28.3.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 90/71 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 300/2013
tas-27 ta’ Marzu 2013
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 605/2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum mill-bniedem
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi ta’ introduzzjoni tal-Artikolu 8, l-ewwel sottoparagrafu tal-punt (1) u l-punt (4) tal-Artikolu 8, u l-Artikolu 9(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (3) jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib u l-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ dawn il-kunsinni. |
(2) |
L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li huma awtorizzati li jdaħħlu fl-Unjoni kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat jew prodotti tal-ħalib u li tindika t-tip ta’ trattament ta’ tisħin obbligat għal dawn il-prodotti. L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 jistipula li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-ħalib imnissla mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-ngħaġ, tal-mogħoż u tal-bufli minn pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li ma għandhomx riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, li huma elenkati fil-kolonna C tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, sakemm dawn il-prodotti tal-ħalib ikunu għaddew minn trattament ta’ tisħin, jew ikunu ġew prodotti minn ħalib mhux ipproċessat li għadda minn trattament bħal dan, kif imsemmi f’dan l-Artikolu. |
(3) |
Ir-riskju li jista’ jkun hemm minn importazzjonijiet ġol-Unjoni ta’ prodotti tal-ħalib meħudin mill-ħalib mhux ipproċessat tal-iġmla tal-ispeċi Camelus dromedarius (iġmla dromedarji) minn pajjiżi terzi jew minn partijiet tagħhom li huma fir-riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer elenkati fil-kolonna C tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 mhuwiex ikbar minn dak ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħalib imnisslin minn ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-ngħaġ, tal-mogħoż jew tal-bufli, sakemm dawn il-prodotti tal-ħalib ikunu għaddew minn trattamenti bis-sħana msemmijin fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, jew ġew prodotti minn ħalib mhux ipproċessat li għaddew minn trattamenti bħal dawn. Għaldaqstant, dan l-Artikolu għandu jiġi emendat biex jinkludi l-prodotti tal-ħalib imnisslin mill-ħalib mhux ipproċessat ta’ din l-ispeċi. |
(4) |
Barra minn hekk, l-Emirat ta’ Dubaj tal-Emirati Għarab Magħquda, li huwa pajjiż terz mhux elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali bħala ħieles mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer, esprima l-interess li jesporta lejn l-Unjoni prodotti tal-ħalib imnisslin mill-ħalib mhux ipproċessat tal-iġmla dromedarji wara trattament fiżiku jew kimiku b’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 u ressaq l-informazzjoni b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (4). |
(5) |
Is-servizz ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni għamel verifika li tat riżultati sodisfaċenti tal-kontrolli tal-annimali u tas-saħħa pubblika fuq il-produzzjoni ta’ ħalib tal-iġmla dromedarji fl-Emirat ta’ Dubaj. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tas-servizz ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni ġew indirizzati b’mod xieraq mill-Emirat ta’ Dubaj. |
(6) |
Fuq din l-informazzjoni wieħed jista’ jikkonkludi li l-Emirat ta’ Dubaj jista’ jipprovdi l-garanziji meħtieġa li jiżguraw li l-prodotti tal-ħalib li jsiru fl-Emirat ta’ Dubaj minn ħalib mhux ipproċessat tal-iġmla dromedarji huma konformi mar-rekwiżiti applikabbli tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-ħalib minn pajjiżi terzi jew minn partijiet minnhom li qegħdin fir-riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer elenkati fil-kolonna C tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010. |
(7) |
Biex jiġu awtorizzati importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-ħalib magħmulin mill-ħalib tal-iġmla dromedarji minn ċerti partijiet tat-territorju tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Emirat ta’ Dubaj għandu jinżied mal-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom imsemmijin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, b’indikazzjoni li l-awtorizzazzjoni stipulata fil-Kolonna C ta’ dik il-lista tapplika biss għal prodotti tal-ħalib imnisslin mill-ħalib ta’ dik l-ispeċi. |
(8) |
Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa “Milk-HTC” fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 għandu jiġi emendat biex jinkludi referenza għal prodotti tal-ħalib magħmulin mill-ħalib tal-iġmla dromedarji. |
(9) |
Ċerti prodotti tal-ħalib koperti mir-Regolament (UE) Nru 605/2010 ma jidħlux fil-kodiċijiet tal-prodotti bażiċi (kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata) imsemmijin fil-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-prodotti tal-ħalib. Biex ikun hemm identifikazzjoni aktar preċiża ta’ dawn il-prodotti bażiċi fil-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa, jeħtieġ li jinżiedu l-kodiċijiet tas-SA 15.17 (marġerina) u 28.35 (fosfati) fil-mudelli rispettivi taċ-ċertifikati tas-saħħa “Milk-HTB”, “Milk-HTC” u “Milk-T/S” fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. |
(10) |
Ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan. |
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 huwa emendat kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 4(1), il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej: “L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-ħalib miksuba mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-ngħaġ, tal-mogħoż u tal-bufli, jew, fejn awtorizzat speċifikament fl-Anness I, mill-iġmla tal-ispeċi Camelus dromedarius mill-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li huma fir-riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer elenkati fil-kolonna C tal-Anness I, sakemm dawn il-prodotti tal-ħalib ikunu għaddew minn trattament ta’ tisħin, jew ikunu ġew prodotti minn ħalib mhux ipproċessat li għadda minn trattament bħal dan li jinvolvi:” |
(2) |
L-Annessi I u II huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ April 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.
(2) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.
(3) ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1.
(4) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
ANNESS
L-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 huma emendati kif ġej:
(1) |
L-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
Fl-Anness II, il-Parti 2 hija emendata kif ġej:
|