28.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/4


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 296/2013

tas-26 ta’ Marzu 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (1) jagħmel effettivi miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (2).

(2)

Fit-18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/88/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2010/800/PESK li pprovdiet għal miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“il-Korea ta’ Fuq”) billi għamlet effettivi miżuri addizzjonali meħtieġa mir-Riżoluzzjoni 2087 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lil miżuri ulterjuri awtonomi tal-Unjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni 2013/88/PESK tinkludi kriterju addizzjonali għan-nominazzjoni awtonoma mill-Unjoni ta’ persuni u ta’ entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi, jiġifieri persuni involuti, anke permezz tal-għoti ta’ servizzi finanzjarji, fil-provvista lejn jew provenjenti mill-Korea ta’ Fuq, ta’ armi u ta’ materjal relatat ta’ kull tip, jew ta’ oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġiji li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa u ma’ missili ballistiċi.

(4)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2013/88/PESK tipprojbixxi l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment lejn il-Korea ta’ Fuq ta’ ċerta merkanzija oħra rilevanti għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq li huma relatati mal-armi tal-qerda tal-massa, b’mod partikolari fis-settur tal-missili ballistiċi tagħha, speċjalment ċerti tipi ta’ aluminju.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/88/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, ix-xiri, it-trasport jew is-senserija ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti lejn, minn jew għall-Gvern tal-Korea ta’ Fuq u l-konsenja ta’ karti ta’ flus u muniti ddenominati bħala tal-Korea ta’ Fuq li għadhom kemm ġew stampati jew inħarġu miz-zekka jew li għadhom ma nħarġux għall-benefiċċju tal-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq, kif ukoll il-bejgħ jew ix-xiri ta’ bonds pubbliċi jew bonds garantiti mill-gvern tal-Korea ta’ Fuq. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2013/88/PESK tikkjarifika li fejn il-Kunsill ipprovda għal projbizzjoni fuq is-servizzi finanzjarji, din tinkludi l-għoti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni. Dan għalhekk jagħmel meħtieġa emenda teknika fir-Regolament (KE) Nru 329/2007.

(6)

Id-Deċiżjoni 2013/88/PESK tipprojbixxi l-ftuħ ta’ fergħat ġodda, ta’ sussidjarji, jew ta’ uffiċċji rappreżentattivi ta’ banek tal-Korea ta’ Fuq fit-territorji tal-Istati Membri, l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti ġodda, jew it-teħid ta’ interess titolari mill-banek tal-Korea ta’ Fuq, inkluż il-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq, ma’ banek fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri.

(7)

Barra minn hekk, f’konformità mal-paragrafu 13 tar-Riżoluzzjoni 2087 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-ebda pretensjoni b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni milqutin minn dawk il-miżuri ma għandha tingħata lil persuni jew entitajiet nominati jew lil kwalunkwe persuna jew entità oħrajn fil-Korea ta’ Fuq.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Huma pprojbiti:

(a)

il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, tal-prodotti u t-teknoloġija, inkluż softwer, elenkati fl-Annessi I, Ia u Ib, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta’ Fuq, jew għall-użu fil-Korea ta’ Fuq;

(b)

il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   L-Anness I għandu jinkludi kull oġġett, materjal, tagħmir, prodott u teknoloġija, inkluż softwer, li huma oġġetti jew teknoloġija b’użu doppju kif definit fir-Regolament (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (*).

L-Anness Ia għandu jinkludi oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa jew ma’ missili ballistiċi.

L-Anness Ib għandu jinkludi ċerti komponenti ewlenin għas-settur tal-missili ballistiċi.

3.   Huma pprojbiti x-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport tal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fl-Annessi I, Ia u Ib mill-Korea ta’ Fuq, kemm jekk l-oġġett ikkonċernat joriġina fil-Korea ta’ Fuq kif ukoll jekk le.

(*)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.”."

(2)

L-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) jinbidlu b’dan li ġej:

“(a)

il-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza finanzjarja jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ merkanzija u teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib, u mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta’ merkanzija elenkata fil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta’ Fuq, jew għall-użu fil-Korea ta’ Fuq;

(b)

il-forniment, dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ merkanzija u teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib, inklużi partikolarment għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, jew għal kwalunkwe għoti ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta’ Fuq jew għall-użu fil-Korea ta’ Fuq;”;

(b)

fil-punti (c) u (d), il-kliem “fl-Annessi I u Ia” jinbidlu bil-kliem “fl-Annessi I, Ia u Ib”.

(3)

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3a(1), il-kliem “fl-Annessi I u Ia” jinbidlu bil-kliem “fl-Annessi I, Ia u Ib”.

(4)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

1.   Huma pprojbiti:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VII, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil jew għall-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, il-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, il-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq u kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li jappartjenu lilhom jew li jkunu kkontrollati minnhom;

(b)

ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport, direttament jew indirettament, ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VII, kemm jekk joriġinaw fil-Korea ta’ Fuq kif ukoll jekk le, mill-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, mill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, mill-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq u minn kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew minn kwalunkwe entità jew korp li jappartjenu lilhom jew li jkunu kkontrollati minnhom;

(c)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, relatati mal-merkanzija msemmija fil-punti (a) u (b), lill-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, lill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq u lil kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li jappartjenu lilhom jew li jkunu kkontrollati minnhom.

2.   L-Anness VII għandu jinkludi deheb, metalli prezzjużi u djamanti suġġetti għall-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4b

Huma pprojbiti l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ karti ta’ flus u ta’ muniti ġodda ddenominati bħala tal-Korea ta’ Fuq, li jkunu għadhom kemm ġew stampati jew għadhom ma ħarġux, lil jew għal benefiċċju tal-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq.”

“Artikolu 5a

1.   Huwa pprojbit għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 li:

(a)

jiftħu uffiċċju rappreżentattiv ġdid fil-Korea ta’ Fuq jew jistabbilixxu fergħa jew sussidjarja ġdida fil-Korea ta’ Fuq; jew

(b)

jistabbilixxu impriża konġunta ġdida ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja dddomiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew ma’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2).

2.   Huma pprojbiti:

(a)

l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ uffiċċju rappreżentattiv jew l-istabbiliment ta’ fergħa jew sussidjarja fl-Unjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja dddomiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew ta’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);

(b)

il-konklużjoni ta’ ftehimiet għal, jew f’isem, istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja ddomiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew għal, jew f’isem, kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2) relattivi għall-ftuħ ta’ uffiċċju rappreżentattiv jew għall-istabbiliment ta’ fergħa jew ta’ sussidjarja fl-Unjoni;

(c)

l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-ftuħ u l-eżerċizzju ta’ negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew għal kwalunkwe negozju ieħor li jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel, minn uffiċċju rappreżentattiv, fergħa jew sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja ddomiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew ta’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2), jekk l-uffiċċju rappreżentattiv, fergħa jew sussidjarja ma kinux operattivi qabel id-19 ta’ Frar 2013.

(d)

l-akkwist jew l-estensjoni ta’ parteċipazzjoni, jew l-akkwist ta’ kwalunkwe interess titolari ieħor, f’istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 minn kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2).”.

(5)

L-Artikolu 6(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness V, jew li huma l-proprjetà tagħhom, miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. L-Anness V għandu jinkludi persuni, entitajiet u korpi mhux elenkati fl-Anness IV, li, f’konformità mal-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (**) ġew identifikati mill-Kunsill:

(a)

bħala responsabbli għal programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa u ma’ missili ballistiċi, kif ukoll persuni jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom u entitajiet li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom;

(b)

bħala li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Unjoni, jew li jinvolvu ċittadini ta’ Stati Membri jew entitajiet organizzati taħt il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi oħrajn jew riżorsi li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa jew ma’ missili ballistiċi, kif ukoll persuni jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom u entitajiet li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom; jew

(c)

bħala involuti, anke permezz tal-għoti ta’ servizzi finanzjarji, fil-provvista lejn jew provenjenti mill-Korea ta’ Fuq ta’ armi u ta’ materjali relatati ta’ kull tip, jew ta’ oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa u ma’ missili ballistiċi, lill-Korea ta’ Fuq.

L-Anness V għandu jiġi rivedut regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar.

(**)  ĠU L 341, 23.12.2010, p. 32.”."

(6)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Huma pprojbiti:

(a)

il-bejgħ jew ix-xiri ta’ bonds pubbliċi jew bonds garantiti mill-gvern maħruġin wara d-19 ta’ Frar 2013, direttament jew indirettament, lil jew mingħand kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

il-Korea ta’ Fuq jew il-Gvern tagħha, u l-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tagħha;

(ii)

il-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq;

(iii)

istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja ddomiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);

(iv)

persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punti (i) jew (ii);

(v)

persuna ġuridika, entità jew korp li jkunu l-proprjetà jew taħt il-kontroll ta’ persuna, entità jew korp imsemmija fil-punti (i), (ii) jew (iii);

(b)

l-għoti ta’ servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ bonds pubbliċi jew garantiti mill-gvern maħruġin wara d-19 ta’ Frar 2013 lil persuna, entità jew korp imsemmija fil-punt (a);

(c)

l-għajnuna lil persuna, entità jew korp imsemmija fil-punt (a) sabiex joħorġu bonds pubbliċi jew garantiti mill-gvern, billi jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija, reklamar jew kwalunkwe servizz ieħor fir-rigward ta’ dawn il-bonds.

Artikolu 9b

1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet milquta, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni, entitajiet jew korpi nominati elenkati fl-Annessi IV u V;

(b)

kwalunkwe persuna oħra, entità jew korp mill-Korea ta’ Fuq, inkluż il-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, il-korpi, korporazzjonijiet u aġenziji pubbliċi tiegħu;

(c)

kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

2.   L-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew tranżazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala milquta mill-miżuri imposti taħt dan ir-Regolament fejn l-eżistenza jew il-kontenut tal-pretensjoni jirriżultaw direttament jew indirettament minn dawk il-miżuri.

3.   Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-adempiment tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun tal-persuna li tfittex l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

4.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, entitajiet u korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ adempiment ta’ obbligi kuntrattwali taħt dan ir-Regolament.”.

(7)

L-annotazzjonijiet li jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament jiddaħħlu fl-Anness Ia eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 329/2007 wara l-annotazzjoni I.A1.020.

(8)

L-Anness II ta’ dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Ib tar-Regolament (KE) Nru 329/2007.

(9)

L-Anness III ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 329/2007.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 341, 23.12.2010, p. 32.

(3)  ĠU L 46, 19.2.2013, p. 28.


ANNESS I

“I.A1.021

Ligi tal-azzar fil-forma ta’ folja jew pjanċa, li jkollhom waħda mill-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

Ligi tal-azzar ‘kapaċi għal’ limitu ta’ reżistenza għat-tensjoni ta’ 1 200 MPa jew aktar f’293 K (20 °C); jew

(b)

Azzar li ma jissaddadx dupleks stabilizzat bin-nitroġenu.

Nota: Il-frażi ligi ‘kapaċi għal’ tinkorpora liegi qabel jew wara t-trattament bis-sħana.

Nota Teknika: ‘Azzar li ma jissaddadx dupleks stabilizzat bin-nitroġenu’ għandu mikrostruttura ta’ żewġ fażijiet li tikkonsisti minn frak ta’ azzar ferritiku u awstenitiku biż-żieda tan-nitroġenu biex jistabbilizza l-mikrostruttura.

1C116

1C216

I.A1.022

Materjal Kompożitu tal-Karbonju-Karbonju

1A002.b.1

I.A1.023

Ligi tan-nikil f’forma mhux maħduma jew semi fabbrikata, li jkollhom 60 % f’piż jew aktar nikil.

1C002.c.1.a

I.A1.024

Ligi tat-titanju f’forma ta’ folja jew pjanċa ‘kapaċi għal’ limitu ta’ reżistenza għat-tensjoni ta’ 900 MPa jew aktar f’293 K (20 °C).

Nota: Il-frażi ligi ‘kapaċi għal’ tinkorpora liegi qabel jew wara t-trattament bis-sħana.

1C002.b.3”


ANNESS II

“ANNESS Ib

Prodotti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2)

7601

Aluminju mhux maħdum

7602

Skart u fdal tal-aluminju

7603

Trabijiet u qxur ta’ aluminju

7604

Biċċiet sħaħ tal-aluminju, vireg u profili

7605

Wajer tal-aluminju

7606

Pjanċi, folji u strixxa ta’ aluminju, eħxen minn 0,2 mm

7608

Tubi u pajpijiet tal-aluminju

7609

Tagħmir għal tubi u pajpijiet ta’ aluminju (pereżempju igganċjar (couplings), liwjiet (elbows), tubi (sleeves))

7614

Wajer bis-swiegli, kejbils, ċineg immaljati u bħalhom, ta’ aluminju, mhux insulati għall-elettriku”


ANNESS III

“ANNESS VII

Lista ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti msemmija fl-Artikolu 4a

Kodiċi tas-SA

Deskrizzjoni

7102

Djamanti, maħdumin jew le, iżda mhux immuntati jew ingastati

7106

Fidda (inkluża fidda miksija bid-deheb jew bil-platinu), mhux maħduma jew f’għamliet semimanifatturati, jew f’għamla ta’ trab

7108

Deheb (inkluż deheb miksi bil-platinum), mhux maħdum jew f’għamla semimanifatturata, jew f’għamla ta’ trab

7109

Metalli komuni jew fidda, miksijin bid-deheb, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati

7110

Platinu, mhux maħdum jew f’forom parzjalment maħdumin, jew f’forma ta’ trab

7111

Metalli komuni, fidda jew deheb, miksijin bil-platinu, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati

7112

Skart u fdal ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż; skart u fdal ieħor li fih metall prezzjuż jew komposti ta’ metall prezzjuż, ta’ tip użat l-aktar għall-irkupru ta’ metall prezzjuż”