25.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 172/13 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 600/2013
tal-24 ta’ Ġunju 2013
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mat-twettiq ta’ analiżijiet iżotopiċi fuq il-prodotti tal-inbid fil-Kroazja għal perjodu tranżitorju
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikulari l-Artikolu 3(4) tiegħu (1),
Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikulari l-Artikolu 41(1) tiegħu (2),
Billi:
(1) |
Fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar l-analiżi iżotopika tal-prodotti tal-inbid li għandha titwettaq hekk kif imsemmi fl-Artikolu 87 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (3). Analiżi iżotopika bħal din hija metodu analitiku użat għall-kontroll tas-settur tal-inbid u biex wieħed jikkumbatti l-frodi f’dan is-settur u teħtieġ għarfien xjentifiku u tagħmir tekniku speċjali ħafna. Il-Kroazja mhijiex mgħammra biex twettaq dan il-metodu ta’ analiżi. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-proċeduri ta’ kontroll, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu jwettaq l-analiżi f’isem il-Kroazja għal perjodu li jippermetti ’l dan il-pajjiż jikseb l-għarfien u t-tagħmir meħtieġa biex iwettaq dan il-kompitu. |
(2) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq. |
(3) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 89 tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 89
Għal perjodu li jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2015, sakemm jiġi stabbilit it-tagħmir analitiku adegwat, il-Kroazja għandha tibgħat il-kampjuni tal-inbid tagħha liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-analiżi.
Il-Kroazja tista’ taħtar korp kompetenti li jkun awtorizzat ikollu aċċess għat-tagħrif dwar il-kampjuni fit-territorju tagħha.”.
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ suġġett għat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2015.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 112, 24.4.2012, p. 10.
(2) ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.
(3) ĠU L 170, 30.6.2008, p. 1.