29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/15


REGOLAMENT (UE) Nru 608/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ġunju 2013

dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Kunsill talab, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra oġġetti suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra oġġetti li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (2), jiġi rivedut.

(2)

It-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali jagħmel ħsara konsiderevoli lid-detenturi tad-drittijiet, utenti jew gruppi ta’ produtturi, u lil manifatturi u kummerċjanti li jħarsu l-liġi. Tali tqegħid fis-suq jista’ wkoll iqarraq bil-konsumaturi, u f’ċerti każijiet jista’ jipperikola s-saħħa u s-sigurtà tagħhom. prodotti bħal dawn għandhom, kemm jista’ jkun possibbli, jinżammu barra mis-suq tal-Unjoni u għandhom jiġu adottati miżuri li jindirizzaw tqegħid fis-suq illegali bħal dan mingħajr ma jfixklu l-kummerċ leġittimu.

(3)

Ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1383/2003 uriet li, fid-dawl ta’ żviluppi ekonomiċi, kummerċjali u legali huwa meħtieġ ċertu titjib fil-qafas legali sabiex jissaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mill-awtoritajiet doganali, kif ukoll sabiex tiġi żgurata ċertezza legali xierqa.

(4)

L-awtoritajiet doganali għandhom ikunu kompetenti biex jinfurzaw id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti li, skont il-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni, huma soġġetti għal superviżjoni doganali jew kontroll doganali, u biex jagħmlu kontrolli adatti fuq oġġetti bħal dawn bil-ħsieb li jiġu evitati operazzjonijiet li jiksru l-liġijiet dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali. L-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali fil-fruntiera, meta l-oġetti jkunu, jew kellhom ikunu, taħt superviżjoni doganali jew kontroll doganali huwa mod effiċjenti kif tingħata protezzjoni legali malajr u b’mod effettiv lid-detentur tad-dritt kif ukoll lill-utenti u l-gruppi ta’ produtturi. Fejn ir-rilaxx tal-oġġetti jiġi sospiż jew l-oġġetti jinżammu mill-awtoritajiet doganali fil-fruntiera, għandha tkun meħtieġa proċedura legali waħda biss, filwaqt li għandhom jinħtieġu diversi proċeduri separati għall-istess livell ta’ infurzar għall-oġġetti li jinstabu fis-suq, li jkunu ġew diżaggregati u mwassla lill-bejjigħa bl-imnut. Għandha ssir eċċezzjoni għall-oġġetti rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera taħt is-sistema ta’ użu aħħari, minħabba li dawn l-oġġetti jibqgħu taħt is-sorveljanza tad-dwana, anki jekk ikunu ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-oġġetti li l-passiġġieri jkunu qed iġorru fil-bagalji personali tagħhom sakemm dawk l-oġġetti jkunu għall-użu personali u ma jkunx hemm indikazzjoni li jkun hemm involut traffiku kummerċjali.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 ma jkoprix ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ċertu ksur huwa eskluż mill-ambitu tiegħu. Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-intervent doganali għandu jiġi estiż għal tipi oħrajn ta’ ksur li m’humiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 1383/2003. Dan ir-Regolament għandu għalhekk, minbarra d-drittijiet diġà koperti mir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, jinkludi wkoll ismijiet kummerċjali sakemm ikunu protetti bħala drittijiet ta’ proprjetà esklużivi taħt il-liġi nazzjonali, topografiji ta’ prodotti semikondutturi u mudelli ta’ utilità u apparat li prinċipalment huma mfasslin, prodotti jew adattati sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi.

(6)

Ksur li jirriżulta mill-hekk imsejjaħ kummerċ parallel illegali u kwantitajiet maqbużin huma esklużi mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1383/2003. Oġġetti soġġetti għal kummerċ parallel illegali, jiġifieri oġġetti li ġew manifatturati bil-kunsens tad-detentur tad-dritt iżda li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fiż-Żona Ekonomika Ewropea mingħajr il-kunsens tiegħu, u kwantitajiet maqbużin, jiġifieri oġġetti li huma manifatturati minn persuna awtorizzata kif xieraq minn detentur tad-dritt biex timmanifattura ċerta kwantità ta’ oġġetti, minbarra l-kwantitajiet maqbula bejn dik il-persuna u dak id-detentur tad-dritt, huma manifatturati bħala oġġetti ġenwini u għalhekk mhux xieraq li l-awtoritajiet doganali jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq oġġetti bħal dawn. Il-kummerċ parallel illegali u l-kwantitajiet maqbużin b’hekk għandhom jiġu esklużi wkoll mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(7)

L-Istati Membri għandhom, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipprovdu taħriġ xieraq għall-uffiċjali doganali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Dan ir-Regolament, meta implimentat bis-sħiħ, ser ikompli jikkontribwixxi għal suq intern li jiżgura protezzjoni aktar effettiva għad-detenturi ta’ dritt, iqanqal il-kreattività u l-innovazzjoni u jipprovdi lill-konsumaturi bi prodotti affidabbli u ta’ kwalità għolja, li min-naħa tagħhom għandhom isaħħu t-transazzjonijiet transkonfinali bejn il-konsumaturi, in-negozji u l-kummerċjanti.

(9)

L-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ riżorsi dejjem aktar limitati fil-qasam tad-dwana. Għalhekk, il-promozzjoni ta’ teknoloġiji u strateġiji ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiġu massimizzati r-riżorsi disponibbli għall-awtoritajiet doganali għandha tiġi appoġġata.

(10)

Dan ir-Regolament fih biss regoli ta’ proċedura għall-awtoritajiet tad-dwana. Għaldaqstant, ir-Regolament ma jistipula l-ebda kriterju biex ikun aċċertat li jeżisti ksur ta’ dritt t-proprjetà intellettwali.

(11)

Skont id-“Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika” adottata fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Doha fl-14 ta’ Novembru 2001, il-Ftehim dwar Aspetti li Għandhom x’Jaqsmu mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (Ftehim TRIPS) jista’ u għandu jiġi interpretat u implimentat b’mod li jappoġġa d-dritt tal-Membri tad-WTO li jipproteġu s-saħħa pubblika u, b’mod partikolari, li jippromwovu l-aċċess tal-mediċini għal kulħadd. B’hekk, f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni u l-politika tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, fir-rigward ta’ mediċini, li l-mogħdija tagħhom mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, bi trasbord jew mingħajru, ħżin, qsim tat-tagħbija, jew tibdil fil-mezz jew il-mod ta’ trasport, huwa biss biċċa minn vjaġġ sħiħ li jibda u jintemm lil hinn mit-territorju tal-Unjoni, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom, meta jkunu qed jivvalutaw ir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprejtà intellettwali, iqisu kull possibilità sostanzjali ta’ bdil tar-rotta ta’ tali mediċini għal ġewwa s-suq tal-Unjoni.

(12)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza tal-qrati, b’mod partikolari dawk tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (3).

(13)

Persuni, utenti jew gruppi ta’ produtturi, li jkunu f’pożizzjoni fejn jistgħu jiftħu proċeduri legali f’isimhom stess dwar ksur possibbli ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali, għandha tkun intitolata li tippreżenta applikazzjoni.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jkunu infurzati madwar l-Unjoni, huwa xieraq li persuni jew entitajiet li qed ifittxu l-infurzar ta’ drittijiet madwar l-Unjoni jitħallew japplikaw ma, l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru wieħed. Tali applikanti għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li dawk l-awtoritajiet jiddeċiedu li tittieħed azzjoni sabiex jiġi infurzat id-dritt ta’ proprjetà intellettwali kemm fl-Istat Membru tagħhom stess kif ukoll fi kwalunkwe Stat Membru ieħor.

(15)

Biex ikun żgurat l-infurzar pront tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandu jkun ipprovdut li, f’każ li l-awtoritajiet doganali jissuspettaw, fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet raġonevoli, li l-oġġetti taħt is-sorveljanza tagħhom jiksru xi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, huma jistgħu jissospendu r-rilaxx ta’ oġġetti jew iżommuhom kemm fuq inizjattiva tagħhom jew fuq applikazzjoni, sabiex jippermettu lil persuna jew entità intitolata li tippreżenta applikazzjoni biex tibda proċeduri biex jiddeterminaw jekk inkisirx xi dritt ta’ proprjetà intellettwali.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 ippermetta lill-Istati Membri li jipprovdu għal proċedura li tippermetti l-qerda ta’ ċerti oġġetti mingħajr ma jkun hemm l-obbligu li jinbdew proċeduri biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali jkunx inkiser. Kif rikonoxxut fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-falsifikazzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali (4), tali proċedura kienet ta’ suċċess kbir fl-Istati Membri fejn kienet disponibbli. Għalhekk, il-proċedura għandha ssir obbligatorja fir-rigward tal-ksur kollu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u għandha tiġi applikata meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jaqbel mal-qerda tagħhom. Barra minn hekk, il-proċedura għandha tipprevedi li l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu li d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jaqbel mal-qerda tal-oġġetti fejn ma jkunx oppona espliċitament il-qerda fi żmien il-perijodu preskritt.

(17)

Sabiex il-piż u l-ispejjeż amministrattivi jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli, għandha tiddaħħal proċedura speċifika għal kunsinni żgħar ta’ oġġetti foloz u kkuppjati, li għandha tippermetti li oġġetti bħal dawn jinqerdu mingħajr il-qbil espliċitu tal-applikant f’kull każ. Madankollu, għandha tkun meħtieġa talba ġenerali magħmula mill-applikant fl-applikazzjoni sabiex dik il-proċedura tiġi applikata. Barra minn dan, l-awtoritajiet doganali għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li l-applikant ikopri l-ispejjeż imġarrba bl-applikazzjoni ta’ dik il-proċedura.

(18)

Għal aktar ċertezza legali, huwa xieraq li jinbidlu l-iskadenzi għas-sospensjoni tar-rilaxx jew għas-sekwestru ta’ oġġetti ssuspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u l-kundizzjonijiet li fihom informazzjoni dwar oġġetti sekwestrati għandha tingħata lill-persuni u entitajiet ikkonċernati mill-awtoritajiet doganali, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1383/2003.

(19)

Meta wieħed iqis in-natura provviżorja u preventiva tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-interessi kunfliġġenti tal-partijiet affettwati mill-miżuri, xi aspetti tal-proċeduri għandhom jiġu adattati sabiex jiżguraw l-applikazzjoni bla problemi ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, rigward id-diversi notifiki previsti mir-Regolament, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lill-persuna rilevanti, fuq il-bażi tad-dokumenti dwar it-trattament jew is-sitwazzjoni doganali fejn jiġu mqiegħda l-oġġetti. Barra minn hekk, peress li l-proċedura għall-qerda tal-oġġetti timplika li kemm id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti kif ukoll id-detentur tad-deċiżjoni għandhom jikkomunikaw l-oġġezzjonijiet possibbli tagħhom għall-qerda b’mod parallel, għandu jiġi żgurat li d-detentur tad-deċiżjoni jingħata l-possibbiltà li jwieġeb għal oġġezzjoni potenzjali għall-qerda mid-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti. Għalhekk għandu jiġi żgurat li d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun ġie nnotifikat bis-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew is-sekwestru tagħhom qabel id-detentur tad-deċiżjoni, jew fl-istess jum bħalu.

(20)

L-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni huma mħeġġa biex jikkooperaw mal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

(21)

Bil-ħsieb li jiġi eliminat il-kummerċ internazzjonali fi prodotti li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-Ftehim TRIPS jistipula li l-Membri tad-WTO għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali dwar kummerċ bħal dan. Għaldaqstant, għandu jkun possibbli għall-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jaqsmu informazzjoni dwar ksur suspettat tad-drittijiet ta’ properta intelletwali mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi, inkluż dwar oġġetti fi transitu mit-territorju tal-Unjoni u li joriġinaw f’dawk il-pajjiżi terzi jew huma ddestinati għalihom.

(22)

Fl-interess tal-effiċjenza, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar kwistjonijiet doganali jew agrikoli (5).

(23)

Ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali għandha tkun regolata mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, għalkemm il-fatt li l-awtoritajiet doganali ikunu laqgħu applikazzjoni m’għandux jintitola lid-detentur tad-deċiżjoni għall-kumpens fil-każ li oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intelletwali ma jiġux skoperti mill-awtoritajiet doganali u jiġu rilaxxati jew ma tittieħed l-ebda azzjoni sabiex jiġu sekwestrati.

(24)

Peress li l-awtoritajiet tad-dwana jieħdu azzjoni mal-applikazzjoni, huwa xieraq li jiġi previst li d-detentur tad-deċiżjoni għandu jirrimborsal-ispejjeż kollha mġarrba mill-awtoritajiet tad-dwana fit-teħid ta’ azzjoni biex jiġu infurzati d-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà intellettwali. Minkejja dan, dan m’għandux iżomm lid-detentur tad-deċiżjoni milli jfittex kumpens minn dak li jikser il-liġi jew persuni oħra li jistgħu jitqiesu responsabbli skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru fejn instabu l-oġġetti. Tali persuni jistgħu jinkludu intermedjarji, fejn applikabbli. L-ispejjeż u d-danni mġarrba mill-persuni minbarra l-awtoritajiet doganali bħala riżultat ta’ azzjoni doganali, meta ir-rilaxx tal-oġġetti jkun sospiż jew l-oġġetti jiġu ssekwestrati fuq il-bażi ta’ talba ta’ parti terza bbażata fuq il-proprjetà intellettwali, għandhom ikunu regolati mil-leġislazzjoni speċifika applikabbli f’kull każ partikolari.

(25)

Dan ir-Regolament jintroduċi l-possibilità li l-awtoritajiet doganali jippermettu li l-oġġetti li għandhom jinqerdu jiġu mċaqalqa, taħt superviżjoni doganali, bejn postijiet differenti fit-territorju doganali tal-Unjoni. L-awtoritajiet doganali jistgħu barra minn hekk jiddeċiedu li jirrilaxxaw oġġetti bħal dawn għal ċirkolazzjoni libera bil-ħsieb ta’ aktar riċiklaġġ jew rimi barra l-kanali kummerċjali inkluż għal finijiet ta’ żieda fl-għarfien, taħriġ u edukazzjoni.

(26)

L-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jinvolvi l-iskambju ta’ data dwar deċiżjonijiet marbuta mal-applikazzjonijiet. Tali pproċessar ta’ data jkopri wkoll data personali u għandu jitwettaq skont il-liġi tal-Unjoni, kif stipulat fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (7).

(27)

L-iskambju ta’ informazzjoni relatat ma’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet u ma’ azzjonijiet doganali għandu jsir permezz bażi ta’ data elettroniku ċentrali.L-entità li ser tikkontrolla u tmexxi dak il-bażi ta’ data u l-entitajiet inkarigati milli jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar tad-data miġbura fil-bażi ta’ data għandhom jiġu definiti. L-introduzzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ interoperabilità jew skambju possibbli l-ewwel u qabel kollox għandha tkun konformi mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, jiġifieri li d-data għandha tintuża għall-iskop li għalih tkun ġiet stabbilita l-bażi ta’ data, u l-ebda skambju jew interkonnessjoni oħra ma għandha tkun permessa minbarra għal dak l-iskop.

(28)

Sabiex jiġi żgurat li d-definizzjoni ta’ kunsinni żgħar tista’ tiġi adattata jekk jidher li ma tkunx prattika, b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tal-proċedura, jew fejn meħtieġ biex tiġi evitata kull ċirkomvenzjoni ta’ din il-proċedura fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kunsinni, is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emenda ta’ elementi mhux essenzjali tad-definizzjoni ta’ kunsinni żgħar, jiġifieri l-kwantitajiet speċifiċi stipulati f’dik id-definizzjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, it-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(29)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-definizzjoni tal-elementi tal-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ data ma’ pajjiżi terzi u d-dispożizzjonijiet dwar il-formoli għall-applikazzjoni u għat-talba tal-estensjoni tal-perijodu li matulu l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jieħdu azzjoni, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni, jiġifieri biex jiġu definiti dawk l-elementi tal-arranġamenti prattiċi u biex jiġu stabbiliti formoli standard. Dawk is-setgħat għandhom jitħaddmu f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (8). Għall-istabbiliment tal-formoli standard, għalkemm is-suġġett tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li għandhom jiġu implimentati jaqa’ fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni, minħabba n-natura u l-impatti ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, għax id-dettalji kollha ta’ liema informazzjoni għandha tiġi inkluża fil-formoli jiġu direttament mit-test ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni b’hekk ser jistabbilixxu biss il-format u l-istruttura tal-formola u mhu ser ikollhom l-ebda implikazzjoni oħra għall-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni.

(30)

Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 għandu jitħassar.

(31)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fit-12 ta’ Ottubru 2011 (9),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana fejn oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intelletwali ikunu, jew kellhom ikunu, soġġetti għal superviżjoni doganali jew kontroll doganali fit-territorju doganali tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (10), partikolarment oġġetti fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta ddikjarati għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, esportazzjoni jew esportazzjoni mill-ġdid;

(b)

meta jidħlu jew jitilqu mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(c)

meta mqiegħda taħt proċedura sospensiva jew f’żona ħielsa jew f’maħżen ħieles.

2.   Fir-rigward tal-oġġetti soġġetti għal superviżjoni doganali jew kontroll doganali, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 17 u 18, l-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu kontrolli doganali adatti u għandhom jieħdu miżuri proporzjonati ta’ identifikazzjoni kif previst fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 72 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 skont kriterji ta’ analiżi tar-riskju bil-ħsieb li jiġu evitati atti li jiksru l-liġijiet dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali applikabbli fit-territorju tal-Unjoni u sabiex ikun hemm kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oġġetti li ġew rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera skont is-sistema ta’ użu finali.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oġġetti ta’ natura mhux kummerċjali li jkunu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi.

5.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oġġetti li ġew manifatturati bil-kunsens ta’ detentur ta’ dritt jew għal oġġetti manifatturati, minn persuna awtorizzata kif xieraq minn detentur ta’ dritt biex timmanifattura ċerta kwantità ta’ oġġetti, minbarra l-kwantitajiet maqbula bejn dik il-persuna u d-detentur tad-dritt.

6.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-liġi nazzjoanli jew dik tal-Unjoni dwar il-proprjetà intellettwali jew il-liġijiet tal-Istati Membri b’rabta ma’ proċeduri kriminali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“dritt ta’ proprjetà intellettwali” tfisser:

(a)

trade mark;

(b)

disinn;

(c)

dritt tal-awtur jew kwalunkwe dritt marbut kif previst mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni;

(d)

indikazzjoni ġeografika;

(e)

brevetta kif prevista mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni;

(f)

ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal oġġetti mediċinali kif previst fir-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (11);

(g)

ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1610/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar il-ħolqien ta’ kull ċertifikat supplimentari ta’ ħarsien għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti (12);

(h)

dritt għal varjetajiet ta’ pjanti tal-Komunità kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (13);

(i)

dritt għal varjetajiet ta’ pjanti kif previst mil-liġi nazzjonali;

(j)

topografija ta’ prodott semikunduttur kif previst mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni;

(k)

mudell ta’ utilità sakemm ikun protett bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni;

(l)

trade mark sakemm din hija protetta bħala dritt esklużiv ta’ proprjetà intellettwali mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni;

(2)

“trade mark” tfisser:

(a)

trade mark Komunitarja kif prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (14);

(b)

trade mark reġistrata fi Stat Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali;

(c)

trade mark reġistrata skont ftehimiet internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru jew fl-Unjoni;

(3)

“disinn” tfisser:

(a)

disinn Komunitarju kif previst fil-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (15);

(b)

disinn reġistrat fi Stat Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali;

(c)

disinn reġistrat skont ftehimiet internazzjonali li għandu effett fi Stat Membru jew fl-Unjoni;

(4)

“indikazzjoni ġeografika” tfisser:

(a)

indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni tal-oriġini protetta għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (16);

(b)

denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika għall-inbid kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (17) (Regolament CMO Waħdieni);

(c)

denominazzjoni ġeografika għal xorb aromatizzat ibbażat fuq prodotti tal-inbid kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 tal-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid (18);

(d)

indikazzjoni ġeografika ta’ xorb spirituż kif previst fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż (19);

(e)

indikazzjoni ġeografika għal prodotti li ma jaqgħux taħt punti (a) sa (d) sakemm tkun stabbilita bħala dritt esklużiv ta’ proprjetà intellettwali mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni;

(f)

indikazzjoni ġeografika kif previst fil-Ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u elenkati bħala tali f’dawn il-Ftehimiet;

(5)

“oġġetti ffalsifikati” tfisser:

(a)

oġġetti li jkunu s-suġġett ta’ att li jikser trade mark fl-Istat Membru fejn jinsabu huma u, mingħajr awtorizzazzjoni, ikollhom sinjal li jkun identiku għat-trade mark irreġistrata b’mod validu fir-rigward tal-istess tip ta’ oġġetti, jew li ma tkunx tista’ tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn tali marka kumerċjali;

(b)

oġġetti li jkunu s-suġġett ta’ att li ikser indikazzjoni ġeografika fl-Istat Membru fejn jinsabu huma u jkollhom jew ikunu deskritti b’isem jew terminu protett fir-rigward ta’ dik l-indikazzjoni ġeografika;

(c)

kwalunkwe pakkeġġar, tikketta, sticker, fuljett, istruzzjonijiet għall-użu, dokument ta’ garanzija jew element simili ieħor, anki jekk ippreżentat separatament, li huwa s-suġġett ta’ azzjoni li tikser trade mark jew indikazzjoni ġeografika, li jinkludi sinjal, isem jew terminu li jkun identiku għal trade mark rreġistrata b’mod validu jew indikazzjoni ġeografika protetta jew li fl-aspetti essenzjali tiegħu ma jistax jintgħaraf minn trade mark jew indikazzjoni ġeografika bħal din, u li tista’ tintuża għall-istess tip ta’ oġġetti bħal dak li għalih tkun ġiet irreġistrata l-trade mark jew l-indikazzjoni reġistrata;

(6)

“oġġetti kkuppjati” tfisser oġġetti li jkunu s-suġġett ta’ azzjoni li tikser dritt tal-awtur jew dritt marbut jew disinn fl-Istat Membru fejn jinsabu l-oġġetti u li jkunu jew ikun fihomm kopji li jkunu saru mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt tal-awtur jew dritt marbut jew disinn, jew ta’ persuna awtorizzata minn dak id-detentur fil-pajjiż tal-produzzjoni;

(7)

“oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali” tfisser oġġetti li dwarhom ikun hemm indikazzjonijiet raġonevoli li, fl-Istat Membru fejn jinsabu dawk l-oġġetti, huma prima facie:

(a)

oġġetti li jkunu s-suġġett ta’ azzjoni li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali f’dak l-Istat Membru;

(b)

apparat, prodotti jew komponimenti li prinċipalment huma mfasslin, prodotti jew adattati sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni ta’ kwalunkwe teknoloġija, apparat jew komponent li, fir-rutina normali tat-tħaddim tiegħu, iwaqqaf jew jillimita atti fir-rigward ta’ xogħlijiet li mhumiex awtorizzati minn detentur ta’ kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali jew kwalunkwe dritt marbut mal-proprjetà intellettwali u li jkollhom x’jaqsmu ma’ azzjoni li tikser dawk id-drittijiet f’dak l-Istat Membru;

(c)

kull forma jew mamma li tkun iddisinjata jew addattata speċifikament għall-manifattura ta’ oġġetti li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali, jekk tali forma jew mamma tkun marbuta ma’ azzjoni li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali f’dak l-Istat Membru;

(8)

“detentur ta’ dritt” tfisser id-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali;

(9)

“applikazzjoni” tfisser talba magħmula lid-dipartiment doganali kompetenti biex l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali;

(10)

“applikazzjoni nazzjonali” tfisser applikazzjoni li titlob lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru biex jieħdu azzjoni f’dak l-Istat Membru;

(11)

“applikazzjoni tal-Unjoni” tfisser applikazzjoni magħmula fi Stat Membru u li titlob lill-awtoritajiet doganali ta’ dak l-Istat Membru u ta’ Stat Membru ieħor jew aktar biex jieħdu azzjoni fl-Istati Membri rispettivi tagħhom;

(12)

“applikant” tfisser il-persuna jew l-entità li f’isimha ssir applikazzjoni;

(13)

“detentur tad-deċiżjoni” tfisser id-detentur ta’ deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni;

(14)

“detentur tal-oġġetti” tfisser il-persuna li hi s-sid tal-oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jew li għandha dritt simili biex tiddisponi minnhom, jew li għandha kontroll fiżiku fuq tali oġġetti;

(15)

“dikjarant” tfisser id-dikjarant kif definit fil-punt 18 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(16)

“qerda” tfisser il-qerda fiżika, ir-riċiklaġġ jew ir-rimi ta’ oġġetti barra l-kanali kummerċjali, b’tali mod li jipprekludu dannu lid-detentur tad-deċiżjoni;

(17)

“territorju doganali tal-Unjoni” tfisser it-territorju doganali tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(18)

“rilaxx tal-oġġetti” tfisser ir-rilaxx tal-oġġetti kif definit fil-punt 20 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(19)

“kunsinna żgħira” tfisser kunsinna mibgħuta bil-posta jew bil-posta espress, li:

(a)

fiha tliet unitajiet jew inqas;

jew

(b)

għandha piż gross ta’ inqas minn żewġ kilogrammi.

Għall-finijiet ta’ punt (a), “unitajiet” tfisser oġġetti kif ikklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (20) jekk mhux ippakkjat, jew l-ippakkeġġar ta’ tali oġġetti li jkun maħsub għal bejgħ bl-imnut lill-konsumatur aħħari.

Għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, oġġetti separati li jaqgħu fl-istess kodiċi ta’ Nomenklatura Magħquda għandhom jitqiesu bħala unitajiet differenti u oġġetti ppreżentati bħala settijiet ikklassifikati f’kodiċi wieħed tan-Nomenklatura Magħquda għandhom jitqiesu bħala unità waħda;

(20)

“oġġetti li jiħżienu” tfisser oġġetti meqjusa mill-awtoritajiet doganali li jiddeterjoraw billi jinżammu għal mhux aktar minn 20 jum mid-data tas-sospensjoni ta’ rilaxx jew sekwestru;

(21)

“liċenzja esklużiva” tfisser liċenzja (sew jekk ġenerali jew limitata) li tawtorizza lill-persuna li tingħatalha filwaqt li teskludi lill-persuni l-oħra kollha, inkluża l-persuna li tagħti l-liċenzja, li tuża dritt ta’ proprjetà intellettwali fil-manjiera awtorizzata mil-liċenzja.

KAPITOLU II

APPLIKAZZJONIJIET

TAQSIMA 1

Preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

Artikolu 3

Intitolament biex jippreżentaw applikazzjoni

Il-persuni u entitajiet li ġejjin għandhom, safejn huma intitolati li jibdew proċedimenti, sabiex jiddeterminaw jekk dritt ta’ proprjetà intelletwali jkunx inkiser, fl-Istat Membru jew Stati Membri fejn l-awtoritajiet doganali jintalbu biex jieħdu azzjoni, ikunu intitolati li jippreżentaw:

(1)

applikazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni:

(a)

detenturi ta’ dritt;

(b)

korpi amministrattivi tad-drittijiet kollettivi ta’ proprjetà intellettwali kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (21);

(c)

korpi professjonali għad-difiża kif imsemmijin fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/48/KE;

(d)

gruppi skont it-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 3, u l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, gruppi ta’ produtturi skont it-tifsira tal-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew gruppi simili ta’ produtturi previsti fil-liġi tal-Unjoni li tirregola l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jirrappreżentaw produtturi ta’ prodotti b’indikazzjoni ġeografika jew rappreżentanti ta’ tali gruppi, b’mod partikolari r-Regolamenti (KEE) Nru 1601/91 u (KE) Nru 110/2008 u operaturi intitolati li jużaw indikazzjoni ġeografika; kif ukoll korpi jew awtoritajiet ta’ spezzjoni kompetenti għal tali indikazzjoni ġeografika;

(2)

applikazzjoni nazzjonali:

(a)

persuni jew entitajiet awtorizzati biex jużaw drittijiet tal-proprjetà intelletwali, li jkunu ġew awtorizzati formalment mid-detentur tad-dritt biex jibdew il-proċedimenti sabiex jiddeterminaw jekk inkisirx id-dritt ta’ proprjetà intellettwali;

(b)

gruppi ta’ produtturi previsti fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri li tirregola l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jirrappreżentaw produtturi ta’ prodotti b’indikazzjonijiet ġeografiċi jew rappreżentanti ta’ tali gruppi u operaturi intitolati li jużaw indikazzjoni ġeografika, kif ukoll korpi jew awtoritajiet ta’ spezzjoni kompetenti għal tali indikazzjoni ġeografika;

(3)

applikazzjoni tal-Unjoni: detenturi ta’ liċenzja esklużiva li jkopru t-territorju sħiħ ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, fejn dawk id-detenturi ta’ liċenzja jkunu ġew awtorizzati formalment f’dawk l-Istati Membri mid-detentur tad-dritt biex jibdew il-proċedimenti sabiex jiddeterminaw jekk inkisirx id-dritt ta’ proprjetà intellettwali.

Artikolu 4

Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mill-applikazzjonijiet tal-Unjoni

Applikazzjoni tal-Unjoni tista’ ssir biss fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni b’effetti madwar l-Unjoni.

Artikolu 5

Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar id-dipartiment doganali kompetenti biex jirċievi u jipproċessal-applikazzjonijiet (“dipartiment doganali kompetenti”). L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni kif meħtieġ u l-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta’ dipartimenti doganali kompetenti maħtura mill-Istati Membri.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lid-dipartiment doganali kompetenti. L-applikazzjoni għandha ssir billi tintuża l-formola msemmija fl-Artikolu 6 u għandu jkun fiha l-informazzjoni mitluba fih.

3.   Fejn applikazzjoni tkun ippreżentata wara notifika mill-awtoritajiet doganali tas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti skont l-Artikolu 18(3), dik l-applikazzjoni għandha tikkonforma ma’ dan li ġej:

(a)

għandha tiġi sottomessa lid-dipartiment doganali kompetenti fi żmien erbat ijiem ta’ xogħol min-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti;

(b)

għandha tkun applikazzjoni nazzjonali;

(c)

għandu jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3). L-applikant jista’, madankollu, jħalli barra l-informazzjoni msemmija fil-punti (g), (h) jew (i) ta’ dak il-paragrafu.

4.   Ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3, applikazzjoni nazzjonali waħda u applikazzjoni tal-Unjoni waħda biss tista’ tiġi ppreżentata għal kull Stat Membru għall-istess dritt ta’ proprjetà intellettwali protett f’dak l-Istat Membru. Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3, għandha titħalla ssir aktar minn applikazzjoni tal-Unjoni waħda.

5.   Meta applikazzjoni tal-Unjoni tintlaqa’ għal Stat Membru li jkun diġà kopert minn applikazzjoni oħra tal-Unjoni li tkun intlaqgħet għall-istess applikant u għall-istess dritt ta’ proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet doganali ta’ dak l-Istat Membru għandhom jieħdu azzjoni abbażi tal- applikazzjoni tal-Unjoni li tkun intlaqgħet l-ewwel. Huma għandhom jgħarrfu lid-dipartiment doganali kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun intlaqgħet kwalunkwe applikazzjoni tal-Unjoni sussegwenti, li għandha temenda jew tħassar id-deċiżjoni li tilqa’ dik l-applikazzjoni tal-Unjoni sussegwenti.

6.   Fejn ikun hemm sistemi kompjuterizzati disponibbli għall-għan li jiġu riċevuti u pproċċessati l-applikazzjonijiet, l-applikazzjonijiet kif ukoll annessi għandhom jiġu ppreżentati bl-użu ta’ tekniki elettroniċi ta’ pproċessar ta’ data. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżviluppaw, iżommu u jħaddmu sistemi bħal dawn f’konformità mal-pjan strateġiku pluriennali msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (22).

Artikolu 6

Formola ta’ applikazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi formola ta’ applikazzjoni bl-atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 34(2).

2.   Il-formola ta’ applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġett tad-data skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni li ġejja tkun mitluba mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni:

(a)

dettalji li jikkonċernaw l-applikant;

(b)

status, skont it-tifsira tal-Artikolu 3, tal-applikant;

(c)

dokumenti li jagħtu prova biex id-dipartiment doganali kompetenti jkun sodisfatt li l-applikant hu intitolat li jippreżenta l-applikazzjoni;

(d)

fejn l-applikant jippre’enta l-applikazzjoni permezz ta’ rappreżentant, id-dettalji tal-persuna li tirrappreżentah u prova tas-setgħat ta’ dik il-persuna li taġixxi ta’ rappreżentant, skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni;

(e)

id-diritt jew drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li għandhom jiġu infurzati;

(f)

fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li fihom tintalab azzjoni doganali;

(g)

data speċifika u teknika dwar l-oġġetti awtentiċi, inklużi marki bħal barcodes u stampi fejn xieraq;

(h)

it-tagħrif meħtieġ biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jidentifikaw mill-ewwel l-oġġetti inkwistjoni;

(i)

informazzjoni rilevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana tar-riskju ta’ ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali jew tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kkonċernati, bħad-distributuri awtorizzati;

(j)

jekk informazzjoni mogħtija skont il-punti (g), (h) jew (i) ta’ dan il-paragrafu għandha tiġi mmarkata għal trattament ristrett skont l-Artikolu 31(5);

(k)

id-dettalji ta’ kwalunkwe rappreżentant innominat mill-applikant sabiex ikun responsabbli minn kwistjonijiet legali u tekniċi;

(l)

l-impenn tal-applikant li javża lid-dipartiment doganali kompetenti bi kwalunkwe sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 15;

(m)

ir-rabta tal-applikant li jibgħat jew jaġġorna kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana tar-riskju ta’ ksur tad-dritt(ijiet) ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni;

(n)

ir-rabta tal-applikant li jassumi r-responsabbiltà skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 28;

(o)

ir-rabta tal-applikant li jġarrab l-ispejjeż imsemmijin fl-Artikolu 29 skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu;

(p)

qbil mill-applikant li d-data mogħtija minnu tista’ tiġi pproċessata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

(q)

jekk l-applikant jitlobx l-użu tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26 u, fejn mitlub mill-awtoritajiet doganali, jaqbilx li jkopri l-ispejjeż marbuta mal-qerda ta’ oġġetti skont dik il-proċedura.

TAQSIMA 2

Deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet

Artikolu 7

Ipproċessar ta’ applikazzjonijiet inkompleti

1.   Meta, wara li jirċievi applikazzjoni, id-dipartiment doganali kompetenti jikkunsidra li l-applikazzjoni ma fihiex l-informazzjoni kollha mitluba mill-Artikolu 6(3), id-dipartiment doganali kompetenti għandu jitlob lill-applikant jipprovdi l-informazzjoni nieqsa fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol min-notifika tat-talba.

F’każijiet bħal dawn, il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jkun sospiż sakemm tasal l-informazzjoni rilevanti.

2.   Fejn l-applikant ma jipprovdix l-informazzjoni nieqsa sa tmiem il-peijodu imsemmi fl-ewwel subparagrafu fil-paragrafu 1, id-dipartiment doganali kompetenti għandu jiċħad l-applikazzjoni.

Artikolu 8

Miżati

L-applikant ma għandux jintalab miżata biex ikunu koperti l-ispejjeż amministrattivi għall-ipproċessar tal-applikazzjoni.

Artikolu 9

Notifika tad-deċiżjonijiet li jilqgħu jew jiċħdu l-applikazzjonijiet

1.   Id-dipartiment doganali kompetenti għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li tilqa’ jew li tiċħad l-applikazzjoni fi żmien 30 ġurnata ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni. F’każ ta’ ċaħda, id-dipartiment doganali kompetenti għandu jipprovdi raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u jinkludi informazzjoni dwar il-proċedura ta’ appell.

2.   Jekk l-applikant kien ġie nnotifikat dwar is-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti mill-awtoritajiet doganali qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni, id-dipartiment doganali kompetenti għandu javża lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li tilqa’ jew tiċħad l-applikazzjoni fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta jirċievi l-applikazzjoni.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet

1.   Deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni nazzjonali u kwalunkwe deċiżjoni li tħassar jew temendaha għandha tieħu effett fl-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni nazzjonali mill-jum ta’ wara d-data tal-adozzjoni.

Deċiżjoni li testendi l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni għandhom jieħdu effett fl-Istat Membri li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni nazzjonali l-jum ta’ wara d-data tal-għeluq tal-perijodu li għandu jiġi estiż.

2.   Deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni tal-Unjoni u kwalunkwe deċiżjoni li tħassar jew temendaha għandha tieħu effett kif ġej:

(a)

fl-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, fil-jum ta’ wara d-data tal-adozzjoni;

(b)

fl-Istati Membri l-oħrajn kollha fejn tintalab azzjoni mill-awtoritajiet doganali, fil-jum ta’ wara d-data li fiha l-awtoritajiet doganali jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 14(2), dment li d-detentur tad-deċiżjoni jkun issodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 29(3) fir-rigward ta’ spejjeż ta’ traduzzjoni.

Deċiżjoni li testendi l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni għandhon jieħdu effett fl-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-Unjoni u fl-Istati Membri l-oħra kollha fejn tintalab azzjoni mill-awtoritajiet doganali fil-jum ta’ wara d-data tal-għeluq tal-perijodu li għandu jiġi estiż.

Artikolu 11

Perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni

1.   Meta jilqa’ applikazzjoni, id-dipartiment doganali kompetenti għandu jispeċifika l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni.

Dak il-perijodu għandu jibda fil-jum li d-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni tidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 10 u m’għandux jaqbeż sena mill-jum ta’ wara d-data tal-adozzjoni.

2.   Fejn applikazzjoni sottomessa wara n-notifika mill-awtoritajiet doganali tas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti skont l-Artikolu 18(3) ma jkunx fiha l-informazzjoni msemmija fil-punti (g), (h) jew (i) tal-Artikolu 6(3), għandha tintlaqa’ biss għas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru ta’ dawk l-oġġetti, sakemm dik l-informazzjoni ma tingħatax fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol min-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti.

3.   Fejn dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jibqax effettiv jew fejn applikant ma jibqax, għal raġunijiet oħra, intitolat biex jippreżenta applikazzjoni, ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni mill-awtoritajiet doganali. Id-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni għandha titħassar jew tiġi emendata kif meħtieġ mid-dipariment doganali kompetenti li ta d-deċiżjoni.

Artikolu 12

Estensjoni tal-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni:

1.   Malli jiskadi l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni, u soġġett għall-ħlas ta’ kwalunkwe dejn dovut mid-detentur tad-deċiżjoni lill-awtoritajiet doganali skont dan ir-Regolament, id-dipartiment doganali kompetenti li adotta d-deċiżjoni inizjali jista’, fuq it-talba tad-detentur tad-deċiżjoni, jestendi dak il-perijodu.

2.   Meta t-talba għal estensjoni tal-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni tiġi riċevuta mid-dipartiment doganali kompetenti f’inqas minn 30 ġurnata ta’ xogħol qabel ma jiskadi il-perijodu li għandu jiġi estiż, huwa jista’ jiċħad dik it-talba.

3.   Id-dipartiment doganali kompetenti għandu jinnotifika lid-detentur tad-deċiżjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu dwar l-estensjoni fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta tasal it-talba mesmmija fil-paragrafu 1. Id-dipartiment doganali kompetenti għandu jispeċifika l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni.

4.   Il-perjodu estiż li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni għandu jibda mill-jum ta’ wara d-data tal-iskadenza tal-perijodu preċedenti u m’għandux jaqbeż sena.

5.   Meta dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jibqax effettiv jew meta l-applikant ma jibqax, għal raġunijiet oħra, intitolata biex jippreżenta applikazzjoni, ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni mill-awtorità doganali. Id-deċiżjoni li tagħti l-estensjoni għandha titħassar jew tiġi emendata kif meħtieġ mid-dipartiment doganali kompetenti li ta d-deċiżjoni.

6.   Id-detentur tad-deċiżjoni ma għandux jintalab ħlas biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi għall-ipproċessar tat-talba għal estensjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi formola għal talba għal estensjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva imsemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 13

Emenda tad-deċiżjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

Id-dipartiment doganali kompetenti li adotta d-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni jista’, fuq it-talba tad-detentur ta’ dik id-deċiżjoni, jimmodifika l-lista ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali f’dik id-deċiżjoni.

Fejn jiżdied dritt ġdid ta’ proprjetà intellettwali, it-talba għandu jkun fiha l-informazzjoni msemmija fil-punti (c), (e), (g), (h) u (i) tal-Artikolu 6(3).

Fil-każ ta’ deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni tal-Unjoni, kull modifika li tikkonsisti f’żieda ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun limitata għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mill-Artikolu 4.

Artikolu 14

Obbligi ta’ notifika tad-dipartiment doganali kompetenti

1.   Id-dipartiment doganali kompetenti li lilu ġiet ippreżentata applikazzjoni nazzjonali għandu jgħaddi d-deċiżjonijiet li ġejjin lill-uffiċċji doganali tal-Istat Membru tiegħu, immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom:

(a)

deċiżjonijiet li jilqgħu l-applikazzjoni;

(b)

deċiżjonijiet li jħassru deċiżjonijiet li jilqgħu l-applikazzjoni;

(c)

deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet li jilqgħu l-applikazzjoni;

(d)

deċiżjonijiet li jestendu l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni.

2.   Id-dipartiment doganali kompetenti li lilu ġiet ippreżentata applikazzjoni tal-Unjoni għandu jgħaddi d-deċiżjonijiet li ġejjin lid-dipartiment doganali kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri indikati fl-applikazzjoni tal-Unjoni, immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom:

(a)

deċiżjonijiet li jilqgħu l-applikazzjoni;

(b)

deċiżjonijiet li jħassru deċiżjonijiet li jilqgħu l-applikazzjoni;

(c)

deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet li jilqgħu l-applikazzjoni;

(d)

deċiżjonijiet li jestendu l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni.

Id-dipartiment doganali kompetenti tal-Istat Membru indikat jew l-Istati Membri indikati fl-applikazzjoni tal-Unjoni għandu immedjatament wara li jirċievi dawk id-deċiżjionijiet jgħaddihom lill-uffiċċji tad-dwana tagħhom.

3.   Id-dipartiment doganali kompetenti tal-Istat Membru indikat jew l-Istati Membri indikati fl-applikazzjoni tal-Unjoni jista’ jitlob lid-dipartiment doganali kompetenti li adotta d-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni li jagħtihom informazzjoni addizzjonali meqjusa neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

4.   Id-dipartiment doganali kompetenti għandu jibgħat id-deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-azzjonijiet tal-awtoritajiet doganali skont il-punt b tal-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 16(2) lill-uffiċċji doganali tal-Istat Membru tiegħu, immedjatament wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 15

Obbligi ta’ notifika tad-detentur tad-deċiżjoni

Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jinnotifika immedjatament lid-dipartiment doganali kompetenti li laqa’ l-applikazzjoni, ta’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert mill-applikazzjoni ma jibqax effettiv;

(b)

id-detentur tad-deċiżjoni ma jibqax, għal raġunijiet oħra, intitolat biex jippreżenta l-applikazzjoni;

(c)

modofiki għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3).

Artikolu 16

Nuqqas tad-detentur tad-deċiżjoni li jħares l-obbligi tiegħu

1.   Meta d-detentur tad-deċiżjoni juża l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet doganali għal skopijiet differenti minn dawk stipulati fl-Artikolu 21, id-dipartiment doganali kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat jew intużat ħażin l-informazzjoni, jista’:

(a)

iħassar kull deċiżjoni adottata minnu li tilqa’ applikazzjoni nazzjonali għal dak id-detentur ta’ deċiżjoni, u jiċħad li jestendi l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni;

(b)

jissospendi fit-territorji tagħhom, matul il-perijodu li fih l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni, kull deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni tal-Unjoni għal dak id-detentur ta’ deċiżjoni.

2.   Id-dipartiment doganali kompetenti jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-azzjonijiet tal-awtoritajiet doganali sal-iskadenza tal-perijodu li matulu dawk l-awtoritajiet iridu jieħdu azzjoni, meta d-detentur tad-deċiżjoni:

(a)

ma jissodisfax l-obbligi ta’ notifika mniżżla fl-Artikolu 15;

(b)

ma jissodisfax l-obbligu dwar ir-radd lura ta’ kampjuni stabbiliti fl-Artikolu 19(3);

(c)

ma jħarisx l-obbligi fir-rigward ta’ spejjeż u traduzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 29(1) u (3);

(d)

mingħajr raġuni valida ma jibdix proċedimenti kif previst fl-Artikoli 23(3), jew l-Artikolu 26(9).

Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, id-deċiżjoni li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet doganali jiġu sospiżi ikollha effett biss fl-Istat Membru fejn tittieħed tali deċiżjoni.

KAPITOLU III

AZZJONI MILL-AWTORITAJIET DOGANALI

TAQSIMA 1

Sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru ta’ oġġetti suspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali

Artikolu 17

Sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru ta’ oġġetti wara li tkun intlaqgħet applikazzjoni

1.   Meta l-awtoritajiet doganali jidentifikaw oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert minn deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni, huma għandhom jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti jew jissekwestrawhom.

2.   Qabel jissospendu r-rilaxx jew iżommu l-oġġetti, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lid-detentur tad-deċiżjoni jagħtihom kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-oġġetti. L-awtoritajiet doganali jistgħu wkoll jipprovdu lid-detentur tad-deċiżjoni b’informazzjoni dwar il-kwantità attwali jew stimata ta’ oġġetti, in-natura attwali jew preżunta tagħhom u stampi tagħhom, kif xieraq.

3.   L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti bis-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew bis-sekwestru tal-oġġetti fi żmien jum ta’ xogħol minn dik is-sospensjoni jew sekwestru.

Meta l-awtoritajiet doganali jagħżlu li jinnotifikaw id-detentur tal-oġġetti u żewġ persuni jew aktar ikunu meqjusa bħala d-detenturi tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali ma għandhomx ikunu obbligati li jinnotifikaw aktar minn persuna waħda minnhom.

L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-detentur tad-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew is-sekwestru fl-istess jum meta jiġi nnotifikat id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti, jew minnufih wara dan.

In-notifiki għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

4.   L-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lid-detentur bid-deċiżjoni u lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti bil-kwantità attwali jew stmata u bin-natura attwali jew preżunta tal-oġġetti, inklużi stampi disponibbli tagħhom, kif xieraq, li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati. L-awtoritajiet doganali għandhom ukoll, fuq talba u fejn disponibbli għalihom, jgħarrfu lid-detentur tad-deċiżjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tad-destinatarju, tal-ispeditur u tad-dikjarant jew tad-detentur tal-oġġetti, bil-proċedura doganali u bl-oriġini, bil-provenjenza u d-destinazzjoni tal-oġġetti li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati.

Artikolu 18

Sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġett qabel ma tintlaqa’ applikazzjoni

1.   Meta l-awtoritajiet doganali jidentifikaw oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali, li mhumiex koperti b’deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni, huma jistgħu, ħlief fil-każ ta’ oġġetti li jeħżienu, jissospendu r-rilaxx ta’ dawk l-oġġetti jew jissekwestrawhom.

2.   Qabel ma jiġi sospiż ir-rilaxx tal-oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali jew qabel is-sekwestru tagħhom, l-awtoritajiet doganali jistgħu, mingħajr ma jiżvelaw ebda informazzjoni għajr il-kwantità attwali jew stimata ta’ oġġetti, in-natura attwali jew preżunta tagħhom u stampi ta’ dawk l-oġġetti, kif xieraq, jitolbu lil kwalunkwe persuna jew entità potenzjalment intitolata biex tissottometti applikazzjoni dwar l-allegat ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali biex tipprovdilhom kull informazzjoni rilevanti.

3.   L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti bis-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew bis-sekwestru tagħhom fi żmien jum ta’ xogħol minn dik is-sospensjoni jew mis-sekwestru.

Meta l-awtoritajiet doganali jagħżlu li jinnotifikaw id-detentur tal-oġġetti u żewġ persuni jew aktar ikunu meqjusa bħala d-detenturi tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali ma għandhomx ikunu obbligati li jinnotifikaw aktar minn persuna waħda minnhom.

L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lil persuni jew entitajiet ntitolati li jippreżentaw applikazzjoni dwar il-ksur allegat tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, dwar is-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew is-sekwestru tagħhom fl-istess jum meta jiġi nnotifikat id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti, jew minnufih wara dan.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jikkonsultaw mal-awtoritajiet kompetenti pubbliċi sabiex jidentifikaw il-persuni jew entitajiet intitolati li jippreżentaw applikazzjoni.In-notifiki għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

4.   L-awtoritajiet doganali għandhom japprovaw ir-rilaxx tal-oġġetti jew iwaqqfu is-sekwestru tagħhom immedjatament wara li jkunu tlestew il-formalitajiet doganali kollha fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta ma jkunux identifikaw kwalunkwe persuna jew entità intitolata li tissottometti applikazzjoni dwar l-allegat ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fi żmien ġurnata ta’ xogħol waħda mis-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti;

(b)

meta ma jkunux irċevew applikazzjoni skont l-Artikolu 5(3), jew meta jkunu ċaħdu tali applikazzjoni.

5.   Fejn tkun intlaqgħet applikazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba u meta disponibbli għalihom, jgħarrfu lid-detentur tad-deċiżjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tad-destinatarju, tal-ispeditur, tad-dikjarant jew tad-detentur tal-oġġetti, bil-proċedura doganali u bl-oriġini, bil-provenjenza u d-destinazzjoni tal-oġġetti li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati.

Artikolu 19

Spezzjoni u teħid ta’ kampjuni ta’ oġġett li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati

1.   L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu lid-detentur tad-deċiżjoni u lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti l-opportunità li jispezzjonaw l-oġġetti li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jieħdu kampjuni li jkunu rappreżentattivi tal-oġġetti. Huma jistgħu jipprovdu jew jibagħtu tali kampjuni lid-detentur tad-deċiżjoni, fuq it-talba tad-detentur u strettament għal skopijiet ta’ analiżi u biex tiġi ffaċilitata l-proċedura sussegwenti fir-rigward ta’ oġġetti ffalsifikati u kkupjati. Kull analiżi ta’ dawn il-kampjuni għandha ssir taħt ir-responsabbiltà unika tad-detentur tad-deċiżjoni.

3.   Id-detentur tad-deċiżjoni għandu, sakemm iċ-ċirkostanzi jippermettu dan, jirritorna l-kampjuni mesmmija fil-paragrafu 2 lill-awtoritajiet doganali malli titlesta l-analiżi teknika, mhux aktar tard minn qabel ma l-oġġetti jiġu rilaxxati jew ma jintemm is-sekwestru tagħhom.

Artikolu 20

Kundizzjonijiet tal-ħżin

Il-kundizzjonijiet tal-ħżin ta’ oġġetti matul perijodu ta’ sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru, għandhom jiġu determinati mill-awtoritajiet doganali.

Artikolu 21

Użu permess ta’ ċerta informazzjoni mid-detentur tad-deċiżjoni

Meta d-detentur tad-deċiżjoni jkun irċieva l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(4), l-Artikolu 18(5), l-Artikolu 19 jew l-Artikolu 26(8), huwa jista’ jiżvela jew juża dik l-informazzjoni biss għall-għanijiet li ġejjin:

(a)

biex jingħata bidu għal proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali jkunx inkiser u matul tali proċedimenti;

(b)

b’rabta ma’ investigazzjonijiet kriminali marbuta mal-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fl-Istat Membru fejn jinsabu l-oġġetti;

(c)

biex jingħata bidu għal proċedimenti kriminali u matul tali proċedimenti;

(d)

biex jintalab kumpens minn dak li kiser il-liġi jew persuni oħrajn;

(e)

biex jaqbel mad-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti li l-oġġetti jinqerdu skont l-Artikolu 23(1);

(f)

biex jaqbel mad-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti dwar l-ammont tal-garanzija msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 24(2).

Artikolu 22

Qsim ta’ informazzjoni u data bejn l-awtoritajiet doganali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni u bil-għan li jsir kontribut għall-eliminazzjoni tal-kummerċ internazzjonali ta’ oġġetti li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jistgħu jaqsmu ċerta data u informazzjoni disponibbli għalihom mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi skont l-arranġamenti prattiċi msemmijin fil-paragrafu 3.

2.   Għandu jsir skambju tad-data u l-informazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom biex ikun jista’ jsir malajr infurzar kontra trasport ta’ oġġetti li jiksru dritt ta’ proprjeta intellettwali. Tali data u informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ sekwestru, xejriet u riskju ġenerali, inkluż dwar oġġetti li għaddejjin mit-territorju tal-Unjoni u li jkunu oriġinaw minn jew huma ddestinati għat-territorju tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Tali data u l-informazzjoni tista’ tinkludi, fejn xieraq, dan li ġej:

(a)

In-natura u l-kwantità tal-oġġetti,

(b)

Id-dritt ta’ proprjetà intellettwali li hemm suspett li nkiser,

(c)

L-oriġini, il-provenjanza u d-destinazzjoni tal-oġġetti,

(d)

Informazzjoni dwar movimenti ta’ mezzi ta’ trasport, b’mod partikolari,

(i)

isem il-bastiment jew reġistrazzjoni tal-mezzi ta’ trasport,

(ii)

numri ta’ referenza tad-dokument tal-merkanzija jew dokument ieħor tat-trasport,

(iii)

numru ta’ containers,

(iv)

piż tat-tagħbija,

(v)

deskrizzjoni u/jew kodifikazzjoni tal-oġġetti,

(vi)

numru ta’ reżervazzjoni,

(vii)

numru tas-siġill,

(viii)

post tal-ewwel tagħbija,

(ix)

post tal-ħatt finali,

(x)

postijiet ta’ trasbord,

(xi)

data mistennija ta’ wasla fil-post tal-ħatt aħħari;

(e)

informazzjoni dwar movimenti ta’ kontenituri, b’mod partikolari,

(i)

numru tal-kontenitur,

(ii)

status tat-tagħbija tal-container,

(iii)

data tal-moviment,

(iv)

tip ta’ moviment (tagħbija, ħatt, trasbord, dħul, ħruġ, eċċ),

(v)

isem il-bastiment jew reġistrazzjoni tal-mezzi ta’ trasport,

(vi)

numru tal-vjaġġ,

(vii)

post,

(viii)

dokument tal-merkanzija jew dokument ieħor tat-trasport.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-elementi tal-arranġamenti prattiċi meħtieġa f’dak li għandu x’jaqsam mal-iskambju ta’ data u informazzjoni msemmi f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3).

TAQSIMA 2

Qerda tal-oġġetti, bidu tal-proċedimenti u rilaxx bikri tal-oġġetti

Artikolu 23

Qerda tal-oġġetti u bidu tal-proċedimenti

1.   Oġġetti suspettati li qed jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jinqerdu taħt kontroll doganali, mingħajr ebda bżonn li jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser skont il-liġi tal-Istat Membru fejn instabu l-oġġetti, meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew sodisfatti:

(a)

id-detentur tad-deċiżjoni jkun ikkonferma bil-miktub lill-awtoritajiet doganali, fi żmien għaxart ijiem xogħol, jew tlett ijiem xogħol fil-każ ta’ oġġetti li jeħżienu, minn meta tasal in-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti, li jemmen li nkiser dritt ta’ proprjetà intellettwali;

(b)

id-detentur tad-deċiżjoni jkun ikkonferma bil-miktub lill-awtoritajiet doganali, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol, jew tlett ijiem ta’ xogħol fil-każ ta’ oġġetti li jiħżienu, minn meta tasal in-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti, il-qbil tiegħu li jinqerdu l-oġġetti;

(c)

id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun ikkonferma bil-miktub lill-awtoritajiet doganali, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol, jew tlett ijiem ta’ xogħol fil-każ ta’ oġġetti li jiħżienu, minn meta tasal in-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti, il-qbil tiegħu li l-oġġetti jinqerdu. Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma l-qbil tiegħu li jinqerdu l-oġġetti u lanqas ma jkun innotifika lill-awtoritajiet doganali bl-oppożizzjoni tiegħu għal dan, sa dawk l-iskadenzi, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu li d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun ikkonferma l-qbil tiegħu li dawk l-oġġetti jinqerdu.

L-awtoritajiet doganali għandhom jiggarantixxu r-rilaxx tal-oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom immedjatament wara t-tlestija tal-formalitajiet doganali kollha, meta fi żmien il-perijodu msemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, la jkunu rċevew il-konferma bil-miktub mid-detentur tad-deċiżjoni li jemmen li nkiser dritt ta’ proprjetà intellettwali u lanqas il-qbil tiegħu għall-qerda, sakemm dawk l-awtoritajiet ma jkunux ġew mgħarrfa kif xieraq dwar il-bidu ta’ proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk inkisirx dritt ta’ proprjetà intellettwali.

2.   Il-qerda għandha ssir taħt il-kontroll doganali u taħt ir-responsabbiltà tad-detentur tad-deċiżjoni, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni tal-Istat Membru fejn jinqerdu l-oġġetti. Jistgħu jittieħdu kampjuni mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jinqerdu l-oġġetti. Kampjuni meħuda qabel il-qerda jistgħu jintużaw għal għanijiet edukattivi.

3.   Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma bil-miktub il-qbil tiegħu li l-oġġetti jinqerdu u meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx tqies li kkonferma l-qbil tiegħu dwar il-qerda, f’konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-perijodi msemmija fih, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-detentur tad-deċiżjoni b’dan immedjatament. Id-detentur tad-deċiżjoni għandu, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol, jew tlett ijiem ta’ xogħol fil-każ ta’ oġġetti li jeħżienu, minn meta tasal in-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti, jibda proċedimenti biex jiddetermina jekk inkisirx dritt rilevanti ta’ proprjetà intellettwali.

4.   Ħlief fil-każ ta’ oġġetti li jeħżienu l-awtoritajiet doganali jistgħu jestendu l-perijodi msemmija fil-paragrafu 3 b’massimu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol fuq talba ġustifikata kif meħtieġ mid-detentur tad-deċiżjoni f’każijiet xierqa.

5.   L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu r-rilaxx ta’ oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom, immedjatament wara t-tlestija tal-formalitajiet doganali kollha, meta fil-perijodi msemmijin f’paragrafi 3 u 4, ma jkunux ġew mgħarrfin kif meħtieġ, skont il-pargrafu 3, bil-bidu ta’ proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk inkisirx dritt ta’ proprjetà intelletwali.

Artikolu 24

Rilaxx bikri ta’ oġġetti

1.   Meta l-awtoritajiet doganali jkunu ġew innotifikati bil-bidu ta’ proċedimenti biex jiddeterminaw jekk ikunx inkiser disinn, brevetta, mudell ta’ utlità, topografija ta’ prodott semikunduttur jew varjetà ta’ pjanti, id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jista’ jitlob lill-awtoritajiet doganali jirrilaxxaw l-oġġetti jew iwaqqfu s-sekwestru tagħhom qabel it-tlestija ta’ dawk il-proċedimenti.

2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw l-oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom biss meta dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin kollha jkunu ġew issodisfati:

(a)

id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun pprovda garanzija, li tkun suffiċjenti biex iħares l-interessi tad-detentur tad-deċiżjoni.;

(b)

l-awtorità kompetenti biex tiddetermina jekk inkisirx dritt ta’ proprjetà intellettwali ma tkunx awtorizzat miżuri ta’ prekawzjoni;

(c)

tlestew il-formalitajiet doganali kollha.

3.   L-għoti tal-garanzija mesmmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ma għandux jaffettwa r-rimedji legali l-oħrajn disponibbli għad-detentur tad-deċiżjoni.

Artikolu 25

Oġġetti għall-qerda

1.   Oġġetti li għandhom jinqerdu skont l-Artikoli 23 jew 26 ma għandhomx:

(a)

jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, sakemm l-awtoritajiet doganali, bil-qbil tad-detentur tad-deċiżjoni, ma jiddeċidux li huwa meħtieġ fil-każ li l-oġġetti għandhom jiġu riċiklati jew mormija barra l-kanali kummerċjali, inkluż għal raġunijiet ta’ żieda tal-għarfien, taħriġ u edukazzjoni. Il-kundizzjonijiet li skonthom l-oġġetti jistgħu jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera għandhom jiġu ddeterminati mill-awtoritajiet doganali;

(b)

jinħarġu mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(c)

jiġu esportati;

(d)

jiġu esportati mill-ġdid;

(e)

jitpoġġew taħt proċedura sospensiva;

(f)

jitpoġġew f’żona ħielsa jew maħżen ħieles.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li oġġetti bħal dawn imsemmijin fil-paragrafu 1 jiċċaqilqu taħt superviżjoni doganali bejn postijiet differenti fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni bil-għan li jinqerdu taħt kontroll doganali.

Artikolu 26

Proċedura għall-qerda ta’ oġġetti f’kunsinni żgħar

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal oġġetti fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma ssodisfati:

(a)

l-oġġetti jkunu suspettati li huma oġġetti foloz jew ikkupjati;

(b)

l-oġġetti ma jkunux oġġetti li jeħżienu;

(c)

l-oġġetti jkunu koperti minn deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni;

(d)

id-detentur tad-deċiżjoni jkun talab li tintuża l-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu fl-applikazzjoni tiegħu;

(e)

l-oġġetti jkunu trasportati f’kunsinni żgħar.

2.   Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu tiġi applikata, l-Artikolu 17(3) u (4) u l-Artikolu 19(2) u (3) ma għandhomx japplikaw.

3.   L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti bis-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew bis-sekwestru tagħhom fi żmien jum ta’ xogħol mis-sospensjoni tar-rilaxx jew mis-sekwestru tal-oġġetti. In-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-intenzjoni tal-awtoritajiet doganali li jeqirdu l-oġġetti;

(b)

id-drittijiet tad-dikjarant jew tad-detentur tal-oġġetti skont il-paragrafi 4, 5 u 6.

4.   Id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-fehma tiegħu fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti.

5.   L-oġġetti kkonċernati jistgħu jinqerdu meta, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti, id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun ikkonferma mal-awtoritajiet doganali l-qbil tiegħu għall-qerda tal-oġġetti.

6.   Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma l-qbil tiegħu għall-qerda tal-oġġetti jew innotifika lill-awtoritajiet doganali bl-oppożizzjoni tiegħu għal dan, fi żmien il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu li d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti kkonferma l-qbil tiegħu għall-qerda tal-oġġetti.

7.   Il-qerda għandha ssir taħt kontroll doganali. L-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba u kif xieraq, jagħtu lid-detentur tad-deċiżjoni informazzjoni dwar il-kwantità attwali jew stimata ta’ oġġetti meqruda u n-natura tagħhom.

8.   Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma kkonfermax il-qbil tiegħu li jinqerdu l-oġġetti u fejn id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma tqiesx li kkonferma tali qbil, f’konformità ma’ paragrafu 6, l-awtoritajiet doganali għandhom javżaw lid-detentur tad-deċiżjoni b’dan immedjatament u bil-kwantità ta’ elementi u n-natura tagħhom, inklużi stampi tagħhom, fejn xieraq. L-awtoritajiet doganali għandhom ukoll, fuq talba u fejn disponibbli għalihom, jgħarrfu lid-detentur tad-deċiżjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tad-destinatarju, tal-ispeditur u tad-dikjarant jew tad-detentur tal-oġġetti, bil-proċedura doganali u bl-oriġini, bil-provenjenza u d-destinazzjoni tal-oġġetti li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati.

9.   L-awtoritajiet doganali għandhom iħallu r-rilaxx tal-oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom immedjatament wara t-tlestija tal-formalitajiet doganali kollha meta ma jkunux irċevew informazzjoni mingħand id-detentur tad-deċiżjoni dwar il-bidu ta’ proċedimenti biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali inkisirx, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol min-notifika msemmija fil-paragrafu 8.

10.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 35 dwar l-emenda tal-kwantitajiet fid-definizzjoni ta’ kunsinni żgħar fil-każ li d-definizzjoni tinstab li mhijiex prattika fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tal-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu, jew fejn meħtieġ sabiex tiġi evitata kwalunkwe ċirkomvenzjoni ta’ din il-proċedura fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kunsinni.

KAPITOLU IV

RESPONSABBILTÀ, SPEJJEŻ U PIENI

Artikolu 27

Responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali

Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali, id-deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni ma għandhiex tintitola lid-detentur ta’ dik id-deċiżjoni għal kumpens fil-każ li ma jinstabux oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali minn uffiċċju doganali u dawn jiġu rilaxxati, jew ma tittieħed l-ebda azzjoni ta’ sekwestru tagħhom.

Artikolu 28

Responsabbiltà tad-detentur tad-deċiżjoni

Fejn proċedura mibdija kif xieraq skont dan ir-Regolament titwaqqaf minħabba att jew omissjoni min-naħa tad-detentur tad-deċiżjoni, fejn kampjuni meħuda skont l-Artikolu 19(2) jew ma jiġux ritornati inkella jkunu danneġġati jew ma jistgħux jintużaw aktar minħabba att jew omissjoni min-naħa tad-detentur tad-deċiżjoni jew fejn l-oġġetti inkwistjoni sussegwentament jinsabu li ma jiksru l-ebda dritt ta’ proprjetà intelletwali, id-detentur tad-deċiżjoni għandu jkun responsabbli fil-konfront ta’ kwalunkwe detentur tal-oġġetti jew dikjarantli sofra dannu f’dak ir-rigward f’konformità ma’ leġislazzjoni speċifika applikabbli.

Artikolu 29

Spejjeż

1.   Fejn mitlub mill-awtoritajiet doganali, id-detentur tad-deċiżjoni għandu jirrimborża l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet doganali, jew partijiet oħra li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet doganali, mill-mument ta’ sekwestru jew sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti, inkluż il-ħżin u t-trattament tal-oġġetti, skont l-Artikolu 17(1) l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 19(2) u (3), u meta jintużaw miżuri korrettivi bħall-qerda ta’ oġġetti skont l-Artikoli 23 u 26.

Id-detentur ta’ deċiżjoni li jkun ġie innotifikat bis-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru ta’ oġġetti għandu, fuq talba, jingħata informazzjoni mill-awtoritajiet doganali dwar fejn u kif dawk l-oġġetti qed jinħażnu u dwar l-ispejjeż stmati tal-ħżin imsemmija f’dan il-pargarafu. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż stmati tista’ tiġi espressa f’termini ta’ żmien, prodotti, volum, piż jew servizz skont iċ-ċirkostanzi tal-ħżin u n-natura tal-oġġetti.

2.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tad-detentur tad-deċiżjoni li jikseb kumpens mingħand dak li wettaq il-ksur jew persuni oħrajn skont il-leġislazzjoni applikabbli.

3.   Id-detentur ta’ deċiżjoni li tilqa’ applikazzjoni tal-Unjoni għandu jipprovdi u jħallas għal kull traduzzjoni meħtieġa mid-dipartiment doganali jew mill-awtoritajiet doganali kompetenti li għandhom jieħdu azzjoni fuq l-oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

Artikolu 30

Pieni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi ta’ deċiżjonijiet jikkonformaw mal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, inkluż, fejn xieraq, billi jistipulaw dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-pieni. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżważivi.

L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummussjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet u kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom mingħajr dewmien.

KAPITOLU V

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 31

Skambju ta’ data dwar deċiżjonijiet marbuta ma’ applikazzjonijiet u sekwestri bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

1.   Id-dipartimenti doganali kompetenti għandhom javżaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien b’dan li ġej:

(a)

deċiżjonijiet li jilqgħu applikazzjonijiet, inkluża l-applikazzjoni u l-annessi tagħhom;

(b)

deċiżjonijiet li jestendu l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni jew deċiżjonijiet li jħassru d-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni jew li temendaha;

(c)

is-sospensjoni ta’ deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-punt (g) tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 515/97, fejn ir-rilaxx tal-oġġetti huwa sospiż jew l-oġġetti huma sekwestrati, l-awtoritajiet doganali għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni rilevanti, minbarra data personali, fost l-oħrajn informazzjoni dwar il-kwantità u t-tip tal-oġġetti, il-valur, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, proċeduri doganali, pajjiżi ta’ provenjanza, oriġini u destinazzjoni, u rotot u mezzi ta’ trasport.

3.   It-trasmissjoni tal-informazzjoni msemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u l-iskambji kollha ta’ data dwar deċiżjonijiet li jikkonċernaw applikazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 14 bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom isiru permezz ta’ bażi ta’ data ċentrali tal-Kummissjoni. L-informazzjoni u d-data għandhom jinħażnu f’dik il-bażi ta’ data.

4.   Bl-għan li jiġi żgurat l-ipproċessar tal-informazzjoni msemmi f’paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, il-bażi ta’ data ċentrali msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi stabbilita f’għamla elettronika. Il-bażi ta’ data ċentrali għandu jkun fiha l-informazzjoni, inkluża data personali, imsemmija fl-Artikolu 6(3), l-Artikolu 14 u dan l-Artikolu.

5.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-bażi ta’ data ċentrali kif xieraq għall-qadi tar-responsabbiltajiet legali tagħhom fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-aċċess għal informazzjoni mmarkata għal trattament ristrett skont l-Artikolu 6(3) huwa ristrett għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fejn tinħtieġ azzjoni. Fuq talba ġustifikata mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess lill-Kummissjoni għal informazzjoni bħal din fejn tkun strettament meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

6.   L-awtoritajiet doganali għandhom jintroduċu fil-bażi ta’ data ċentrali informazzjoni marbuta mal-applikazzjonijiet ippreżentati lid-dipartiment doganali kompetenti. L-awtoritajiet doganali li jkunu daħħlu informazzjoni fil-bażi ta’ data ċentrali għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw, jissupplimentaw, jikkoreġu jew iħassru tali informazzjoni. Kull awtorità doganali li tkun daħħlet informazzjoni fil-bażi ta’ data ċentrali għandha tkun responsabbli għall-eżattezza, l-adegwatezza u r-relevanza ta’ dik l-informazzjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm arranġamenti tekniċi u organizzattivi xierqa għat-tħaddim affidabbli u sigur tal-bażi ta’ data ċentrali. L-awtoritajiet doganali ta’ kull Stat Membru għandhom jistabbilixxu u jżommu arranġamenti tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar imwettqa mill-awtoritajiet doganali tagħhom u fir-rigward tat-terminals tal-bażi ta’ data ċentrali li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi il-bażi ta’ data ċentrali msemmi fl-Artikolu 31. Dak il-bażi ta’ data għandu jkun operazzjonali malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data

1.   L-ipproċessar ta’ data personali fil-bażi ta’ data ċentrali tal-Kummissjoni għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   L-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jsir skont id-Direttiva 95/46/KE u taħt is-superviżjoni tal-awtorità pubblika indipendenti tal-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 28 ta’ dik id-Direttiva.

3.   Data personali għandha tinġabar u tintuża biss għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Data personali li tinġabar b’dan il-mod għandha tkun preċiża u għandha tinżamm aġġornata.

4.   Kull awtorità doganali li tkun daħħlet data personali fil-bażi ta’ data ċentrali għandha tkun il-kontrollur fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data.

5.   Suġġett ta’ data għandu jkollu dritt ta’ aċċess għad-data personali marbuta miegħu li tiġi pproċessata mill-bażi ta’ data ċentrali u, fejn xieraq, id-dritt għar-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar ta’ data personali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jew mal-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

6.   It-talbiet kollha għat-tħaddim tad-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir jew imblukkar għandhom isiru lil u jiġu pproċessati mill-awtoritajiet doganali. Fejn suġġett ta’ data jkun għamel talba għat-tħaddim ta’ dak id-dritt lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tgħaddi din it-talba lill-awtoritajiet doganali kkonċernati.

7.   Data personali m’għandhiex tinżamm iktar minn sitt xhur mid-data ta’ meta d-deċiżjoni rilevanti li tilqa’ l-applikazzjoni tkun ġiet revokata jew ta’ meta l-perijodu rilevanti li matulu l-awtoritajiet doganali jistgħu jieħdu azzjoni jkun skada.

8.   Fejn id-detentur tad-deċiżjoni jkun beda proċedimenti skont l-Artikolu 23(3) jew 26(9) u jkun innotifika lill-awtoritajiet doganali bil-bidu ta’ tali proċedimenti, data personali għandha tinżamm għall sitt xhur wara li l-proċedimenti jkunu ddeterminaw b’mod finali jekk ikunx inkiser dritt ta’ proprjetà intellettwali.

KAPITOLU VI

KUMITAT, DELEGAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit mill-Artikoli 247a u 248a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 35

Tħaddim tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 26(10) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien mhux determinat mid-19 ta’ Lulju 2013.

3.   Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikolu 26(10) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tieħu effett fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 26(10) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 36

Assistenza amministrattiva reċiproka

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 515/97 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan ir-Regolament.

Artikolu 37

Rappurtaġġ

Sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk meħtieġ, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet adegwati.

Dak ir-rapport għandu jirreferi għal kull inċident rilevanti li jikkonċerna mediċini li jkunu għaddejjin mit-territorju doganali tal-Unjoni li jista’ jseħħ skont dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni tal-impatt potenzjali tiegħu fuq l-impenji tal-Unjoni għall-aċċess għal mediċini skont id-“Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika” adottata mill-Konferenza Ministerjali tad-WHO ta’ Doha fl-14 ta’ Novembru 2001, u l-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata kull sitwazzjoni li toħloq effetti negattivi f’dak ir-rigward.

Artikolu 38

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness.

Artikolu 39

Dispożizzjonijiet transizzjonali

Applikazzjonijiet milqugħin skont ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 għandhom jibqgħu validi għall-perjodu speċifikat fid-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni u m’għandhomx jiġu estiżi.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014, bl-eċċezzjoni ta’:

(a)

l-Artikolu 6, l-Artikolu 12(7) u l-Artikolu 22(3), li għandhom japplikaw mid-19 ta’ Lulju 2013.

(b)

l-Artikoli 31(1) u (3) sa (7) u l-Artikolu 33, li għandhom japplikaw mid-data li fiha tiġi stabbilita l-bażi ta’ data ċentrali msemmija fl-Artikolu 32. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta’ Mejju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Ġunju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.

(3)  ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(4)  ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 47.

(5)  ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1.

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(9)  ĠU C 363, 13.12.2011, p. 3.

(10)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(11)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 1.

(12)  ĠU L 198, 8.8.1996, p. 30.

(13)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(14)  ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.

(15)  ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1.

(16)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(17)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(18)  ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1.

(19)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(20)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1

(21)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.

(22)  ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.


ANNESS

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1383/2003

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 1

Artikolu 4

Artikolu 18

Artikolu 5

Artikoli 3 sa 9

Artikolu 6

Artikoli 6 u 29

Artikolu 7

Artikolu 12

Artikolu 8

Artikoli 10, 11, 12, 14 u 15

Artikolu 9

Artikoli 17 u 19

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 23

Artikolu 12

Artikoli 16 u 21

Artikolu 13

Artikolu 23

Artikolu 14

Artikolu 24

Artikolu 15

Artikolu 20

Artikolu 16

Artikolu 25

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 30

Artikolu 19

Artikoli 27 u 28

Artikolu 20

Artikoli 6, 12, 22 u 26

Artikolu 21

Artikolu 34

Artikolu 22

Artikoli 31 u 36

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 38

Artikolu 25

Artikolu 40