29.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 181/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 605/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Ġunju 2013
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 dwar it-tneħħija tal-pinen ta’ klieb il-baħar abbord bastimenti
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 (3) jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali għall-prattika tat-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar, fejn il-kelb il-baħar jitneħħulu l-pinen u l-kumplament tiegħu jintrema fil-baħar. |
(2) |
Il-ħut li jappartjeni għall-grupp tassonomiku Elasmobranchii, inklużi l-klieb il-baħar, ir-rebekkini u r-raj, ġeneralment huma vulnerabbli ħafna għas-sajd eċċessiv minħabba l-karatteristiċi taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inkluż li jikbru bil-mod, jimmaturaw tard, u jkollhom għadd żgħir ta’ frieħ, minkejja li l-produttività bijoloġika mhijiex l-istess għall-ispeċijiet kollha. Ġeneralment, fis-snin reċenti, xi popolazzjonijiet tal-klieb il-baħar kienu ħafna fil-mira, inkluż minn bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta’ xi Stat Membru li qed joperaw f’ilmijiet tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni, u kienu mhedda serjament speċjalment minħabba ż-żieda drammatika fid-domanda għall-prodotti tal-klieb il-baħar, u b’mod partikolari għall-pinen tal-klieb il-baħar. |
(3) |
Il-pinen tal-klieb il-baħar ma jikkostitwixxux ingredjent tradizzjonali tad-dieta Ewropea, iżda l-klieb il-baħar jikkostitwixxu element neċessarju tal-ekosistema tal-baħar eżistenti fl-Unjoni. Il-ġestjoni u l-konservazzjoni ta’ stokkijiet ta’ klieb il-baħar, kif ukoll, aktar ġenerali, il-promozzjoni ta’ settur tas-sajd immexxi b’mod sostenibbli għall-ġid tal-ambjent u tan-nies li jaħdmu fis-settur, għandhom għalhekk ikunu prijorità. |
(4) |
L-għarfien xjentifiku attwali, ibbażat fuq l-eżami tar-rati ta’ qbid tal-klieb il-baħar, jindika ġeneralment li ħafna stokkijiet ta’ klieb il-baħar huma mhedda serjament, minkejja li s-sitwazzjoni mhijiex l-istess għall-ispeċijiet kollha jew anki għall-istess speċi f’żoni marittimi differenti. Skont l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN), aktar minn 25 % tal-ispeċijiet kollha ta’ klieb il-baħar pelaġiċi, li minnhom ‘il fuq minn 50 % huma klieb il-baħar pelaġiċi oċeaniċi kbar, jinsabu mhedda. F’dan l-aħħar snin, il-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord, jew il-ħatt ta’ għadd dejjem akbar ta’ speċijiet ta’ klieb il-baħar, inkluż dak ta’ klieb il-baħar li l-pinen tagħhom huma ta’ valur kummerċjali għoli, kien ipprojbit skont il-liġi tal-Unjoni jew fi ħdan il-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd. |
(5) |
Il-ħuta kaħla (Priconace glauca) u l-pixxitondu (Isurus oxyrinchus), ikklassifikati mill-IUCN bħala “kważi mhedda” u “vulnerabbli” rispettivament, huma bħalissal-ispeċijiet predominanti ta’ kelb il-baħar li qed jinqabdu mill-flotta Ewropea, u l-ħuta kaħla tgħodd madwar 70 % tat-total rappurtat ta’ klieb il-baħar imħotta. Speċijiet oħra, madankollu, li jinkludu l-kurazza u l-Carcharhinus falciformis, huma wkoll soġġetti għall-qbid kemm fl-ilmijiet tal-Unjoni u kemm f’ilmijiet mhux tal-Unjoni u jikkontribwixxu għall-vijabilità ekonomika tas-sajd. |
(6) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2003 attwalment jippermetti lill-Istati Membri biex joħorġu permessi speċjali għas-sajd li jippermettu l-ipproċessar abbord ta’ klieb il-baħar, fejn il-pinen ta’ kelb il-baħar jistgħu jitneħħew minn ma’ ġismu. Sabiex tkun żgurata li jkun hemm korrelazzjoni bejn il-piż tal-pinen tal-kelb il-baħar u l-ġisem tiegħu, ġie stabbilit proporzjon “pinna mal-karkassa”. Hemm diffikultajiet serji ta’ kontroll u infurzar meta jintuża l-proporzjon “pinna mal-karkassa”. L-użu ta’ tali proporzjon huwa insuffiċjenti biex il-prattika tas-selezzjoni kwalitattiva (high-grading) tiġi eliminata u, minħabba d-differenzi fit-tekniki ta’ kif il-pinen jinqatgħu u l-varjabilità tad-daqs u l-piż tal-pinna ta’ speċijiet differenti ta’ klieb il-baħar, l-użu tiegħu jista’ jirriżulta fit-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar mingħajr ma tinkixef l-azzjoni. Wara l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, il-pinen u l-kumplament tal-iġsma tal-ħut jistgħu jinħattu f’portijiet differenti. F’dawn il-każijiet, l-użu tal-proporzjoni ma jibqax effettiv u jagħti lok biex tokkorri t-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġbir tad-data, inter alia dwar l-identifikazzjoni tal-ispeċijiet u l-istruttura tal-popolazzjonijiet, il-bażi ta’ konsulenza xjentifika għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tas-sajd, hija mxekkla. |
(7) |
Fid-dawl tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Klieb il-Baħar adottat fl-1999 mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni għandha tadotta l-miżuri neċessarji kollha għall-konservazzjoni tal-klieb il-baħar u biex jiġi minimizzat l-iskart u r-rimi minn qabdiet tal-klieb il-baħar. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ April 2009, il-Kunsill approva l-approċċ kumplessiv tal-Unjoni u objettivi speċifiċi kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni relatata dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità Ewropea għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Klieb il-Baħar tal-5 ta’ Frar 2009. Il-Kunsill ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-kwestjoni tat-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar u tippreżenta, malajr kemm jista’ jkun, proposta għall-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1185/2003, b’mod partikolari b’referenza għad-derogi u l-kondizzjonijiet assoċjati stipulati fih. |
(8) |
Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd (STECF), jirrikonoxxi l-problema tat-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar, jitlob li din il-problema tkun eradikata, mingħajr derogi, u huwa tal-fehma li l-ispeċijiet Elasmobranchii għandhom jinħattu bil-pinen/bil-ġwienaħ tagħhom hekk kif jikbru b’mod naturali fuq ġisimhom. |
(9) |
L-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd qegħdin jindirizzaw dejjem iktar din il-kwistjoni tat-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar. Barra minn hekk, il-korpi xjentifiċi tagħhom qed juru preferenza li l-klieb il-baħar jinħattu bil-pinen hekk kif jikbru b’mod naturali fuq ġisimhom u qegħdin jinnotaw li dan huwa l-aħjar mod li jimpedixxi t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar, u li jiffaċilita l-ġbir tad-data li hemm bżonn għall-valutazzjonijiet tal-istokkijiet. Ir-riżoluzzjonijiet annwali dwar is-sajd sostenibbli maħruġa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti mill-2007 ‘l hawn, il-Politika Globali kontra t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar tal-2008 tal-IUCN u l-Laqgħa tal-2010 tal-Konferenza għar-Rieżami tal-Ftehim dwar l-Istokkijiet tal-Ħut kollha talbu lin-nazzjonijiet jieħdu miżuri biex jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jiġu mħotta bil-pinen tagħhom hekk kif jikbru b’mod naturali fuq ġisimhom. |
(10) |
Fl-2010 u l-2011, bħala parti mill-eżerċizzju meħtieġ tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika sabiex tiġbor informazzjoni dwar l-iktar mod xieraq li bih għandu jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1185/2003. Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha li, sabiex jinkiseb l-objettiv bażiku tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-klieb il-baħar, dak ir-Regolament għandu jipprevedi li l-klieb il-baħar kollha jinħattu bil-pinen tagħhom hekk kif jikbru b’mod naturali fuq ġisimhom. |
(11) |
Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 1185/2003 għandu jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2003 huwa b’dan emendat kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 2, il-punt 3 huwa mħassar. |
(2) |
Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “1a. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, sabiex ikun iffaċilitat il-ħżin abbord, il-pinen tal-klieb il-baħar jistgħu jiġu parzjalment imqatta’ u jintwew kontra l-karkassa, imma ma għandhomx jitneħħew minn mal-karkassa qabel ma jinħattu l-art.”. |
(3) |
L-Artikoli 4 u 5 huma mħassra. |
(4) |
L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 6 Rapporti 1. Meta bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru jaqbad, iżomm abbord, jittrażborda jew iħott klieb il-baħar, l-Istat Membru tal-bandiera għandu, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (*) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (**), jibgħat kull sena lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Mejju, rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tiegħu ta’ dan ir-Regolament matul is-sena preċedenti. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-monitoraġġ mill-Istat Membru tal-bandiera tal-konformità ma’ dan ir-Regolament tal-bastimenti tiegħu kemm fl-ilmijiet tal-Unjoni kif ukoll fl-ilmijiet mhux tal-Unjoni, u l-miżuri ta’ infurzar li jkun ħa fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. B’mod partikolari, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja:
2. Wara li l-Istati Membri jkunu bagħtu t-tieni rapport annwali tagħhom skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Jannar 2016, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament u l-iżviluppi internazzjonali f’dan il-qasam. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
L. CREIGHTON
(1) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 195.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2013.