|
21.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 169/22 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 579/2013
tas-17 ta’ Ġunju 2013
li jdaħħal denominazzjoni fir-Reġistru tad-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [Pasas de Málaga (DPO)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 52(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ħassar u sostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni ta’ Spanja għar-reġistru tad-denominazzjoni “Pasas de Málaga” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). |
|
(3) |
Billi ma ġiet innotifikata l-ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, din id-denominazzjoni għandha tiġi rreġistrata. |
|
(4) |
Madankollu, ir-referenzi għall-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV), u l-lista ta’ deskrittiva tal-OIV tagħha għal varjetajiet u speċijiet Vitis, ma kinux magħmula b’mod korrett fid-deskrizzjoni tal-prodott taħt il-punt 3.2 tad-Dokument Uniku. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali, l-awtoritajiet Spanjoli għamlu l-emendi lid-Dokument Uniku skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness I għal dan ir-Regolament hija b’dan rreġistrata.
Artikolu 2
Id-Dokument Uniku aġġornat jidher fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,
Dacian CIOLOȘ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
ANNESS I
Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum uman elenkati fl-Anness I tat-Trattat:
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
SPANJA
Pasas de Málaga (DPO)
ANNESS II
DOKUMENT UNIKU
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel. (1)
“ PASAS DE MÁLAGA ”
Nru tal-KE: ES-PDO-0005-00849-24.1.2011
PGI () PDO (X)
1. Isem
“Pasas de Málaga”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
|
Klassi 1.6 |
Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Pasas de Málaga” tradizzjonali jinkisbu mit-tnixxif fix-xemx tal-frott matur tal-Vitis vinífera L, tal-varjetà Muscat ta’ Lixandra, ukoll magħruf bħala Moscatel Gordo jew Moscatel de Málaga.
|
— |
Kif stipulat fil-Lista Deskrittiva tal-varjetajiet u speċijiet tal-Vitis tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) fir-rigward tat-tul u l-wisa’ tal-għeneb, il-varjetà tal-Muscat ta’ Lixandra għandha frott żgħir ta’ tul (7) u wisa’ (7) kbir li jipproduċu żbib kbar u nixfin. |
|
— |
Kulur: iswed fil-vjola uniformi. |
|
— |
Forma: Ittondjata. |
|
— |
Il-pendukulu jista’ jibqa’ mal-frott jekk il-frotta tiġi maqtugħa bl-idejn. |
|
— |
Konsistenza tal-qoxra: Skont il-kodiċi tal-OIV, il-“ħxuna tal-qoxra” huwa ggradat kif ġej: 1 = irqiqa ħafna, 3 = irqiqa, 5 = medja, 7 = ħoxna u 9 = ħoxna ħafna, il-varjetà tal-Muscat ta’ Lixandra taqa’ taħt il-kategorija 5 (“medja”). Iż-żbib għandhom qoxra ta’ ħxuna medja minħabba li l-għeneb ma jgħaddi minn ebda trattament li jolqot ħażin il-qoxra. |
Il-grad tal-umdità tal-iżbib għandu jkun anqas mill-35 %. Il-kontenut taz-zokkor għandu jkun iżjed mill-50 % p/p.
|
— |
Aċidità, minn 1,2 u 1,7 % espressa bħala aċidu tartariku. |
|
— |
pH bejn 3,5-4,5. |
|
— |
Is-solidi solubbli fl-ilma huma superjuri għal 65 Brix. |
|
— |
Iż-żbib iżommu t-togħma karatteristika tal-għeneb Muscat li jiġu prodotti minnu: Skont il-kodiċi tal-OIV, it-“togħma partikolari” hija ggradata kif ġej: 1 = xejn, 2 = togħma ta’ Muscat, 3 = togħma foxé (tal-Vitis vulpina), 4 = togħma erbaċja, 5 = togħma oħra; il-varjetà tal-Muscat ta’ Lixandra hija kklassifikata bħala 2, minħabba li l-varjetà ta’ Muscat hija referuta speċifikament f’dak il-grad tal-OIV. |
|
— |
It-togħma ta’ Muscat hija msaħħa b’aroma retronażali ddominata mit-terpineoli li ġejjin: a-terpineol (ħwawar aromatiċi), linalol (ward), ġeranjol (ġeranju) u b-ċitronellol (ċitru). |
|
— |
Il-grad tal-aċidità, deskritt hawn fuq, jgħin biex joħloq il-bilanċ partikolari bejn il-ħlewwa u l-qrusa. |
|
— |
Il-piż medju, il-grad tal-umdità u l-valur Brix jagħtu liż-żbib kwalità elastika u flessibbli, u meta kkonsmati, il-laħma tagħhom tinħass mlaħħma u mmerqa, sensazzjonijiet li huma differenti mis-sensazzjonijiet li ta’ spiss issib fil-frott niexef, li s-soltu tkun niexfa u mhux elastika. |
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-frott matur tal-Vitis vinífera L, tal-varjetà Muscat ta’ Lixandra, magħruf wkoll bħala Moscatel Gordo jew Moscatel de Málaga.
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
Mhux applikabbli.
3.5. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika definita
Il-produzzjoni u l-ippakkjar iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.
Il-produzzjoni tibda bil-ħsad tal-għeneb matur u b’saħħtu, li qatt ma jseħħ qabel l-istadju fenoloġiku tal-maturazzjoni (Baggiolini, 1952), filwaqt li jiġi evitat il-frott li mhuwiex intatt, qed jitħassar minħabba xi marda jew waqa’ fl-art qabel il-ħsad.
Il-pass li jmiss huwa t-tnixxif tal-għeneb bl-espożizzjoni diretta tal-għenieqed għax-xemx, hekk kif dawn ma għandhomx jiġu mnixxfa b’mod artifiċjali. It-tnixxif isir manwalment, b’segwiment ta’ kuljum, fejn il-bidwi jrid idawwar l-għenieqed għat-tnixxif, sabiex iż-żewġ naħat tal-għanqud jinxfu b’mod indaqs.
Ladarba l-għenieqed ikunu nixfu, l-għeneb jiġi maqtugħ bi proċess li jissejjaħ picado, li jsir manwalment bl-użu ta’ mqass li għandu daqs u forma speċjalment addattati għal dan it-tip ta’ xogħol, sabiex il-kwalità tal-frott maqtugħ mill-għenieqed ma tiddetterjorax, jew bil-magni tal-fabbriki.
Ladarba ż-żbib ikunu lesti, kemm fl-għenieqed u kemm maqtugħin, il-proċess ta’ produzzjoni jkompli fil-fabbriki tal-iżbib, u qabel ma’ ż-żbib ippakkjati jitpoġġew fis-suq, għandhom jitwettqu l-kompiti li ġejjin:
|
— |
Wasla u ġbir tal-iżbib ipprovduti mill-bdiewa kkonċernati. |
|
— |
Iż-żbib jitneħħew mill-għanqud, sakemm dan ma jkunx diġà sar mill-bidwi. |
|
— |
Dawn jiġu kklassifikati skont id-daqs medju tal-frotta, imkejjel bħala l-għadd ta’ żbib għal kull 100 gramma. |
|
— |
It-tħejjija għall-ippakkjar: jiġifieri s-separazzjoni f’unitajiet ta’ frott li diġà ġie kklassifikat u maħżun. Irid ikun hemm dejjem inqas minn 80 frotta għal kull 100 gramma netta. |
|
— |
Ippakkjar: Dan huwa l-aħħar stadju tal-produzzjoni, u jista’ jsir manwalment jew bil-magni. Għandu rwol importanti fil-protezzjoni tal-karatteristiċi tal-kwalità tal-prodott matul iż-żmien. Iseħħ biss billi l-prodott jiġi separat mill-ambjent għal ġo pakkett nadif u magħluq sewwa sabiex iżomm il-bilanċ delikat tiegħu tal-umdità, bilanċ li huwa tant importanti għall-karatteristiċi tiegħu. |
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
Mhux applikabbli.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
L-ippakkjar għandu juri l-informazzjoni li ġejja:
|
— |
Id-denominazzjoni li taħtu jinbiegħ il-prodott: id-denominazzjoni “Pasas de Málaga” għandu jintwera b’mod prominenti, bil-kliem “Denominación de Origen” immedjatament taħtu. |
|
— |
Il-kwantità netta, f’kilogrammi (kg) jew grammi (g). |
|
— |
Data ta’ durabilità minima. |
|
— |
L-isem, l-isem kummerċjali jew id-denominazzjoni tal-produttur jew dak li jippakkja u, fil-każijiet kollha, l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tagħhom. |
|
— |
Il-lott. |
Id-denominazzjoni li taħtha jinbiegħ il-prodott, il-kwantità netta u d-data ta’ skadenza għandhom jidhru fl-istess kamp viżiv.
Fil-każijiet kollha, l-indikazzjonijiet obbligatorji għandhom jinftiehmu faċilment, ikunu murija b’mod prominenti, ikunu faċilment viżibbli, jinqraw b’mod ċar u b’mod li ma jistgħux jitħassru. Bl-ebda mod ma għandhom ikunu moħbija, oskurati jew interrotti b’xi element miktub jew grafiku.
L-ippakkjar kollu għandu jinkludi tikketta li turi l-logo tad-DPO u l-kliem “Denominación de Origen Protegida” u “Pasas de Málaga”, kif ukoll kodiċi uniku għal kull unità.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
POST
PAJJIŻ: SPANJA
KOMUNITÀ AWTONOMA: ANDALUCÍA
PROVINĊJA: MÁLAGA
Hemm żoni ta’ dwieli mifruxin mal-Provinċja kollha ta’ Malaga, kemm fit-tramuntana kif ukoll fin-nofsinhar, fil-lvant u fil-punent. Fi tnejn minn dawn iż-żoni, tradizzjonalment, il-biċċa l-kbira tal-għeneb ġew imkabbra għall-produzzjoni tal-iżbib. Iż-żona prinċipali hija l-comarca (distrett) ta’ Axarquía fil-lvant tal-provinċja, fil-lvant tal-belt kapitali. Iż-żona l-oħra tinsab fuq in-naħa estrema tal-punent tal-kosta ta’ Malaga. Iż-żona ġeografika ddefinita tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin:
MINUĊIPALITAJIET:
|
AXARQUÍA |
|||
|
Alcaucín |
Alfarnate |
Alfarnatejo |
Algarrobo |
|
Almáchar |
Árchez |
Arenas |
Benamargosa |
|
Benamocarra |
El Borge |
Canillas de Acietuno |
Canillas de Albaida |
|
Colmenar |
Comares |
Cómpeta |
Cútar |
|
Frigiliana |
Iznate |
Macharaviaya |
Málaga |
|
Moclinejo |
Nerja |
Periana |
Rincón de la Victoria |
|
Riogordo |
Salares |
Sayalonga |
Sedella |
|
Torrox |
Totalán |
Vélez Málaga |
Viñuela |
|
ZONA MANILVA |
|||
|
Casares |
Manilva |
Estepona |
|
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Ir-referenzi għar-rabta bejn it-tkabbir tad-dwieli u ż-żona ġeografika ddefinita huma antiki ferm u għadhom jeżistu sal-ġurnata tal-lum: Plinio El Viejo (l-ewwel seklu wara Kristu) semma l-fatt li kien hemm dwieli f’Malaga fix-xogħol tiegħu “Historia Natural” (“L-Istorja Naturali”); waqt l-era tad-dinastija Nasrid (sekli XIII-XV), kienet imħeġġa il-produzzjoni agrikola, partikolarment dik tat-tkabbir tal-għeneb għall-produzzjoni tal-iżbib. It-tkabbir tad-dwieli ffjorixxa sa tmiem is-seklu XIX, meta kombinazzjoni sfortunata ta’ fatturi kummerċjali u problemi marbuta mas-saħħa tal-pjanti, partikolarment il-fillossera (Viteus vitifoliae, Fitch) wasslu għall-kollass tas-settur, u b’riżultat ta’ dan, id-dwieli attwali huma mifruxin mal-provinċja kollha. Fi tnejn minn dawn iż-żoni, tradizzjonalment, il-biċċa l-kbira tal-għeneb ġew imkabbra għall-produzzjoni tal-iżbib. Dawn iż-żewġ żoni ta’ produzzjoni jinstabu fin-nofsinhar tal-provinċja u jmissu mal-baħar Mediterran, u għalhekk għandhom klima subtropikali Mediterranja; min-naħa l-oħra, l-orografija wieqfa hija karatteristika ġenerali tal-Provinċja ta’ Málaga. Anke jekk l-għeneb imkabbar għall-produzzjoni tal-iżbib ma għadhomx jieħdu daqshekk post daqs kemm kienu jieħdu fiż-żmien qabel il-fillossera, dawn għadhom fattur importanti fl-ekonomija u l-ambjent soċjokulturali f’sezzjoni kbira tal-provinċja ta’ Málaga, billi jitkabbru f’aktar minn 35 muniċipalità minn iżjed minn 1 800 bidwi, fuq superfiċje totali ta’ 2 200 ha.
L-ambjent ġeografiku jiddetermina l-kwalitajiet tal-prodott finali magħruf bħala “Pasas de Málaga”, bl-orografija wieqfa li hija waħda mill-karatteristiċi tagħha, u bil-pajsaġġ kompost minn sensiela ta’ għoljiet u qigħan tan-nixxigħat b’pendili ta’ aktar minn 30 %. It-territorju, bil-firxa għolja u muntanjuża fit-tramuntana u l-baħar Mediterran fin-nofsinhar, huwa sensiela ta’ widien fondi u qigħan tan-nixxigħat li jiffurmaw pajsaġġ partikolari ħafna b’għoljiet weqfin, u b’hekk l-Axarquía hija bħal ġenb ta’ għolja li tinżel sal-baħar. Fiż-żona ta’ Manilva, fejn id-dwieli jinsabu qrib il-baħar, ir-riżalt huwa iktar moderat minn dak f’Axarquia.
Il-ħamrija hija essenzjalment taflija, ta’ kwalità baxxa, mhux profonda, u b’kapaċità baxxa li żżomm l-ilma. Il-klima hija Mediterranja subtropika, b’temperaturi moderati fix-xitwa, sjuf niexfin, ftit xita u sigħat twal ta’ dawl tax-xemx (medja ta’ 2,974 siegħa tul l-aħħar għaxar snin).
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Id-daqs tal-“Pasas de Málaga” huwa wieħed mill-karatteristiċi l-aktar apprezzati u li tiddistingwihom; jitqies daqs kbir, u b’hekk ċarament superjur għal ta’ prodotti oħra tal-istess tip, bħas-sultana, il-passolini u t-Thompson Seedless ta’ California.
Iż-żbib iżommu t-togħma tipika tal-għeneb Muscat li minnu jiġu prodotti, u din il-varjetà ta’ Muscat hija r-referenza OIV għal wieħed mill-gradi ta’ “togħma partikolari”.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika tal-prodott ġejja direttament mill-kundizzjonijiet li fihom jiġu prodotti iż-żbib. L-orografija tiffaċilita l-esponiment naturali tal-għenieqed għax-xemx għat-tnixxif: dan il-metodu ta’ tnixxif iħares il-kwalità tal-qoxra u jagħti izjed qawwa lit-togħma tal-Muscat billi jikkonċentra l-aromi. It-temp sħun u niexef fil-perjodu ta’ ħsad huwa tajjeb għall-maturazzjoni u l-akkumulu tal-materja niexfa u taz-zokkor fl-għeneb, li huma importanti biex it-tnixxif isir tajjeb, u li mbagħad jippermettu li l-laħma żżomm il-meraq u l-elastiċità tipiċi tagħha. Is-sigħat tax-xemx ifissru li l-għenieqed jistgħu jiġu esposti fix-xemx għal perjodi qosra, sabiex iż-żbib iżommu l-aċidità tal-għeneb.
Huwa minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli ta’ tkabbir li, biż-żmien, il-Muscat ta’ Lixandra saret il-varjetà ewlenija kkultivata, peress li hija dik adatta l-aktar għal dan l-ambjent partikolari. Il-varjetà għandha l-potenzjal ġenetiku li toħloq distinzjoni bejn il-karatteristiċi bħad-daqs tal-frotta, il-kwalità tal-qoxra, il-karatteristiċi tal-laħma, l-aromi tal-Muscat u proporzjon għoli ta’ solidi solubbli (fibra) li jinsabu l-aktar fiż-żrieragħ.
Minħabba l-art diffiċli, il-produzzjoni tal-iżbib saret attività artiġjanali, fejn kompiti bħall-ħsad, it-tqegħid ta’ għenieqed ta’ għeneb barra għat-tnixxif fix-xemx, u t-tidwir tagħhom hekk kif jinxfu, kif ukoll l-għażla tal-frott, isiru kollha manwalment u tingħata attenzjoni kbira lill-kwalità. Il-kompitu li jitneħħa l-għeneb mill-għanqud (picado) ukoll isir manwalment, u huwa għalhekk li l-“Pasas de Málaga” ta’ spiss ikollhom il-pendunkulu mwaħħal.
It-tnixxif huwa mod antik u naturali ta’ kif jibqa’ ppreservat l-ikel, billi d-deterjorament jiġi evitat bit-tneħħija tal-ilma żejjed. Huwa biss permezz tal-esperjenza u l-għarfien miksuba tul is-snin li huwa possibbli li jintlaħaq il-bilanċ delikat tal-umdità, li jagħti lill-prodott uħud mill-karatteristiċi organolettiċi l-aktar magħrufa tiegħu, kif deskritt f’din l-ispeċifikazzjoni.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (2))
http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/PliegoPasas.pdf
(1) Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.
(2) Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.