1.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 504/2013

tal-31 ta’ Mejju 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1225/2011 fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni għall-finijiet ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1225/2011 tat-28 ta’ Novembru 2011 għall-finijiet tal-Artikoli 42 sa 52, 57 u 58 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dħul mingħar dazji doganali ta’ ċerti spare parts, komponenti, aċċessorji, għodod u tagħmir li jaqbżu ċertu valur jew prezz. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni lill-Istati Membri. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni imsemmi, din l-informazzjoni għandha tiġi eżaminata perjodikament mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

(2)

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1225/2011, ċerta informazzjoni stipulata fl-applikazzjonijiet għad-dħul mingħajr dazju doganali ta’ oġġetti importati minn jew f’isem stabbilimenti jew organizzazzjonijiet xjentifiċi stabbiliti fl-Unjoni, għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri li lilhom tiġi mibgħuta l-applikazzjoni.

(3)

Dawk l-obbligi li ilhom jeżistu mill-1983, ma għadhomx neċessarji għall-ġestjoni tajba tal-importazzjonijiet li huma eżenti mid-dazji doganali. Barra minn hekk dawn jimplikaw piż amministrattiv mhux neċessarju, kemm għall-Istati Membri u kemm għall-Kummissjoni. Għaldaqstant, fl-interess ta’ simplifikazzjoni u razzjonalità regolatorja, id-dispożizzjonijiet korrispondenti għandhom jitħassru jew jiġu ssimplifikati.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1225/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1225/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Kapitolu VII jitħassar.

(2)

L-Artikolu 20 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 20

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment jew organizzazzjoni li lilha jiġu kunsinnati l-oġġetti, għandha tieħu deċiżjoni diretta dwar l-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 19 fil-każijiet kollha.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

(2)   ĠU L 314, 29.11.2011, p. 20.