31.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/25


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 736/2013

tas-17 ta’ Mejju 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-medda ta’ żmien għall-programm ta’ ħidma għall-eżami ta’ sustanzi attivi bijoċidali eżistenti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprovdi għall-kontinwazzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi kollha eżistenti użati fil-prodotti bijoċidali li nbeda skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (2).

(2)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprovdi li l-programm ta’ ħidma għandu jintlaħaq sal-14 ta’ Mejju 2014.

(3)

Skont l-aħħar stimi tal-Kummissjoni, kif espressi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fuq l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (3), l-eżami tas-sustanzi attivi kollha eżistenti użati fil-prodotti bijoċidali mhux se jitlesta qabel il-31 ta’ Diċembru 2024.

(4)

Għalhekk huwa xieraq li l-programm ta’ ħidma jiġi estiż sa dik id-data.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (KE) Nru 528/2012 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tibqa’ għaddejja bil-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi kollha eżistenti li nbeda skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE bl-għan li jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2024. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 83 fir-rigward tat-twettiq tal-programm ta’ ħidma u tal-ispeċifikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi relatati tal-awtoritajiet kompetenti u tal-parteċipanti fil-programm.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(3)  COM(2011) 498 finali