11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 532/2013

tal-10 ta’ Ġunju 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva diossidu tal-karbonju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE (1), u 91/414/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva diossidu tal-karbonju kienet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4). Wara s-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE permezz tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza qed titqies bħala approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (5).

(2)

Skont l-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, ippreżentat lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni għad-diossidu tal-karbonju (6) fit-18 ta’ Diċembru 2012. L-Awtorità kkomunikat l-opinjoni tagħha dwar id-diossidu tal-karbonju lin-notifikatur. Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-reviżjoni dwar id-diossidu tal-karbonju. L-abbozz dwar ir-rapport ta’ reviżjoni flimkien mal-opinjoni tal-Awtorità ġew reveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u fis-17 ta’ Mejju 2013 ġie ffinalizzat l-abbozz dwar ir-rapport ta’ reviżjoni fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għad-diossidu tal-karbonju.

(3)

Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva diossidu tal-karbonju għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u kif ukoll fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tad-diossidu tal-karbonju fir-rigward tal-kwantitajiet massimi għall-impuritajiet rilevanti li ġejjin: fosfan, benżen, monossidu tal-karbonju, metanol, ċjanur tal-idroġenu.

(5)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Għandu jitħalla perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex l-Istati Membri, in-notifikatur u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom id-diossidu tal-karbonju jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-emenda tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)  ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89.

(4)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(5)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(6)  European Food Safety Authority; Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance carbon dioxide. Il-Ġurnal tal-EFSA 2013; 11(1):3053. [46 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2013.3053. Jinstab fuq l-Internet: www.efsa.europa.eu/efsajournal.


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 225 dwar is-sustanza attiva diossidu tal-karbonju għandha tinbidel b’dan li ġej:

Numru

Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“225

diossidu tal-karbonju

Nru CAS 124-38-9

Nru CIPAC: 844

diossidu tal-karbonju

≥ 99,9 %

Impuritajiet rilevanti:

 

fosfan massimu ta’ 0,3 ppm v/v

 

benżen massimu ta’ 0,02 ppm v/v

 

monossidu tal-karbonju massimu ta’ 10 ppm v/v

 

metanol massimu ta’ 10 ppm v/v

 

ċjanur tal-idroġenu massimu ta’ 0,5 ppm v/v

fl-1 ta’ Settembru 2009.

fil-31 ta’ Awwissu 2019.

PARTI A

L-użi bħala fumigant biss jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-diossidu tal-karbonju (SANCO/2987/2008) u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-17 ta’ Mejju 2013.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.”