21.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/32


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 582/2013

tat-18 ta’ Ġunju 2013

li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Miel de sapin des Vosges (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2013. Dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2).

(2)

B’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Miel de Sapin des Vosges”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1065/97 (3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2155/2005 (4).

(3)

L-emenda għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjoni billi tippreċiża d-dispożizzjonijiet marbutin mat-tikkettar tal-prodott, u ttejjeb id-deskrizzjoni fit-taqsima dwar ir-rabta, mingħajr ma din tinbidel.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. L-emenda hija minuri, u għalhekk il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura stabbilita fl-Artikoli 50 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Miel de sapin des Vosges” hija emendata skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Dokument Uniku li jinkludi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)  ĠU L 156, 13.6.1997, p. 5.

(4)  ĠU L 342, 24.12.2005, p. 49.


ANNESS I

B’dan huma approvati l-emendi li ġejjin fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Miel de sapin des Vosges”:

Il-deskrizzjoni tar-rabta maż-żona ġeografika ġiet aġġornata, mingħajr ma nbidlet ir-rabta stess.

Ġew ikkompletati wkoll id-dispożizzjonijiet rigward it-tikkettar.


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1)

MIEL DE SAPIN DES VOSGES

Nru tal-KE: FR-PDO-0317-0204-20.4.2011

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Miel de Sapin des Vosges”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4.

Prodotti oħra li ġejjin mill-annimali (bajd, għasel, prodotti tal-ħalib minbarra l-butir, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f’(1)

Il-“Miel de sapin des Vosges” huwa għasel mill-qtar tas-siġar, miġbur min-naħal mis-siġar taż-żnuber tar-reġjun tal-Vosges. Huwa ta’ lewn kannella skur, b’laqtiet ħodor ċari. Jiżviluppa aromi balsamiċi, u togħma karatteristika ħafna tax-xgħir, mingħajr togħma morra u togħmiet estranji.

Il-kontenut tal-ilma huwa ta’ 18 % jew inqas, u għandu konduttività elettrika ta’ ‘l fuq minn 950 microsiemens kull ċentimetru, u kontenut ta’ idrossimetilfurfural ta’ inqas minn 15 mg/kg.

Jiġi kkumerċjalizzat f’forma likwida.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-għasel għandu jinġabar, jinsilet, jiġi ffiltrat u ddikantat esklussivament fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

Il-“Miel de sapin des Vosges” għandu jiġi fornut lill-konsumatur f’kontenituri tal-ħġieġ, b’marka ta’ identifikazzjoni li tinqered hekk kif jinfetaħ il-kontenitur.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketta għandha tinkludi:

l-indikazzjoni tal-isem tad-denominazzjoni “Miel de sapin des Vosges”

il-logo tad-DPO tal-Unjoni Ewropea.

Dawn id-dettalji għandhom jidhru kollha fl-istess kamp viżiv u fuq l-istess tikketta. Għandhom jidhru f’karattri ċari, leġibbli u li ma jitħassrux, ta’ daqs kbir biżżejjed, bil-kliem “Miel de sapin des Vosges” f’karattri akbar mill-oħrajn ta’ fuq it-tikketta, sabiex jispikka sew fuq l-ispazju li fih huwa stampat, u sabiex jingħaraf biċ-ċar minn kull tagħrif ieħor grafiku jew miktub.

4.   Deskrizzjoni fil-qosar taż-żona ġeografika ddefinita

 

Id-Département ta’ Meurthe-et-Moselle (54)

Il-muniċipalitajiet kollha tal-cantons ta’: Baccarat, Badonviller, Cirey-sur-Vezouze.

 

Id-Département ta’ Moselle (57)

Il-muniċipalitajiet kollha tal-cantons ta’: Fénétrange, Lorquin, Phalsbourg, Réchicourt-le-Château, Sarrebourg.

 

Id-Département ta’ Haute Loire (70)

 

Il-canton ta’ Champagney: Plancher-les-Mines, Plancher-Bas.

 

Il-canton ta’ Faucogney-et-la-Mer: Amont-et-Effreney, Beulotte-Saint-Laurent, Corravillers, Esmoulières, Faucogney-et-la-Mer, La Longine, La Montagne, La Rosière, Saint-Bresson.

 

Il-canton ta’ Melisey: Belfahy, Belonchamps, Ecromagny, Fresse, Haut-du-Them (Château-Lambert), Melisey, Miellin, Saint-Barthélemy, Servance, Ternuay-Melay u Saint-Hilaire.

 

Id-Département ta’ Vosges (88)

Il-muniċipalitajiet kollha tal-cantons ta’: Bains-les-Bains, Brouvelieures, Bruyères, Charmes, Châtel-sur-Moselle, Corcieux, Darnay, Dompaire, Epinal, Fraize, Gérardmer, Lamarche, Le Thillot, Mirecourt, Monthureux-sur-Saône, Plombières-les-Bains, Provenchères-sur-Fave, Rambervillers, Raon-l’Etape, Remiremont, Saint-Dié, Saulxures-sur-Moselotte, Senones, Vittel, Xertigny.

 

Id-Département ta’ Belfort (90)

 

Il-canton ta’ Giromagny: Auxelles-Haut, Giromagny, Lepuix, Riervescemont, Vescemont.

 

Il-canton ta’ Rougement-le-Château: Lamadeleine-Val-des-Anges, Rougemont-le-Château.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija kkaratterizzata mill-preżenza tal-muntanji tal-Vosges. F’din il-katina ta’ muntanji, mimlija foresti, l-aktar speċi ta’ siġra mifruxa hija dik taż-żnuber tal-Vosges. Din hija adattata sew għall-ħamrija - magħmula minn substrat aċiduż, mill-granit u minnġebla ramlija -, kif ukoll għall-klima semikontinentali, karatterizzata mill-umdità u mill-friskezza tagħha, li jiffavorixxu t-tkabbir ta’ din is-siġra. L-orjentazzjoni mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar tal-katina tal-Vosges tkattar l-effett ta’ din il-klima, billi twaqqaf is-sħab li jasal mill-Punent, u dan jirriżulta f’xita abbondanti (bl-effett ta’ Foehn). Il-produzzjoni tal-għasel fir-reġjun ta’ Lorraine tmur lura s-sekli. Diversi dokumenti jixhdu l-ħafna premji li rebaħ dan il-għasel, notevolment f’wirja agrikola tal-1902.

L-apikulturi tal-Vosges ilhom jagħmlu l-almu tagħhom biex juru u jippromwovu dan is-settur speċifiku ta’ produzzjoni.

Dan wassal għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni tal-oriġini “Miel des Vosges-Montagne” f’sentenza tal-Qorti Reġjunali ta’ Nancy fil-25 ta’ April 1952, denominazzjoni li aktar tard saret “Miel de sapin des Vosges”, irreġistrata bħala DPO fit-30 ta’ Lulju 1996.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Fil-ktieb “Le goût du miel”/“Il-gost tal-għasel” (Gonnet & Vache, 1985), l-awturi jiddistingwu l-“Miel de sapin des Vosges” minn tipi oħra ta’ għasel mis-siġar taż-żnuber prodotti fi Franza, bis-saħħa tal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu: lewn aktar skur, b’laqtiet ħodor ċari tipiċi, kristalizzazzjoni bil-mod ħafna jew xejn, aromi balsamiċi, u togħma karatteristika ħafna tax-xgħir.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-“Miel de sapin des Vosges” huwa prodott b’rabta mill-qrib ħafna mat-territorju lokali, billi jifforma parti integrali mill-katina kontinwa taż-żnuber tal-Vosges.Minn din l-ispeċi ta’ żnuber, l-afidi jisiltu l-likwidu li mbagħad jibdluh fi qtar tal-għasel, li jinġabar min-naħal biex jipproduċu għasel karatteristiku ħafna.

Il-produzzjoni ta’ dan l-għasel hija marbuta mill-qrib mas-sitwazzjoni ġeografika tal-foresti taż-żnuber, li huma speċifiċi għar-reġjun ta’ Vosges, fejn l-apikulturi għandhom l-għarfien u l-esperjenza biex inisslu u jippreżervaw il-karattru speċifiku ta’ dan il-prodott.

Ċerti pubblikazzjonijiet (fosthom Le goût du miel ta’ Gonnet & Vache, 1985) urew il-karattru uniku tal-“Miel de sapin des Vosges”, marbut speċifikament mal-kundizzjonijiet tal-art, tal-klima, u tal-ħamrija. Dawn il-karatteristiċi speċifiċi huma marbutin mal-fatt li n-naħal jiġbor il-qtar tal-għasel prodotti mill-afidi li jgħixu fiż-żnuber tal-Vosges (Abies pectinata). Għaldaqstant, il-karatteristiċi speċifiċi tal-għasel jitnisslu mill-fatturi li ġejjin: l-ispeċi ta’ żnuber fejn isir il-foraġġ tan-naħal, u l-karattru tal-“Miel de sapin des Vosges” (għasal mill-qtar tal-għasel).

Element li juri sew din l-interazzjoni qawwija bejn l-ambjent u l-prodott huwa l-eżistenza ta’ ċiklu fil-produzzjoni tal-qtar tal-għasel, li huwa marbut maċ-ċiklu tal-popolazzjonijiet tal-afidi. Dan il-fenomenu sal-lum għadu ma ġiex spjegat sew.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCMielDeSapinDesVosges.pdf


(1)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.