqsa f’25 g”