1.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 398/2013

tat-30 ta’ April 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2006 li jistipula l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, rigward iż-żamma tal-kotba tal-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura tal-ispejjeż fil-qafas tal-EAGF u tal-EAFRD

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u partikolarment l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (2) jistabbilixxi ċerti rekwiżiti u regoli speċifiċi fost l-oħrajn dwar iż-żamma tal-kontijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-infiq u l-introjtu mill-aġenziji tal-ħlas, u r-rimborż tan-nefqa mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(2)

L-Artikolu 26(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jistipula li l-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet intermedji fi żmien 45 jum mir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-infiq fejn għandhom jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet stabbiliti fil-paragrafu (3) ta’ dak l-Artikolu.

(3)

Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2006, il-Kummissjoni tista’ tinterrompi l-limitu taż-żmien għall-ħlas stabbilit fl-Artikolu 26(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għal parti jew l-ammont kollu li qed jintalab, sakemm issir is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tal-infiq għall-perjodu ta’ wara, fejn il-Kummissjoni tkun talbet aktar informazzjoni mill-Istat Membru, li jirrelata partikolarment ma’ nuqqas ta’ qbil, differenzi tal-interpretazzjoni jew inkonsistenzi dwar id-dikjarazzjoni tan-nefqa.

(4)

Sabiex ikun żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintużaw skont ir-regoli applikabbli, huwa stipulat fl-Artikolu 59(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3) li l-Kummissjoni għandha tinterrompi skadenzi għal ħlasijiet jew tissospendi l-pagamenti b’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur.

(5)

Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, il-Kummissjoni għandha tivverifika li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ikunu jeżistu u qed jiffunzjonaw kif suppost fl-Istati Membri u għandha tnaqqas jew tissospendi l-ħlasijiet intermedji, partikolarment fejn dawk is-sistemi jfallu. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 27 u 27(a) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-ħlasijiet intermedji fejn l-Istat Membru jonqos milli jipprovdilha informazzjoni addizzjonali sodisfaċenti meta mitlub.

(6)

Sabiex ikunu mħarsal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, huwa xieraq li jiġu estiżi n-numru ta’ każijiet previsti fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2006, fejn l-iskadenza għal pagamenti intermedji tista’ tiġi interrotta, sabiex tkopri wkoll sitwazzjonijiet fejn it-tagħrif ipprovdut lill-Kummissjoni jissuġġerixxi l-preżenza ta’ irregolaritajiet marbuta mat-talba għall-ħlas jew nuqqasijiet fil-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fl-Istat Membru.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli ma tax l-opinjoni tiegħu fil-limitu ta’ żmien allokat mill-president tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2006 għandu jinbidel bit-test li ġej:

“4.   F’każijiet fejn huma meħtieġa kontrolli ulterjuri minħabba nuqqas ta’ qbil, differenza fl-interpretazzjoni jew inkonsistenza dwar dikjarazzjoni tan-nefqa għal perjodu ta’ referenza, li jirriżultaw partikolarment minn nuqqas li tiġi mibgħuta l-informazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, jew minħabba provi li l-infiq inkluż fid-dikjarazzjoni tal-infiq huwa affetwat minn irregolarità li għandha konsegwenzi finanzjarji serji, jew li hemm in-nuqqasijiet fil-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-iżvilupp rurali, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fuq talba mill-Kummissjoni, jipprovdi informazzjoni addizzjonali fi żmien il-perjodu stabbilit f’dik it-talba skont is-serjetà tal-problema. Din l-informazzjoni addizzjonali għandha tiġi pprovduta permezz ta’ sistema sigura għall-iskambju tal-informazzjoni msemmija fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament.

Il-limitu taż-żmien tal-ħlas stipulat fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jista’ jiġi interrott għall-ammont kollu li jkun is-suġġett tat-talba tal-ħlas, jew għal parti minnu, u jibda jgħodd mid-data tal-komunikazzjoni tat-talba għall-informazzjoni sakemm tasal l-informazzjoni mitluba, iżda mhux iktar tard mid-data li fiha tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-perjodu ta’ wara.

Il-Kummissjoni tista’ tissospendi jew tnaqqas il-pagamenti skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 meta l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jwieġeb għat-talba għall-informazzjoni addizzjonali fil-perjodu stipulat ġo dik it-talba, jew jekk it-tweġiba tkun meqjusa bħala insodisfaċenti jew turi li r-regoli applikabbli ma nżammux, jew jekk il-fondi tal-Unjoni ma ġewx użati b’mod ġust.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)   ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1.

(3)   ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.