|
27.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/17 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 725/2013
tas-26 ta’ Lulju 2013
dwar l-awtorizzazzjoni tal-klorur tal-ammonju bħala addittiv tal-għalf għar-ruminanti, il-qtates u l-klieb (detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u jistipula r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti tat-tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2). |
|
(2) |
Il-klorur tal-ammonju kien awtorizzat f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf mingħajr limitu taż-żmien għall-użu fl-għalf tal-qtates u tal-klieb u b’limitu taż-żmien għall-użu fl-għalf tal-annimali domestiċi kollha minbarra l-qtates u l-klieb bid-Direttiva tal-Kummissjoni 86/525/KEE (3). Dak l-addittiv wara ddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-klorur tal-ammonju bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u l-klieb u, skont l-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, għal użu ġdid tiegħu għar-ruminanti, bit-talba li l-addittiv jiddaħħal fil-kategorija tal-addittivi msejħa “addittivi teknoloġiċi”. Dik l-applikazzjoni kellha magħha d-dettalji u d-dokumenti mitluba skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(4) |
Fl-opinjoni tagħha tal-24 ta’ Mejju 2012 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-klorur tal-ammonju ma jħallix effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Hija rrikonoxxiet il-fatt li l-klorur tal-ammonju huwa aċidifikant qawwi tal-awrina u li ż-żieda tiegħu fl-għalf tar-ruminanti, tal-qtates u tal-klieb tirriżulta fi tnaqqis tal-pH fl-awrina. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi tal-monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf li tressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(5) |
Il-valutazzjoni tal-klorur tal-ammonju turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huma ssodisfati. B’hekk, l-użu ta’ dan l-addittiv għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(6) |
Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jitolbux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, huwa xieraq li jingħata perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju lilhom infushom biex jilħqu r-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw minn din l-awtorizzazzjoni. |
|
(7) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Awtorizzazzjoni
Il-klorur tal-ammonju speċifikat fl-Anness, li jaqa’ taħt il-kategorija tal-addittivi msejħa “addittivi żootekniċi”, u li jifforma parti mill-grupp funzjonali msejjaħ “addittivi żootekniċi oħrajn”, huwa awtorizzat bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Miżuri tranżitorji
L-addittiv speċifikat fl-Anness għall-użu fl-għalf tal-qtates u tal-klieb u l-għalf li jkun fih dak l-addittiv, li jkunu prodotti u ttikkettati qabel is-16 ta’ Awwissu 2015 skont ir-regoli applikabbli qabel is-16 ta’ Awwissu 2013 jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti tagħhom.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(2) ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1.
(3) ĠU L 310, 5.11.1986, p. 19.
(4) The EFSA Journal 2012; 10(6):2738.
ANNESS
|
In-numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv |
Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni |
Addittiv |
Kompożizzjoni, formola kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku |
Speċi jew kategorija tal-annimali |
Età massima |
Kontenut minimu |
Kontenut massimu |
Dispożizzjonijiet oħrajn |
Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni |
||||||||||||||||||||
|
f’mg għal kull kg tal-għalf komplut b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 % |
|||||||||||||||||||||||||||||
|
Kategorija ta’ addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħrajn (tnaqqis tal-pH fl-awrina) |
|||||||||||||||||||||||||||||
|
4d8 |
BASF SE |
Klorur tal-ammonju |
|
Ruminanti |
— |
— |
10 000 għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur 5 000 għal perjodu li jaqbeż it-tliet xhur |
|
Is-16 ta’ Awwissu 2023 |
||||||||||||||||||||
|
Qtates u klieb |
5 000 |
||||||||||||||||||||||||||||
(1) Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fis-sit tal-Internet tal-Laboratorju ta’ Referenza fl-indirizz elettroniku li ġej: http://irmm.jrc.ec.europa.eu/EURLs/EURL_feed_additives/Pages/index.aspx.