13.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 335/2013

tat-12 ta’ April 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

(2)

Fit-12 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (3). Dik il-proposta introduċiet strateġija ġdida għall-iżvilupp rurali msejsa fuq l-għażliet politiċi msemmija fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-PAK lejn l-2020: Nissodisfaw l-isfidi futuri territorjali, alimentari u tar-riżorsi naturali” (4) u d-diskussjoni estensiva li segwietha. Meta tiġi adottata, din il-proposta se ġġib bidliet sostanzjali għall-politika tal-iżvilupp rurali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut ta’ għadd ta’ miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u inklużi fil-programmi ta’ żvilupp rurali tal-Istati Membri.

(3)

Huwa importanti li jiġi żgurat li r-riżorsi tal-FAEŻR għall-perjodu tal-ipprogrammar ta’ wara l-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 jiġu ddedikati, kemm jista’ jkun, għall-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija l-ġdida għall-iżvilupp rurali. Huwa inevitabbli li jkun hemm perjodu ta’ applikazzjoni komuni tal-programmi tal-iżvilupp rurali u d-dispożizzjonijiet legali korrispondenti tal-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 u dawk tal-perjodu tal-ipprogrammar sussegwenti. Minħabba f’hekk, għandu jkun hemm dispożizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stabbiliti skont il-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 jiġu applikati skont tali kundizzjonijiet li ma jieħdux parti sproporzjonata mir-riżorsi finanzjarji tal-perjodu tal-ipprogrammar sussegwenti.

(4)

Għandu għalhekk jiġi previst li l-Istati Membri ma għandhomx jimpenjaw irwieħhom b’impenji legali ġodda mal-benefiċjarji għal miżuri multiannwali li jafu jestendu sew fil-perjodu tal-ipprogrammar sussegwenti u li, b’riżultat tal-istrateġija l-ġdida tal-iżvilupp rurali, aktarx li ma jitkomplewx jew jiġu modifikati b’mod sinifikanti.

(5)

L-Artikolu 27(12) u l-Artikolu 32a tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 jillimitaw l-estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-impenji agroambjentali, tal-benesseri tal-annimali jew tal-ambjent tal-foresti sa tmiem il-perjodu tal-primjum li tirreferi għalih il-pretensjoni tal-ħlas tal-2013. Biex jiġi żgurat li kwalunkwe dewmien fil-proċess tas-sottomissjoni u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ żvilupp rurali l-ġodda ma jolqotx ħażin fuq il-kontinwità tal-implimentazzjoni tal-politika, il-possibbiltà li jiġu estiżi dawk l-impenji għandha tittawwal sa tmiem il-perjodu tal-primjum li tirreferi għalih il-pretensjoni tal-ħlas tal-2014.

(6)

Hekk kif qed joqrob tmiem il-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013, il-piż proċedurali għall-Istati Membri li jagħmlu bidliet fil-programmi tal-iżvilupp rurali għandu jitnaqqas, filwaqt li jinżamm livell xieraq ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandu jkollhom possibbiltajiet imsaħħa li jittrasferixxu, b’mod f’waqtu, u bi proċeduri ta’ notifikazzjoni, ammonti minn ċerti miżuri li fil-każ tagħhom mhu se jkun hemm l-ebda ħtieġa ta’ dawk l-ammonti għal miżuri oħrajn. Il-limitu tal-flessibbiltà għat-trasferimenti fost l-assi għandu għalhekk jitkabbar.

(7)

Huwa importanti li tiġi żgurata l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp rurali u li jkun hemm bidla bla intoppi minn perjodu tal-ipprogrammar għal dak ta’ warajh. Għaldaqstant, għandu jiġi speċifikat li n-nefqa marbuta mal-evalwazzjonijiet ex ante tal-programmi l-ġodda u l-kostijiet preparatorji għat-tiswir ta’ strateġiji tal-iżvilupp lokali għall-perjodu tal-ipprogrammar ta’ wara l-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 tkun parti mill-attivitajiet preparatorji li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ assistenza teknika. Barra minn hekk, għandu jkunu possibbli li jiġu ffinanzjati attivitajiet preparatorji jekk dawn ikunu konnessi mal-attivitajiet tal-programmi ta’ żvilupp rurali attwali u huma neċessarji biex jiżguraw il-kontinwità u l-bidla bla intoppi minn perjodu tal-ipprogrammar għal dak ta’ warajh

(8)

Meta l-Istati Membri jkunu użaw diġà r-riżorsi tagħhom tal-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 għal xi programm u/jew miżura partikolari, dawn ma għandhomx jidħlu għal impenji legali ġodda mal-benefiċjarji ta’ dak il-programm u/jew miżura. Barra minn hekk, għandhom jiġu pprovduti dati tat-tmiem ċari għat-teħid ta’ impenji legali mal-benefiċjarji skont il-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 u l-perjodu tal-ipprogrammar ta’ warajh.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-paragrafi (2) u (4) tal-Artikolu 9, “1 %” tinbidel għal “3 %”.

(2)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 5 li ġej jiġi miżjud:

“5.   L-ebda impenji legali ġodda mal-benefiċjarji ma għandhom isiru skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 wara l-31 ta’ Diċembru 2013.”

(3)

Fl-Artikolu 21, il-paragrafu 3 li ġej jiġi miżjud:

“3.   L-ebda impenji legali ġodda mal-benefiċjarji ma għandhom isiru skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 wara l-31 ta’ Diċembru 2013.”

(4)

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(12), “2013” tinbidel għal “2014”.

(5)

Fl-Artikolu 31, il-paragrafu 5 li ġej jiġi miżjud:

“5.   L-ebda impenji legali ġodda mal-benefiċjarji ma għandhom isiru skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, inkluż fejn dawk il-miżuri huma implimentati minn gruppi ta’ azzjoni lokali skont l-Artikolu 63(a) ta’ dak ir-Regolament, wara l-31 ta’ Diċembru 2013.”

(6)

Fl-Artikolu 32, it-tieni paragrafu li ġej jiġi miżjud:

“L-ebda impenji legali ġodda mal-benefiċjarji ma għandhom isiru skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, inkluż fejn dawk il-miżuri huma implimentati minn gruppi ta’ azzjoni lokali skont l-Artikolu 63(a) ta’ dak ir-Regolament, wara l-31 ta’ Diċembru 2013.”

(7)

Fl-Artikolu 32a, “2013” tinbidel għal “2014”.

(8)

Jiddaħħal l-Artikolu 41a li ġej:

“Artikolu 41a

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-attivitajiet preparatorji tal-assistenza għall-programm għandhom jinkludu dan li ġej għall-perjodu tal-ipprogrammar ta’ wara l-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013:

(a)

in-nefqa konnessa mal-evalwazzjonijiet ex ante tal-programmi;

(b)

il-kostijiet preparatorji għat-tiswir tal-istrateġiji tal-iżvilupp lokali;

(c)

in-nefqa konnessa ma’ attivitajiet preparatorji oħra, sakemm dawn ikunu:

(i)

marbuta direttament mal-attivitajiet tal-programmi tal-iżvilupp rurali attwali, u

(ii)

neċessarji biex tiġi żgurata l-kontinwità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp rurali u li jkun hemm bidla bla intoppi minn perjodu tal-ipprogrammar għal dak ta’ warajh.

2.   L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għall-inklużjoni ta’ dispożizzjoni relevanti fil-programmi ta’ żvilupp rurali.”

(9)

L-Artikolu 41b li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu III, Taqsima 2:

“Artikolu 41b

1.   Fejn l-ammont allokat għall-programm u/jew miżura jiġi eżawrit fi żmien qabel id-data finali tal-eliġibbiltà stabbilita fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri ma għandhomx jimpenjaw irwieħhom b’impenji legali ġodda mal-benefiċjarji.legali

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jidħlu għal impenji legali ġodda mal-benefiċjarji skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 sa minn dakinhar li jibdew l-impenji legali mal-benefiċjarji skont il-qafas legali għall-perjodu tal-ipprogrammar 2014-2020.

L-Istati Memri jistgħu japplikaw l-ewwel subparagrafu jew fil-livell tal-programm jew f’dak tal-miżura.

3.   Fil-każ ta’ LEADER, l-Istati Membri jisgħu japplikaw il-paragrafu 2 fil-livell tal-grupp ta’ azzjoni lokali, imsemmi fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

4.   Il-Paragrafu 2 ma għandux japplika għall-appoġġ preparatorju u assistenza teknika għal LEADER.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 368, 23.12.2006, p. 15.

(3)  COM(2011) 627 finali/3, 12.10.2011.

(4)  COM(2010) 672 finali, 18.11.2010.