9.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 127/23 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 428/2013
tat-8 ta’ Mejju 2013
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1033/2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fl-Artikolu 3(1) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 929/2010
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament ta’ interoperabilità) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 tal-4 ta’ Lulju 2006 jistipula r-rekwiżiti dwar il-proċeduri ta’ pjanijiet għal titjiriet fil-fażi ta’ qabel it-titjira għall-ajru uniku Ewropew (2) jirreferi għal diversi dispożizzjonijiet li japplikaw għall-preżentazzjoni, l-aċċettazzjoni u t-tqassim tal-pjanijiet tat-titjira, kif ukoll għal bidliet lil punti ewlenin fi pjan tat-titjira fil-fażi ta’qabel it-titjira, li huma stipulati mill-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn issa ’l quddiem ICAO). Minn żmien l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1033/2006 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 929/2010 tat-18 ta’ Ottubru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1033/2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fl-Artikolu 3(1) (3) dawk id-dispożizzjonijiet ġew emendati mill-ICAO. |
(2) |
Ir-referenzi fir-Regolament (KE) Nru 1033/2006 għandhom jiġu aġġornati sabiex jilħqu l-obbligi ġuridiċi internazzjonali tal-Istati Membri u jiżguraw koerenza mal-qafas regolatorju internazzjonali. |
(3) |
Dispożizzjonijiet finali tal-ICAO dwar il-pjantat-titjira tal-2012 ġew approvati u kellhom jiġu applikati mill-15 ta’ Novembru 2012. Bħal riżultat, ir-Regolament għandu japplika mill-15 ta’ Novembru 2012. Billi l-pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ICAO imsemmija okkorrew biss fit-30 ta' Diċembru 2012, ma setgħux jiġu rreferenzjati fil-ħin qabel il-15 ta’ Novembru 2012. Ir-regolament għandu għalhekk japplika retroattivament. |
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1033/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. |
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
It-test tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1033/2006 qed jinbidel b’dan li ġej:
“Id-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fl-Artikolu 3(1)
1. |
Kapitolu 3, Taqsima 3.3 (Pjanijiet tat-titjira) tal-ICAO Anness 2 — Regoli tal-Ajru (l-10 edizzjoni ta’ Lulju 2005 li tinkludi l-emendi kollha li saru sa Nru 42). |
2. |
Kapitolu 4, Taqsima 4.4 (Pjanijiet tat-titjira) u Kapitolu 11, Paragrafu 11.4.2.2 (Messaġġi dwar movimenti) tal-ICAO PANS-ATM Dok. 4444 (il-15-il edizzjoni tal-2007 li tinkludi l-emendi kollha li saru sa Nru 4). |
3. |
Kapitolu 2 (Pjanijiet tat-titjira) u Kapitolu 6, Paragrafu 6.12.3 (Estimi tal-konfini) tal-Proċeduri Supplementari Reġjonali, Dok. 7030, Proċeduri Supplementari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-5 edizzjoni tal-2008 li tinkludi l-emendi kollha sa Nru 7).” |
Artikolu 2
Ir-Regolament (UE) Nru 929/2010 huwa mħassar.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-15 ta’ Novembru 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.
(2) ĠU L 186, 7.7.2006, p. 46.
(3) ĠU L 273, 19.10.2010, p. 4.