20.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 691/2013

tad-19 ta’ Lulju 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 152/2009 dwar metodi ta’ kampjunar u analiżi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ kampjunar u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (2) għaraf il-ħtieġa li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet dwar il-kampjunar sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi reċenti fil-mod kif l-għalf jiġi prodott, maħżun, trasportat u kkummerċjalizzat.

(2)

Il-kampjunar biex jiġu kkontrollati b’mod uffiċjali r-residwi mill-pestiċidi fl-għalf u fuq l-għalf, u li joriġina mill-pjanti u mill-annimali, għandu jsir b’konformità mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/63/KE tal-11 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi metodi tal-Komunità ta’ teħid ta’ kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali u li tħassar id-Direttiva 79/700/KEE (3). Ir-rekwiżiti dwar il-kampjunar stipulati fid-Direttiva 2002/63/KE huma rekwiżiti minimi u, b’mod ġenerali, dawk stipulati f’dan ir-Regolament huma tal-anqas fl-istess livell ta’ dawn ir-rekwiżiti minimi, inkella huma aktar stretti, u dan bl-eċċezzjoni tad-daqs tal-kampjun finali għal ċerti prodotti. Bl-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-daqs tal-kampjun finali biex jiġu kkontrollati r-residwi mill-pestiċidi, il-metodi ta’ kampjunar pprovduti f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu applikati wkoll biex jiġu kkontrollati r-residwi mill-pestiċidi.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2011 (4) jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf fir-rigward tal-preżenza ta’ materjal ġenetikament modifikat li għalih hija pendenti proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet. Għall-kampjunar, ir-Regolament (UE) Nru 619/2011 jagħmel referenza għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 152/2009 fejn jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi rigward id-daqs tal-kampjun. L-emendi introdotti minn dan ir-Regolament jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-daqs tal-kampjuni; għalhekk il-metodi ta’ kampjunar stipulati bir-Regolament (KE) Nru 152/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament, għandhom ikunu applikati wkoll biex tiġi vverifikata l-konformità mar-Regolament (UE) Nru 619/2011.

(4)

Irid jingħata żmien biex dan il-metodu ġdid ta’ kampjunar ikun jista’ jiġi implimentat.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 152/2009 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 152/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Il-kampjunar għall-kontroll uffiċjali tal-għalf, b’mod partikolari biex jiġu ddeterminati l-kostitwenti, inkluż materjal li fih organiżmi ġenetikament modifikati (GMOs), jikkonsisti minnhom jew jiġi prodott minnhom, l-addittivi tal-għalf kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u s-sustanzi mhux mixtieqa kif definiti fid-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), għandu jsir skont il-metodi stabbiliti fl-Anness I.

Il-metodu ta’ kampjunar stabbilit fl-Anness I huwa applikabbli biex jiġi kkontrollat l-għalf bil-għan li jiġu ddeterminati r-residwi mill-pestiċidi kif definit fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u biex tiġi vverifikata l-konformità mar-Regolament (UE) Nru 619/2011.

(*1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29."

(*2)   ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10."

(*3)   ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.” "

(2)

L-Anness I jeħodlu postu t-test mogħti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(3)

L-Anness II jeħodlu postu t-test mogħti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1.

(3)   ĠU L 187, 16.7.2002, p. 30.

(4)   ĠU L 166, 25.6.2011, p. 9.


ANNESS I

“ANNESS I

METODI TA’ KAMPJUNAR

1.   L-GĦAN U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Il-kampjuni intiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf għandhom jittieħdu skont il-metodi deskritti hawn taħt. Il-kampjuni miksubin b’dan il-mod jitqiesu rappreżentattivi tal-porzjonijiet kampjunati.

L-għan tal-kampjunar rappreżentattiv hu li tinkiseb frazzjoni żgħira minn lott b’mod li meta tiġi ddeterminata xi karatteristika partikolari ta’ din il-frazzjoni, din tkun tirrappreżenta l-valur medju tal-karatteristika tal-lott. Il-kampjunar mil-lott isir billi ripetutament jittieħdu kampjuni inkrimentali minn għadd ta’ punti partikolari mil-lott. Dawn il-kampjuni inkrimentali jiġu kkumbinati billi jitħalltu hekk li jiffurmaw kampjun wieħed biex minnu jiġu ppreparati kampjuni rappreżentattivi finali permezz ta’ qsim rappreżentattiv.

Jekk minn spezzjoni viżiva l-porzjonijiet tal-għalf li jkunu se jiġu kampjunati jkunu jidhru ta’ kwalità differenti mill-bqija tal-għalf mill-istess lott, dawn il-porzjonijiet jiġu separati mill-bqija tal-għalf u jiġu ttrattati bħala sublott separat. Jekk ma jkunx possibbli li l-għalf jiġi diviż f’sublottijiet separati, l-għalf jiġi kampjunat bħallikieku hu lott wieħed. F’każijiet bħal dawn, dan irid jissemma fir-rapport dwar il-kampjunar.

Meta l-għalf kampjunat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jiġi ddeterminat li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-UE, u jkun parti minn lott ta’ għalf tal-istess klassi jew deskrizzjoni, jiġi preżunt li dan japplika għall-għalf kollu f’dak il-lott, kemm-il darba minn valutazzjoni dettaljata ma jirriżulta l-ebda evidenza li l-bqija tal-lott jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE.

2.   DEFINIZZJONIJIET

—   Lott: kwantità identifikata ta’ għalf iddikjarata li għandha karatteristiċi komuni, bħalma huma l-oriġini, il-varjetà, it-tip ta’ imballaġġ, il-pakkettist, l-ispeditur jew it-tikkettar, u fil-każ ta’ proċess tal-produzzjoni, unità ta’ produzzjoni minn impjant wieħed bl-użu ta’ parametri tal-produzzjoni uniformi jew numru ta’ tali unitajiet, meta jkunu prodotti f’ordni kontinwa u maħżuna flimkien,

—   Porzjon kampjunat: lott jew parti identifikata mil-lott jew mis-sublott,

—   Kampjun issiġillat: kampjun issiġillat b’tali mod li ma jkun possibbli l-ebda aċċess għall-kampjun mingħajr ma jitkisser jew jitneħħa s-siġill,

—   Kampjun inkrimentali: kwantità meħuda minn punt wieħed fil-porzjon kampjunat,

—   Kampjun aggregat: aggregat ta’ kampjuni inkrimentali meħudin mill-istess porzjon kampjunat,

—   Kampjun ridott: parti minn kampjun aggregat, miksuba minnu bi proċess ta’ riduzzjoni rappreżentattiva,

—   Kampjun finali: parti mill-kampjun ridott jew mill-kampjun aggregat omoġenizzat,

—   Kampjun tal-laboratorju: kampjun intenzjonat għal-laboratorju (kif jasal fil-laboratorju) u jista’ jkun il-kampjun finali, ridott jew dak aggregat.

3.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Persunal tal-kampjunar: il-kampjuni jittieħdu minn uffiċjali awtorizzati għal dak il-għan mill-awtorità kompetenti,

Il-kampjun għandu jkun issiġillat b’tali mod li ma jkun possibbli l-ebda aċċess għall-kampjun mingħajr ma jitkisser jew jitneħħa s-siġill. Il-marka tas-siġill għandha tkun identifikabbli b’mod ċar u viżibbli b’mod ċar ukoll. Alternattivament, il-kampjun jista’ jitqiegħed f’riċevitur li jista’ jingħalaq b’tali mod li ma jkunx jista’ jinfetaħ mingħajr ma ssir ħsara permanenti lill-kontenitur jew lir-reċipjent, hekk li l-kontenitur jew ir-reċipjent ma jkunx jista’ jerġa’ jintuża,

L-identifikazzjonijiet tal-kampjun: il-kampjun irid jiġi mmarkat b’mod permanenti u jrid jiġi identifikat b’mod li ma jkunx hemm xi rabta ambigwa mar-rapport tal-kampjunar,

Minn kull kampjun aggregat jittieħdu mill-inqas żewġ kampjuni finali: mill-inqas wieħed għall-kontroll (infurzar) u wieħed għall-operatur tan-negozju tal-għalf (difiża). Eventwalment, jista’ jittieħed kampjun finali ta’ referenza. Fil-każ li l-kampjun aggregat sħiħ ikun omoġenizzat, il-kampjuni finali jittieħdu mill-kampjun aggregat omoġenizzat, u dan kemm-il darba din il-proċedura ma tiġix f’kunflitt mar-regoli tal-Istati Membri fejn jidħlu d-drittijiet tal-operatur ta’ negozju tal-għalf.

4.   APPARAT

4.1.   L-apparat għall-kampjunar irid ikun magħmul minn materjal li ma jikkontaminax il-prodotti li jridu jiġu kampjunati. Apparat li huwa intiż biex jintuża iktar minn darba jrid ikun wieħed li faċli jitnaddaf biex tkun evitata l-kontaminazzjoni kroċjata.

4.2.   Apparat rakkomandat għall-kampjunar minn għalf solidu

4.2.1.   Kampjunar manwali

4.2.1.1.   Pala b’qiegħ ċatt bil-ġnub weqfin.

4.2.1.2.   Paletta tal-kampjunar b’qasma twila jew bil-kompartimenti. Il-qisien tal-paletta tal-kampjunar iridu jkunu adattati għall-karatteristiċi tal-porzjon kampjunat (il-fond tal-kontenitur, id-dimensjonijiet tal-ixkora, eċċ.) u għad-daqs tal-partikoli tal-għalf.

Fil-każ li l-paletta tal-kampjunar ikollha bosta fetħiet, sabiex jiġi żgurat li l-kampjun jittieħed minn postijiet differenti fil-paletta, il-fetħiet għandhom ikunu separati permezz ta’ kompartimenti jew ta’ fetħiet imtawla, waħda viċin l-oħra.

4.2.2.   Kampjunar mekkaniku

Għall-kampjunar ta’ għalf fi fluss jista’ jintuża apparat mekkaniku adattat. “Adattat” tfisser li tal-anqas tiġi kampjunata s-sezzjoni kollha tal-għalf fi fluss.

Il-kampjunar tal-għalf fi fluss (fi fluss mgħaġġel) jista’ jitwettaq permezz ta’ mekkaniżmi awtomatiċi għall-kampjunar.

4.2.3.   Diviżur

Jekk possibbli u jekk ikun f’loku, biex jiġu ppreparati kampjuni ridotti b’mod rappreżentattiv, għandu jintuża apparat imfassal biex jiddividi l-kampjun f’partijiet bejn wieħed u ieħor indaqs.

5.   REKWIŻITI KWANTITATTIVI DWAR L-GĦADD TA’ KAMPJUNI INKRIMENTALI

Ir-rekwiżiti kwantitattivi fil-punti 5.1 u 5.2 dwar l-għadd ta’ kampjuni inkrimentali huma applikabbli għal daqsijiet ta’ porzjonijiet kampjunati sa massimu ta’ 500 tunnellata u li jista’ jittieħed minnhom kampjun b’mod rappreżentattiv. Il-proċedura tal-kampjunar deskritta tkun valida bl-istess mod fil-każ ta’ kwantitajiet akbar mid-daqs massimu preskritt tal-porzjon kampjunat kemm-il darba n-numru massimu ta’ kampjuni inkrimentali mogħti fit-tabelli hawn taħt jiġi injorat, fil-każ li n-numru ta’ kampjuni inkrimentali jiġi stabbilit permezz tal-formula square-root mogħtija fil-parti xierqa tal-proċedura (ara l-punt 5.3) u jekk id-daqs minimu tal-kampjun aggregat ikun żdied proporzjonalment. Dan ma jfissirx li lott kbir ma jkunx jista’ jiġi diviż f’sublottijiet iżgħar u jiġi kampjunat kull sublott, skont il-proċedura deskritta fil-punti 5.1 u 5.2.

Id-daqs tal-porzjon kampjunat irid ikun tali li jkun jista’ jittieħed kampjun minn kull waħda mill-partijiet li tikkostitwih.

Għal-lottijiet jew sublottijiet kbar ħafna (> 500 tunnellata), u fil-każ ta’ lottijiet li jiġu trasportati jew li jinħażnu b’tali mod li l-kampjunar ma jkunx jista’ jsir skont il-proċedura ta’ kampjunar stipulata fil-punti 5.1 u 5.2 ta’ dan il-Kapitolu, għandha tiġi applikata l-proċedura tal-kampjunar prevista fil-punt 5.3.

F’każ li l-operatur tan-negozju tal-għalf ikun obbligat bil-liġi li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament fil-qafas ta’ sistema ta’ monitoraġġ mandatorja, l-operatur tan-negozju tal-għalf ikun jista’ jiddevja mir-rekwiżiti kwantitattivi kif ipprovdut f’dan il-kapitolu biex jitqiesu l-karatteristiċi operattivi bil-kundizzjoni li l-operatur tan-negozju tal-għalf jkun wera, b’mod li jissodisfa l-awtorità kompetenti, l-ekwivalenza tal-proċedura tal-kampjunar f’dik li hi rappreżentattività, u dan jagħmlu wara li jkun awtorizzat mill-awtorità kompetenti.

F’każijiet eċċezzjonali, jekk ma jkunx possibbli li wieħed ikompli jaħdem bil-metodu ta’ kampjunar stabbilit fir-rigward tar-rekwiżiti kwantitattivi minħabba l-ħsara kummerċjali li tkun saret lil-lott (dovuta għat-tip ta’ imballaġġar, għall-mezz ta’ trasport, għall-mod kif inħażen, eċċ.), ikun jista’ jiġi applikat metodu alternattiv ta’ kampjunar, sakemm ikun kemm jista’ jkun rappreżentattiv u jiġi deskritt u dokumentat bis-sħiħ.

5.1.   Rekwiżiti kwantitattivi rigward kampjuni inkrimentali b’rabta mal-kontroll ta’ sustanzi jew ta’ prodotti ddistribwiti b’mod uniformi fl-għalf

5.1.1.   Għalf solidu mhux imballaġġat

Id-daqs tal-porzjon kampjunat

L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrimentali

≤ 2,5 tunnellati

7

> 2,5 tunnellati

√20 darba n-numru ta’ tunnellati li fih il-porzjon kampjunat (*1), sa 40 kampjun inkrimentali

5.1.2.   Għalf likwidu mhux imballaġġat

Id-daqs tal-porzjon kampjunat

L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrimentali

≤ 2,5 tunnellata jew ≤ 2 500 litru

4  (*2)

> 2,5 tunnellata jew > 2 500 litru

7  (*2)

5.1.3.   Għalf imballaġġat

L-għalf (solidu u likwidu) jista’ jkun imballaġġat f’boroż, xkejjer, laned, bramel, eċċ. li fit-tabella jissemmew bħala unitajiet. L-unitajiet kbar (≥ 500 kg jew litru) iridu jiġu kampjunati skont id-dispożizzjonijiet previsti għall-għalf mhux imballaġġat (ara l-punti 5.1.1 u 5.1.2)

Id-daqs tal-porzjon kampjunat

L-għadd minimu ta’ unitajiet li minnhom irid jittieħed (mill-inqas) kampjun inkrimentali wieħed (*3)

bejn unità 1 sa 20 unità

unità 1 (*4)

bejn 21 u 150 unità

3 unitajiet (*4)

bejn 151 u 400 unità

5 unitajiet (*4)

> 400 unità

¼ tan-√numru ta’ unitajiet li jiffurmaw il-porzjon kampjunat (*5), sa 40 unità

5.1.4.   Blokok tal-għalf u licks minerali

Mill-inqas jittieħed kampjun minn blokka jew lick għal kull porzjon kampjunat ta’ 25 unità, sa massimu ta’ erba’ blokok jew licks.

Għal blokok jew licks li ma jiżnux aktar minn 1 kg kull wieħed, kampjun inkrimentali għandu jkun il-kontenut ta’ blokka waħda jew lick waħda.

5.1.5.   Għalf oħxon/foraġġ

Id-daqs tal-porzjon kampjunat

L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrimentali (*6)

≤ 5 tunnellati

5

> 5 tunnellati

√5 darbiet in-numru ta’ tunnellati li jiffurmaw il-porzjon kampjunat (*7), sa 40 kampjun inkrimentali

5.2.   Rekwiżiti kwantitattivi rigward kampjuni inkrementali b’rabta mal-kontroll ta’ kostitwenti jew sustanzi li x’aktarx jiġu distribwiti mingħajr uniformità fl-għalf

Dawn ir-rekwiżiti kwantitattivi b’rabta ma’ kampjuni inkrimentali jridu jintużaw fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

il-kontroll tal-aflatossini, l-ergotina tas-segala, il-mikotossini u impuritajiet botaniċi perikolużi oħra f’materjal tal-għalf;

il-kontroll ta’ kontaminazzjoni kroċjata minn xi kostitwent, inkluż materjal ġenetikament modifikat, jew sustanza li fil-każ tagħha tkun mistennija distribuzzjoni mingħajr uniformità f’materjali tal-għalf.

Fil-każ li l-awtorità ta’ kontroll jiġiha suspett qawwi li t-tali distribuzzjoni mingħajr uniformità sseħħ ukoll fil-każ ta’ kontaminazzjoni kroċjata minn kostitwent jew sustanza f’għalf kompost, ikunu jistgħu jiġu applikati r-rekwiżiti kwantitattivi kif stipulati fit-tabella ta’ hawn taħt.

Id-daqs tal-porzjon kampjunat

L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrimentali

< 80 tunnellata

Ara r-rekwiżiti kwantitattivi fil-punt 5.1. L-għadd ta’ kampjuni inkrimentali li jridu jittieħdu jrid jiġi multiplikat bi 2,5.

≥ 80 tunnellata

100

5.3.   Rekwiżiti kwantitattivi fir-rigward ta’ kampjuni inkrimentali fil-każ ta’ lottijiet kbar ħafna

Fil-każ ta’ porzjonijiet kampjun kbar ħafna (porzjonijiet kampjun > 500 tunnellata), l-għadd ta’ kampjuni inkrimentali li għandu jittieħed = 40 kampjun inkrimentali + √tunnellati fejn jidħol il-kontroll ta’ sustanzi jew prodotti ddistribwiti b’mod uniformi fl-għalf, jew 100 kampjun inkrimentali + √tunnellati fejn jidħol il-kontroll ta’ kostitwenti jew sustanzi li x’aktarx jiġu distribwiti mingħajr uniformità fil-materjal tal-għalf.

6.   REKWIŻITI KWANTITATTIVI FIR-RIGWARD TA’ KAMPJUN AGGREGAT

Hu meħtieġ kampjun aggregat wieħed għal kull porzjon.

 

In-natura tal-għalf

Daqs minimu tal-kampjun aggregat (*8)  (*9)

6.1.

Għalf mhux imballaġġat

4  kg

6.2.

Għalf imballaġġat

4  kg (*10)

6.3.

Għalf likwidu jew semilikwidu

4 litri

6.4.

Blokok tal-għalf jew licks minerali

6.4.1.

kull waħda tiżen aktar minn 1 kg

4  kg

6.4.2.

kull waħda ma tiżinx aktar minn 1 kg

piż ta’ erba’ blokok jew licks oriġinali

6.5.

Għalf oħxon/foraġġ

4  kg (*11)

7.   REKWIŻITI KWANTITATTIVI FIR-RIGWARD TA’ KAMPJUNI FINALI

Kampjuni finali

Hija meħtieġa l-analiżi ta’ mill-inqas kampjun finali wieħed. L-ammont fil-kampjun finali li jkun se jiġi analizzat ma għandux ikun inqas minn kif ġej:

Għalf solidu

500  g (*12)  (*13)  (*14)

Għalf likwidu jew semilikwidu

500  ml (*12)

8.   METODU TA’ KAMPJUNAR GĦAL LOTTIJIET KBAR ĦAFNA JEW LOTTIJIET MAĦŻUNA JEW TRASPORTAT B’MOD LI MA JKUNX FATTIBBLI LI JSIR KAMPJUNAR TAL-LOTT KOLLU

8.1.   Prinċipji ġenerali

Jekk il-mod ta’ trasport jew ta’ ħażna ta’ lott ma jippermettix li jittieħdu kampjuni inkrimentali mil-lott kollu, il-kampjunar ta’ tali lottijiet preferibbilment għandu jsir meta l-lott ikun fi fluss.

Fil-każ ta’ mħażen kbar intiżi biex jaħżnu l-għalf, l-operaturi għandhom jiġu inkoraġġuti jinstallaw tagħmir fil-maħżen li jippermetti l-kampjunar (awtomatiku) mil-lott kollu maħżun.

Fil-każ li jiġu applikati l-proċeduri ta’ kampjunar previsti f’dan il-Kapitolu 8, l-operatur tan-negozju tal-għalf jew ir-rappreżentant tiegħu jiġi infurmat dwar il-proċedura tal-kampjunar. Jekk din il-proċedura ta’ kampjunar tiġi kkontestata mill-operatur tan-negozju tal-għalf jew mir-rappreżentant tiegħu, l-operatur tan-negozju tal-għalf jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jippermettu lill-awtorità kompetenti tieħu kampjuni mil-lott kollu bi spejjeż tagħhom.

8.2.   Lottijiet kbar trasportati bil-baħar

8.2.1.   Kampjunar dinamiku ta’ lottijiet kbar trasportati bil-baħar

Il-kampjunar ta’ lottijiet kbar fuq il-bastimenti preferibbilment isir filwaqt li l-prodott ikun fi fluss (kampjunar dinamiku).

Il-kampjunar isir għal kull stiva (entità li tkun tista’ tiġi separata fiżikament). L-istivi madankollu jiġu mbattla parzjalment, waħda wara l-oħra, biex is-separazzjoni fiżika inizjali ma tibqax hemm wara t-trasferiment tal-lottijiet f’faċilitajiet tal-ħżin. Il-kampjunar għalhekk jista’ jsir skont is-separazzjoni fiżika inizjali jew skont is-separazzjoni wara t-trasferiment fil-faċilitajiet tal-ħżin.

Il-ħatt ta’ vapur jista’ jdum diversi jiem. Normalment, il-kampjunar isir f’intervalli regolari tul il-perjodu kollu li fih ikun għaddej il-ħatt. Madankollu mhux dejjem ikun fattibbli jew f’loku li jkun hemm spettur uffiċjali preżenti waqt il-kampjunar tul l-operazzjoni kollha tal-ħatt. Għaldaqstant, il-kampjunar jitħalla jsir fuq parti (porzjon kampjunat) mil-lott kollu. L-għadd ta’ kampjuni inkrimentali jiġi stabbilit billi jittieħed kont tad-daqs tal-porzjon kampjunat.

Meta jittieħed kampjun minn parti minn lott ta’ għalf tal-istess klassi jew deskrizzjoni u jinstab li dik il-parti mil-lott ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-UE, jiġi preżunt li l-għalf kollu f’dak il-lott huwa affettwat bl-istess mod, u dan kemm-il darba minn valutazzjoni dettaljata ma tirriżulta l-ebda evidenza li l-bqija tal-lott jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE.

Anke jekk il-kampjun uffiċjali jittieħed b’mod awtomatiku, il-preżenza ta’ spettur hija neċessarja. Madankollu, meta l-kampjunar awtomatiku jsir skont parametri ddeterminati minn qabel u li ma jkunux jistgħu jinbidlu waqt il-kampjunar, u l-kampjuni inkrimentali jinġabru f’reċipjent issiġillat b’mod li jelimina kull possibbiltà ta’ frodi, il-preżenza ta’ spettur allura tkun meħtieġa biss fil-bidu tal-kampjunar, kull darba li r-reċipjent tal-kampjuni jkun irid jinbidel u fi tmiem il-kampjunar.

8.2.2.   Kampjunar tal-lottijiet trasportati bil-baħar permezz ta’ kampjunar statiku

Jekk il-kampjunar isir b’mod statiku, tkun trid tiġi applikata l-istess proċedura kif prevista fil-faċilitajiet ta’ ħżin (sajlos) aċċessibbli minn fuq (ara l-punt 8.4.1).

Il-kampjunar isir fuq il-parti aċċessibbli (minn fuq) tal-lott/stiva. L-għadd ta’ kampjuni inkrimentali jiġi stabbilit billi jittieħed kont tad-daqs tal-porzjon kampjunat. Meta jittieħed kampjun minn parti minn lott ta’ għalf tal-istess klassi jew deskrizzjoni u jinstab li dik il-parti mil-lott ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-UE, jiġi preżunt li l-għalf kollu f’dak il-lott huwa affettwat bl-istess mod, u dan kemm-il darba minn valutazzjoni dettaljata ma tirriżulta l-ebda evidenza li l-bqija tal-lott jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE.

8.3.   Il-kampjunar ta’ lottijiet kbar maħżuna fi mħażen

Għaldaqstant, il-kampjunar irid isir fuq il-parti aċċessibbli tal-lott. L-għadd ta’ kampjuni inkrimentali jiġi stabbilit billi jittieħed kont tad-daqs tal-porzjon kampjunat. Meta jittieħed kampjun minn parti minn lott ta’ għalf tal-istess klassi jew deskrizzjoni u jinstab li dik il-parti mil-lott ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-UE, jiġi preżunt li l-għalf kollu f’dak il-lott huwa affettwat bl-istess mod, u dan kemm-il darba minn valutazzjoni dettaljata ma tirriżulta l-ebda evidenza li l-bqija tal-lott jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE.

8.4.   Il-kampjunar ta’ faċilitajiet ta’ ħażna (sajlos)

8.4.1.   Il-kampjunar minn sajlos (faċilment) aċċessibbli minn fuq

Il-kampjunar irid isir fuq il-parti aċċessibbli tal-lott. L-għadd ta’ kampjuni inkrimentali jiġi stabbilit billi jittieħed kont tad-daqs tal-porzjon kampjunat. Meta jittieħed kampjun minn parti minn lott ta’ għalf tal-istess klassi jew deskrizzjoni u jinstab li dik il-parti mil-lott ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-UE, jiġi preżunt li l-għalf kollu f’dak il-lott huwa affettwat bl-istess mod, u dan kemm-il darba minn valutazzjoni dettaljata ma tirriżulta l-ebda evidenza li l-bqija tal-lott jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE.

8.4.2.   Il-kampjunar minn sajlos mhux aċċessibbli minn fuq (sajlos magħluqa)

8.4.2.1.   Sajlos mhux aċċessibbli minn fuq (sajlos magħluqa) ta’ > 100 tunnellata

Għalf maħżun f’sajlos bħal dawn ma jistax jitteħidlu kampjun b’mod statiku. Għalhekk, jekk l-għalf maħżun fis-sajlo jrid jittieħed kampjun minnu u ma hemm l-ebda possibbiltà li l-kunsinna tiċċaqlaq, irid isir ftehim mal-operatur li hu jrid jinforma l-ispettur dwar meta jkun se jinħatt is-sajlo hekk li l-kampjunar isir meta l-għalf ikun fi fluss.

8.4.2.2.   Sajlos mhux aċċessibbli minn fuq (sajlos magħluqa) ta’ < 100 tunnellata

Il-proċedura tal-kampjunar tinvolvi li f’kontejner tiġi rilaxxata kwantità ta’ bejn 50 u 100 kg biex imbagħad jittieħed il-kampjun minnha. Id-daqs tal-kampjun aggregat jikkorrispondi mal-lott kollu u l-għadd ta’ kampjuni inkrimentali jikkorrispondu mal-kwantità rilaxxata mis-sajlo għal ġo reċipjent biex jittieħed kampjun minnha. Meta jittieħed kampjun minn parti minn lott ta’ għalf tal-istess klassi jew deskrizzjoni u jinstab li dik il-parti mil-lott ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-UE, jiġi preżunt li l-għalf kollu f’dak il-lott huwa affettwat bl-istess mod, u dan kemm-il darba minn valutazzjoni dettaljata ma tirriżulta l-ebda evidenza li l-bqija tal-lott jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE.

8.5.   Kampjunar ta’ għalf mhux imballaġġat, u f’kontenituri kbar u magħluqa

Spiss, dawn il-lottijiet ikun jista’ jittieħed kampjun minnhom biss wara li jinħattu. F’ċerti każi ma jkunx possibbli li jinħattu fil-post li jaslu fih mal-importazzjoni jew fejn jiġu kkontrollati, u għalhekk il-kampjunar għandu jsir meta jinħattu dawn il-kontenituri.

9.   STRUZZJONIJIET GĦAT-TEĦID, IL-PREPARAZZJONI U L-IMBALLAĠĠ TAL-KAMPJUNI

9.1.   Ġenerali

Il-kampjuni jridu jittieħdu u jiġu ppreparati kemm jista’ jkun malajr filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex ikun żgurat li l-prodott la jinbidel u lanqas jiġi kkontaminat. Kemm l-istrumenti kif ukoll is-superfiċji u l-kontenituri maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-kampjuni għandhom ikunu nodfa u xotti.

9.2.   Kampjuni inkrimentali

Mill-porzjon kampjunat kollu jridu jittieħdu kampjuni inkrimentali b’mod aleatorju, u bejn wieħed u ieħor iridu jkunu tal-istess daqs.

Id-daqs tal-kampjun inkrimentali jkun mill-inqas 100 gramma, inkella 25 gramma fil-każ ta’ għalf oħxon jew foraġġ bi gravità speċifika baxxa.

Meta jkunu jridu jittieħdu inqas minn 40 kampjun inkrimentali, skont ir-regoli dwar il-proċedura tal-kampjunar stabbiliti fil-punt 8, id-daqs tal-kampjuni inkrimentali jiġi ddeterminat skont id-daqs mitlub għall-kampjun aggregat li jkun irid jittieħed (ara l-punt 6).

Fil-każ tal-kampjunar ta’ lottijiet żgħar ta’ għalf imballaġġat fejn, skont ir-rekwiżiti kwantitattivi, ikun irid jittieħed numru limitat ta’ kampjuni inkrimentali, kampjun inkrimentali jkun kostitwit mill-kontenut ta’ unità waħda oriġinali li l-kontenut tagħha ma jkunx jaqbeż il-1 kg jew litru.

Fil-każ ta’ kampjunar ta’ għalf imballaġġat u magħmul minn unitajiet żgħar (eż. < 250 g), id-daqs tal-kampjun inkrimentali jiddependi mid-daqs tal-unità.

9.2.1.   Għalf mhux imballaġġat

Fejn ikun hemm bżonn, it-teħid ta’ kampjuni jista’ jsir meta l-porzjon kampjunat ikun qiegħed jiġi spustjat (jitgħabba jew jinħatt).

9.2.2.   Għalf imballaġġat

Wara li jkun intgħażel l-għadd meħtieġ ta’ unitajiet għall-kampjunar, kif indikat fil-Kapitolu 5, parti mill-kontenut ta’ kull pakkett titneħħa permezz ta’ paletta jew pala. Fejn ikun meħtieġ, il-kampjuni jittieħdu wara li l-unitajiet jitbattlu separatament.

9.2.3.   Għalf likwidu jew semilikwidu, omoġenju jew omoġenizzabbli

Wara li jkun intgħażel l-għadd meħtieġ ta’ unitajiet għall-kampjunar, kif indikat fil-Kapitolu 5, jekk ikun meħtieġ il-kontenut jiġi omoġenizzat u jittieħed ammont minn kull unità.

Il-kampjuni inkrimentali jistgħu jittieħdu meta l-kontenut ikun qiegħed jinħatt.

9.2.4.   Għalf likwidu jew semilikwidu mhux omoġenizzabbli

Wara li jkun intgħażel l-għadd meħtieġ ta’ unitajiet għall-kampjunar, kif indikat fil-Kapitolu 5, jittieħdu kampjuni minn livelli differenti.

Jistgħu wkoll jittieħdu kampjuni meta l-kontenut ikun qiegħed jinħatt imma l-ewwel frazzjonijiet għandhom jintremew.

F’kull każ, il-volum totali meħud ma għandux ikun inqas minn 10 litri.

9.2.5.   Blokok tal-għalf u licks minerali

Wara li jkun intgħażel l-għadd meħtieġ ta’ blokok jew licks għall-kampjunar kif indikat fil-Kapitolu 5, tista’ tittieħed parti minn kull blokka jew lick. F’każ ta’ suspett ta’ blokka jew lick mhux omoġenja, bħala kampjun tista’ tittieħed il-blokka jew il-lick sħiħa.

Għal blokok jew licks li ma jiżnux aktar minn 1 kg kull wieħed, jittieħed bħala kampjun inkrimentali il-kontenut ta’ blokka waħda jew lick waħda.

9.3.   Preparazzjoni tal-kampjuni aggregati

Il-kampjuni inkrimentali jitħalltu biex jagħmlu kampjun aggregat wieħed.

9.4.   Preparazzjoni tal-kampjuni finali

Il-materjal fil-kampjun aggregat jitħallat tajjeb (1).

Kull kampjun jitpoġġa f’kontenitur/reċipjent xieraq. Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tiġi evitata xi bidla fil-kompożizzjoni tal-kampjun, xi kontaminazzjoni jew adulterazzjoni li jistgħu jfiġġu waqt il-ġarr jew il-ħżin.

Meta jkunu qed jiġu kkontrollati kostitwenti jew sustanzi ddistribwiti b’mod uniformi fl-għalf kollu, il-kampjun aggregat jista’ jitnaqqas b’mod rappreżentattiv għal mill-inqas 2,0 kg jew 2,0 litri (kampjun ridott) (2), preferibbilment billi jintuża diviżur mekkaniku inkella wieħed awtomatiku. Meta tkun qed tiġi kkontrollata l-preżenza ta’ residwi tal-pestiċidi fil-legumi, fiċ-ċereali u fil-ġewż tas-siġar, id-daqs minimu tal-kampjun ridott ikun 3 kg. Jekk in-natura tal-għalf ma tkunx tippermetti l-użu ta’ diviżur, jew jekk ma jkunx hemm diviżur, allura l-kampjun ikun jista’ jitnaqqas bil-metodu tal-qsim f’erba’ partijiet. Mill-kampjuni ridotti mbagħad jiġu ppreparati l-kampjuni finali (għall-kontroll, id-difiża u r-referenza) ta’ bejn wieħed u ieħor l-istess ammont u b’mod li jikkonformaw mar-rekwiżiti kwantitattivi tal-Kapitolu 7. Meta jkun qed isir kontroll għall-kostitwenti — inkluż xi materjal modifikat ġenetikament - jew għal sustanzi li x’aktarx ikunu se jiġu ddistribwiti mingħajr uniformità fil-materjal tal-għalf, il-kampjun aggregat ikun:

kompletament omoġenizzat u wara jiġi diviż f’kampjuni finali, jew

imnaqqas għal tal-anqas 2 kg jew 2 litri (3) billi jintuża diviżur mekkaniku jew wieħed awtomatiku. Fil-każ biss fejn in-natura tal-għalf ma tippermettix l-użu ta’ diviżur, il-kampjun jista’, jekk ikun hemm bżonn, jitnaqqas permezz tal-metodu tal-qsim f’erba’ partijiet. Biex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ materjal modifikat ġenetikament fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 619/2011, il-kampjun ridott għandu jkun fih mill-inqas 35 000 żerriegħa/qamħa biex ikunu jistgħu jittieħdu l-kampjuni finali għall-infurzar, id-difiża u r-referenza ta’ mill-inqas 10 000 żerriegħa/qamħa (ara n-nota tal-qiegħ (**) fil-Kapitolu 6 u n-nota tal-qiegħ (*) fil-Kapitolu 7).

9.5.   Imballaġġ tal-kampjuni

Il-kontenituri jew il-pakketti għandhom jiġu ssiġillati u ttikkettjati b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfetħu mingħajr ma ssir ħsara lis-siġill. It-tikketta trid tkun inkorporata għalkollox fis-siġill.

9.6.   L-ispedizzjoni ta’ kampjuni fil-laboratorju

Il-kampjun għandu jintbagħat mingħajr telf ta’ żmien lil-laboratorju analitiku magħżul, flimkien mal-informazzjoni essenzjali għall-analista.

10.   REĠISTRAZZJONI TAL-KAMPJUNI

Kull kampjun irid jiġi reġistrat, hekk li kull porzjon kampjunat u d-daqs tiegħu jiġu identifikati b’mod ċar.

Ir-reġistrazzjoni għandha tinkludi kull devjazzjoni mill-proċedura tal-kampjunar kif previst f’dan ir-Regolament.

Barra milli tkun disponibbli għal-laboratorju uffiċjali ta’ kontroll, ir-reġistrazzjoni trid tkun disponibbli wkoll għall-operatur tan-negozju tal-għalf u/jew il-laboratorju magħżul mill-operatur tan-negozju tal-għalf.


(*1)  Fejn in-numru miksub huwa frazzjoni, dan għandu jitqarreb għan-numru sħiħ li jmiss.

(*2)  Fil-każ li ma jkunx possibbli li l-likwidu jiġi omoġenizzat, l-għadd ta’ kampjuni inkrimentali jkun irid jiżdied.

(*3)  Fil-każ fejn il-ftuħ ta’ unità jista’ jaffettwa l-analiżi (eż. għalf imxarrab li jista’ jitħassar) kampjun inkrimentali minnhom ikun l-unità mhux miftuħa.

(*4)  Għal unitajiet li l-kontenut tagħhom ma jaqbiżx il-1 kg jew litru, kampjun inkrimentali ikun il-kontenut ta’ unità waħda oriġinali.

(*5)  Fejn in-numru miksub ikun frazzjoni, dan jitqarreb għan-numru sħiħ li jmiss.

(*6)  Huwa fatt magħruf li f’ċerti sitwazzjonijiet (eż. għall-ħaxix tal-għalf f’sajlo) ma jkunx possibbli li jittieħdu l-kampjuni inkrimentali meħtieġa mingħajr ma ssir ħsara inaċċettabbli lil-lott. F’sitwazzjonijiet bħal dawn jista’ jiġi applikat metodu alternattiv ta’ kampjunar, u qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament se tiġi elaborata gwida biex jittieħed kampjun minn dawn il-lottijiet.

(*7)  Fejn in-numru miksub huwa frazzjoni, dan għandu jitqarreb għan-numru sħiħ li jmiss.

(*8)  Fil-każ li l-għalf fil-kampjun ikun ta’ valur għoli, tkun tista’ tittieħed kwantità iżgħar tal-kampjun aggregat bil-kundizzjoni li dan jiġi deskritt u ddokumentat fir-rapport tal-kampjunar.

(*9)  Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2011 tal-24 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf fir-rigward tal-preżenza ta’ materjal ġenetikament modifikat li għalih hija pendenti proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet (ĠU L 166, 25.6.2011, p. 9), il-kampjun aggregat biex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ materjal ġenetikament modifikat għandu jkun fih mill-inqas 35 000 żerriegħa/qamħa. Dan ifisser li, fil-każ tal-qamħirrum, id-daqs tal-kampjun aggregat irid ikun mill-inqas 10,5 kg u għas-sojja 7 kg. Għal żrieragħ u ċereali oħra bħax-xgħir, il-millieġ, il-ħafur, ir-ross, is-segala, il-qamħ u ż-żerriegħa tar-rapa, id-daqs tal-kampjun aggregat ta’ 4 kg jikkorrispondi għal aktar minn 35 000 żerriegħa.

(*10)  Fil-każ tal-għalf imballaġġat, jista’ wkoll ma jkunx possibbli li jintlaħaq id-daqs ta’ 4 kg għall-kampjun aggregat, minħabba li dan jiddependi mid-daqs tal-unitajiet individwali.

(*11)  Jekk dan ikun il-każ għall-għalf oħxon u l-foraġġ bi gravità speċifika baxxa (eż. ħuxlief, tiben), id-daqs tal-kampjun aggregat għandu jkun minn tal-inqas 1 kg.

(*12)  Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 619/2011, il-kampjun finali biex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ materjal modifikat ġenetikament irid ikollu mill-inqas 10 000 żerriegħa/qamħa. Dan ifisser li, fil-każ tal-qamħirrum, id-daqs tal-kampjun finali jrid ikun mill-inqas 3 000 g u għas-sojja 2 000 g. Għal żrieragħ u qmuħ oħra bħax-xgħir, il-millieġ, il-ħafur, ir-ross, is-segala, il-qamħ u ż-żerriegħa tar-rapa, id-daqs tal-kampjun finali ta’ 500 g jikkorrispondi għal aktar minn 10 000 żerriegħa.

(*13)  Meta d-daqs tal-kampjun aggregat ikun konsiderevolment inqas minn 4 kg jew litru (ara n-noti tal-qiegħ, il-punt 6), tkun tista’ tittieħed ukoll kwantità iżgħar mill-kampjun finali, bil-kundizzjoni li dan jiġi deskritt u dokumentat fir-rapport tal-kampjunar.

(*14)  Fil-każ tal-kampjunar tal-legumi, il-qamħ taċ-ċereali u l-ġewż tas-siġar biex jiġi determinat fihomx residwi mill-pestiċidi, id-daqs minimu tal-kampjun finali għandu jkun 1 kg skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/63/KE (ĠU L 187, 16.7.2002, p. 30).

(1)  Jekk ikun hemm xi ċapep, dawn iridu jiġu mfarrka (jekk ikun hemm bżonn billi jinħallu u jitpoġġew lura fil-kampjun).

(2)  Ħlief fil-każ ta’ għalf oħxon jew foraġġ bi gravità speċifika baxxa.

(3)  Ħlief fil-każ ta’ għalf oħxon jew foraġġ bi gravità speċifika baxxa.”


ANNESS II

“ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-METODI TA’ ANALIŻI TAL-GĦALF

A.   PREPARAZZJONI TAL-KAMPJUNI GĦALL-ANALIŻI

1.   L-iskop

Il-proċeduri deskritti hawn taħt jikkonċernaw il-preparazzjoni għall-analiżi tal-kampjuni mibgħuta fil-laboratorji tal-kontroll wara l-proċess tal-kampjunar skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Il-kampjuni tal-laboratorju jridu jiġu ppreparati b’tali mod li l-ammonti li jintiżnu, kif stipulat fil-metodi ta’ analiżi, ikunu omoġenji u jirrappreżentaw il-kampjuni finali.

2.   Prekawzjonijiet li jridu jittieħdu

Il-proċedura li trid tiġi segwita tiddependi mill-metodi ta’ analiżi li jridu jintużaw, u mill-kostitwenti jew is-sustanzi li jkunu se jiġu kkontrollati. Għalhekk huwa importanti ferm li wieħed jiżgura li l-proċedura tal-preparazzjoni tal-kampjun segwita tkun adattata għall-metodu ta’ analiżi użat u għall-kostitwenti jew is-sustanzi li jkunu se jiġu kkontrollati.

L-operazzjonijiet neċessarji kollha jridu jsiru b’tali mod li kemm jista’ jkun tiġi evitata kemm il-kontaminazzjoni tal-kampjun u kemm kull bidla fil-kompożizzjoni tiegħu.

It-tħin, it-taħlit u l-għarbil għandhom isiru kemm jista’ jkun malajr hekk li l-kampjun kemm jista’ jkun ma jkunx espost għall-arja u d-dawl, jew inkella verament mill-inqas. M’għandhomx jintużaw imtieħen u moli li jistgħu jsaħħnu l-kampjun b’mod sinifikanti.

It-tħin manwali huwa rakkomandat fil-każ ta’ għalf li jkun partikolarment sensittiv għas-sħana. Wieħed irid joqgħod attent u jiżgura li l-apparat innifsu ma jkunx sors ta’ kontaminazzjoni.

Jekk il-preparazzjoni ma tkunx tista’ ssir mingħajr ma taffettwa b’mod sostanzjali l-kontenut umdu tal-kampjun, iddetermina l-kontenut umdu qabel u wara l-preparazzjoni skont il-metodu stabbilit fil-Parti A tal-Anness III.

3.   Proċedura

3.1.   Proċedura ġenerali

L-alikwota tat-test tittieħed mill-kampjun finali. Il-metodu ta’ formazzjoni ta’ konu u ta’ qsim f’erba’ partijiet mhux rakkomandat għax dan jista’ jwassal għal alikwoti tat-test bi probabbiltà għolja ta’ żball fil-qsim.

3.1.1.   Għalf li jista’ jintaħan kif inhu

Ħallat il-kampjun finali mgħarbul u iġbru ġo kontenitur adattat, nadif, niexef u mgħammar b’tapp li jissiġilla l-arja. Erġa’ ħallat biex tiżgura l-omoġenizzazzjoni sħiħa; dan agħmlu immedjatament qabel ma tiżen l-ammont għall-analiżi (l-alikwota tat-test).

3.1.2.   Għalf li jista’ jintaħan wara li jinxef

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-metodi ta’ analiżi, nixxef il-kampjun finali sabiex tbaxxi l-livell tal-kontenut umdu ta’ ġo fih għal bejn 8 u 12 %, skont il-proċedura preliminari ta’ tnixxif deskritta fil-punt 4.3 tal-metodu biex tiġi ddeterminata l-umdità (imsemmi fil-Parti A tal-Anness III). Wara kompli kif indikat fit-taqsima 3.1.1.

3.1.3.   Għalf likwidu jew semilikwidu

Iġbor il-kampjun finali ġo kontenitur adattat, nadif, niexef u mgħammar b’tapp li jissiġilla l-arja. Ħallat sew biex tiżgura l-omoġenizzazzjoni sħiħa; dan agħmlu immedjatament qabel ma tiżen l-ammont għall-analiżi (l-alikwota tat-test).

3.1.4.   Għalf ieħor

Il-kampjuni finali li ma jkunux jistgħu jiġu ppreparati skont waħda mill-proċeduri msemmija hawn fuq għandhom jiġu ttrattati bi kwalunkwe proċedura oħra li tiżgura li l-ammonti li jintiżnu għall-analiżi (l-alikwota tat-test) jkunu omoġenji u rappreżentattivi tal-kampjuni finali.

3.2.   Il-proċedura speċifika f’każ ta’ eżami bi spezzjoni viżiva jew bil-mikroskopija jew f’każijiet fejn jiġi omoġenizzat il-kampjun aggregat sħiħ

Fil-każ ta’ eżami permezz ta’ spezzjoni viżiva (mingħajr l-użu ta’ mikroskopju), jiġi eżaminat il-kampjun tal-laboratorju kollu kemm hu,

Fil-każ ta’ eżami mikroskopiku, il-laboratorju jista’ jnaqqas il-kampjun aggregat, jew ikompli jnaqqas mill-kampjun ridott. Il-kampjuni finali għall-finijiet ta’ difiża u, eventwalment, għall-finijiet ta’ referenza, jittieħdu skont proċedura ekwivalenti għall-proċedura segwita fil-każ tal-kampjun finali għall-infurzar,

Fil-każ li l-kampjun aggregat jiġi omoġenizzat kollu kemm hu, il-kampjuni finali jittieħdu mill-kampjun aggregat omoġenizzat.

4.   Ħżin tal-kampjuni

Il-kampjuni jridu jinħażnu f’temperatura li ma tibdilx il-kompożizzjoni tagħhom. Il-kampjuni intenzjonati għall-analiżi ta’ vitamini jew sustanzi li huma partikolarment sensittivi għad-dawl għandhom jinħażnu b’mod li l-kampjun ma jiġix affettwat ħażin mid-dawl.

B.   DISPOŻIZZJONIJIET MARBUTA MAR-REAĠENTI U MAL-APPARAT UŻAT FIL-METODI TA’ ANALIŻI

1.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-metodi ta’ analiżi, ir-reaġenti analitiċi kollha jridu jkunu analitikament puri (a.p.). Meta ssir analiżi tat-traċċi, il-purità tar-reaġenti trid tiġi ċċekkjata b’test in bjank. Skont ir-riżultati miksuba, jista’ jkun hemm bżonn li r-reaġenti jiġu ppurifikati aktar.

2.

Kull operazzjoni li tinvolvi l-preparazzjoni ta’ soluzzjonijiet, dilwizzjoni, tlaħliħ jew ħasil imsemmija fil-metodi ta’ analiżi u li ma tindikax in-natura tas-solvent jew id-dilwent użat, timplika li jrid jintuża l-ilma. Bħala regola ġenerali, l-ilma jrid jiġi demineralizzat jew distillat. F’każijiet partikolari, li jkunu indikati fil-metodi ta’ analiżi, l-ilma jkun irid jiġi sottomess għal proċeduri speċjali ta’ purifikazzjoni.

3.

Minħabba li xi apparat hu normali li ssibu fil-laboratorji ta’ kontroll, fil-metodi ta’ analiżi ssir referenza biss għal dawk l-istrumenti u dak l-apparat li huma speċjali, jew li jkunu jirrikjedu użu speċifiku fil-metodi ta’ analiżi. Dawn iridu jkunu nodfa, speċjalment meta jkun hemm bżonn li jiġu ddeterminati ammonti żgħar ta’ sustanza.

C.   APPLIKAZZJONI TAL-METODI TA’ ANALIŻI U L-ESPRESSJONI TAR-RIŻULTATI

1.   Proċedura ta’ estrazzjoni

Hemm diversi metodi li jiddeterminaw proċedura ta’ estrazzjoni speċifika. Bħala regola ġenerali, jistgħu jiġu applikati proċeduri oħrajn ta’ estrazzjoni apparti l-proċedura msemmija, bil-kundizzjoni li tkun ingħatat prova li l-proċedura ta’ estrazzjoni użata hija ekwivalenti f’dik li effiċjenza fl-estrazzjoni għall-matriċi analizzata bħall-proċedura msemmija fil-metodu.

2.   Proċedura ta’ tindif

Hemm diversi metodi li jiddeterminaw proċedura speċifika ta’ tindif. Bħala regola ġenerali, jistgħu jiġu applikati proċeduri oħra ta’ tindif apparti l-proċedura msemmija, bil-kundizzjoni li tkun ingħatat prova li l-proċedura ta’ tindif użata twassal għal riżultati analitiċi ekwivalenti għall-matriċi analizzata bħall-proċedura msemmija fil-metodu.

3.   In-numru ta’ determinazzjonijiet

Fil-każ tal-analiżi ta’ sustanzi mhux mixtieqa, jekk ir-riżultat tal-ewwel determinazzjoni ikun sostanzjalment (> 50 %) inqas mill-ispeċifikazzjoni li trid tiġi kkontrollata, m’hemmx bżonn ta’ determinazzjonijiet addizzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu applikati l-proċeduri ta’ kwalità xierqa. F’każijiet oħra jkun hemm bżonn ta’ analiżi duplikata (it-tieni determinazzjoni) u dan sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni kroċjata interna jew li, bi żball, jitħawwad kampjun ma’ ieħor. Biex tkun verifikata l-konformità tintuża l-medja taż-żewġ determinazzjonijiet, u dan filwaqt li jittieħed kont tal-inċertezza tal-kejl.

Fil-każ tal-kontroll tal-kontenut iddikjarat ta’ sustanza jew ingredjent, jekk ir-riżultat tal-ewwel determinazzjoni jikkonferma l-kontenut iddikjarat, jiġifieri jekk ir-riżultat analitiku jaqa’ fil-marġni ta’ varjazzjoni aċċettabbli tal-kontenut iddikjarat, ma jkun hemm bżonn tal-ebda determinazzjoni addizzjonali, u dan bil-kundizzjoni li jiġu applikati l-proċeduri ta’ kwalità addattati. F’każijiet oħra jkun hemm bżonn ta’ analiżi duplikata (it-tieni determinazzjoni) u dan sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni kroċjata interna jew li, bi żball, jitħawwad kampjun ma’ ieħor. Biex tkun verifikata l-konformità tintuża l-medja taż-żewġ determinazzjonijiet, u dan filwaqt li jittieħed kont tal-inċertezza tal-kejl.

F’ċerti każijiet dan il-marġni ta’ varjazzjoni aċċettabbli huwa definit fil-leġiżlazzjoni bħalma hu l-każ fir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’għalf, li jemenda r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1831/2003 u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (1).

4.   Rappurtaġġ tal-metodu ta’ analiżi użat

Ir-rapport tal-analiżi għandu jsemmi l-metodu ta’ analiżi użat.

5.   Rappurtaġġ tar-riżultat analitiku

Ir-riżultat analitiku għandu jiġi espress bil-mod stabbilit fil-metodu ta’ analiżi, f’numru xieraq ta’ ċifri sinifikanti, u jekk ikun hemm bżonn, għandu jiġi kkoreġut skont il-kontenut umdu tal-kampjun finali qabel il-preparazzjoni.

6.   Inċertezza tal-kejl u r-rata ta’ rkupru fil-każ ta’ analiżi ta’ sustanzi mhux mixtieqa.

Rigward is-sustanzi mhux mixtieqa fit-tifsira tad-Direttiva 2002/32/KE, prodott intenzjonat għall-għalf tal-annimali għandu jitqies mhux konformi mal-kontenut massimu stabbilit, kemm-il darba r-riżultat analitiku, b’relazzjoni mal-għalf b’kontenut umdu ta’ 12 %, jitqies li jaqbeż il-kontenut massimu filwaqt li jittieħed kont kemm tal-inċertezza tal-kejl estiża kif ukoll tal-korrezzjoni għall-irkupru. Sabiex tiġi analizzata l-konformità, tintuża l-konċentrazzjoni analizzata wara li tiġi kkoreġuta għall-irkupru u wara t-tnaqqis tal-inċertezza tal-kejl estiża. Din il-proċedura hija applikabbli biss f’każijiet fejn il-metodu ta’ analiżi jippermetti l-istima tal-inċertezza tal-kejl u l-korrezzjoni għall-irkupru (eż. mhux possibbli fil-każ ta’ analiżi mikroskopika).

Ir-riżultat analitiku għandu jiġi rappurtat kif ġej (sakemm il-metodu ta’ analiżi użat jippermetti li tiġi stmata l-inċertezza tal-kejl u r-rata ta’ rkupru):

(a)

ikkoreġut għall-irkupru, u jiġi indikat il-livell ta’ rkupru. Il-korrezzjoni għall-irkupru mhix neċessarja fejn ir-rata tal-irkupru tkun bejn 90 u 110 %.

(b)

bħala ‘x +/– U’, fejn x hija r-riżultat analitiku u U hija l-inċertezza tal-kejl estiża, billi jintuża fattur ta’ kopertura ta’ 2 li jagħti livell ta’ fiduċja ta’ madwar 95 %.

Madankollu, jekk ir-riżultat tal-analiżi jkun sostanzjalment (> 50 %) inqas mill-ispeċifikazzjoni li trid tiġi kkontrollata, u bil-kundizzjoni li jiġu applikati l-proċeduri ta’ kwalità addattati, u l-analiżi sservi biss l-iskop li tiġi ċċekkjata l-konformità mad-dispożizzjonijiet legali, ir-riżultat analitiku jista’ jiġi rrappurtat mingħajr korrezzjoni għall-irkupru u, f’dawn il-każijiet, ir-rappurtaġġ tar-rata tal-irkupru u l-inċertezza tal-kejl jistgħu jitħallew barra.”


(1)   ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1.