28.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 295/2013

tal-21 ta’ Marzu 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polietilen tereftalat li joriġinaw, inter alia, fit-Tajwan wara reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” taħt l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2604/2000 (2) impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polietilen tereftalat li joriġinaw fl-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tajwan u t-Tajlandja taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(2)

Wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 192/2007 (3), iddeċieda li l-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jinżammu.

(3)

B’avviż, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Frar 2012 (4), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) tat bidu għal reviżjoni oħra ta’ skadenza tal-miżuri rilevanti taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Din l-investigazzjoni għadha għaddejja b’mod parallel u se tiġi konkluża f’att legali separat.

B.   IL-PROĊEDURA ATTWALI

1.   Talba għal reviżjoni

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet talba biex tibda reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” taħt l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn Lealea Enterprise Co., Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur fit-Tajwan (“il-pajjiż ikkonċernat”).

(5)

L-applikant stqarr li huwa ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni waqt il-perjodu tal-investigazzjoni, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 1998 sat-30 ta’ Settembru 1999 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”).

(6)

Barra minn hekk, l-applikant stqarr li ma kienx relatat mal-ebda produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat li huwa soġġetti għall-miżuri ta’ anti-dumping imsemmija hawn fuq.

(7)

L-applikant kompla jistqarr li kien beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

2.   Bidu ta’ reviżjoni ta’ esportatur ġdid

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie mressqa mill-applikant u kkunsidrata bħala ġustifikazzjoni suffiċjenti biex tiġġustifika l-bidu tar-reviżjoni f’konformità mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Unjoni kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (UE) Nru 653/2012 (5), reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 rigward l-applikant.

(9)

Taħt ir-Regolament (UE) Nru 653/2012, id-dazju anti-dumping ta’ ċertu polietilen tereftalat impost bir-Regolament (KE) Nru 192/2007 ġie revokat fir-rigward ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u mibjugħ għal esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess waqt, taħt l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali kienu ordnati li jieħdu l-passi neċessarji biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet.

3.   Il-prodott ikkonċernat

(10)

Il-prodott ikkonċernat huwa polietilen tereftalat (“PET”) li għandu n-numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-istandard 1628-5 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, li joriġina fit-Tajwan, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 (“il-prodott ikkonċernat”).

4.   Il-partijiet ikkonċernati

(11)

Il-Kummissjoni uffiċjalment tat parir lill-industrija tal-Unjoni, l-applikant u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur fuq il-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

(12)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-antidumping lill-applikant u lill-kumpaniji relatati miegħu u rċeviet tweġibiet qabel l-iskadenza stabbilita għal dak il-għan.

(13)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għad-determinazzjoni tal-istatus tal-esportatur ġdid u d-dumping u saru żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-applikant fit-Tajwan.

5.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni

(14)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni ta’ dumping kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”).

C.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   Il-kwalifika ta’ “esportatur ġdid”

(15)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-kumpanija ma kinitx esportat il-prodott ikkonċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u li kienet bdiet tesportah lejn l-Unjoni Ewropea wara dak il-perjodu.

(16)

Filwaqt li l-kwantitajiet esportati kienu limitati, dawn minkejja kollox instabu li kienu biżżejjed biex jiġi stabbilit marġini ta’ dumping affidabbli. Huma segwew mudell f’termini ta’ daqs u bejgħ tat-tagħbija għal kull klijent li kien komparabbli mal-imġiba tal-applikant fuq is-swieq ta’ pajjiżi terzi.

(17)

F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet l-oħra għar-rikonoxximent ta’ status ta’ esportatur ġdid, il-kumpannija wriet li ma kellhiex rabtiet, diretti jew indiretti, ma’ xi produtturi mit-Tajwan li jesportaw soġġetti għall-miżuri ta’ anti-dumping fis-seħħ fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

(18)

Għalhekk, huwa kkonfermat li l-kumpanija għandha tkun ikkunsidrata bħala “esportatriċi ġdida” taħt l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, u għalhekk għandu jiġi stabbilit marġni individwali għaliha.

2.   Id-dumping

Valur normali

(19)

L-applikant jipproduċi l-prodott ikkonċernat u jbigħu domestikament u fis-swieq ta’ esportazzjoni. L-applikant ibigħ direttament lis-swieq kollha.

(20)

B’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku ġie kkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku kien mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-applikant esporta lejn l-Unjoni tip ta’ prodott uniku u li l-istess tip ta’ prodott inbiegħ domestikament mill-applikant f’volumi rappreżentattivi ġenerali.

(21)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-bejgħ tal-prodott kkonċernat mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi setax jitqies li sar tul il-proċess normali ta’ kummerċ f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ domestiku bil-qligħ lil klijenti indipendenti. Minħabba li kien instab li kien sar biżżejjed bejgħ waqt il-proċess kummerċjali ordinarju, il-valur normali kien ġie bbażat fuq il-prezz domestiku attwali.

Il-prezz tal-esportazzjoni

(22)

Il-prodott ikkonċernat kien esportat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni attwalment imħallsa jew pagabbli.

Paragun

(23)

Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex works.

(24)

Biex ikun jista’ jsir tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ingħatat, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, konċessjoni fil-forma ta’ aġġustamenti minħabba differenzi li jaffettwaw it-tqabbil tal-prezzijiet. Ġew mogħtija aġġustamenti għall-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, u spejjeż tal-kreditu fil-każijiet kollha fejn instab li kienu raġonevoli, eżatti u appoġġati minn evidenza vverifikata.

Il-marġini tad-dumping

(25)

B’konformità mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping ġie stabbilit fuq bażi ta’ tqabbil ta’ medja ddifferenzjata ta’ valur normali ma’ medja peżata ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet tal-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni. Billi kien hemm numru limitat ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, il-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienu wkoll imqabbla mal-valur normali medju peżat tax-xhur li fihom saret kull esportazzjoni.

(26)

Fiż-żewġ każijiet dak it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping de minimis għall-applikant li esporta lejn l-Unjoni matul l-PIR.

D.   L-EMENDAMENT TAL-MIŻURI TAĦT REVIŻJONI

(27)

Il-marġni tad-dumping fir-rigward tal-applikant, stabbilit għall-PIR, kien fuq livell de minimis. Għalhekk huwa propost li jiġi ffissat dazju ta’ EUR 0 għal kull tunnellata li huwa bbażat fuq il-marġni ta’ dumping de minimis u li r-Regolament (KE) Nru 192/2007 jiġi emendat kif meħtieġ.

E.   REĠISTRAZZJONI

(28)

Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet imposta bir-Regolament (UE) Nru 653/2012 għandha tieqaf mingħajr kwalunkwe impożizzjoni retroattiva tad-dazji anti-dumping.

F.   ŻVELAR U TUL TA’ ŻMIEN TAL-MIŻURI

(29)

Il-partijiet ikkonċernati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi impost dazju anti-dumping ta’ EUR 0 għal kull tunnellata fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-applikant u li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 192/2007 kif xieraq. Fejn kien xieraq, il-kummenti tagħhom ġew ikkunsidrati u tqiesu.

(30)

Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha se jiskadu l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 192/2007 taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 192/2007, dan li ġej għandu jiddaħħal fit-tabella taħt il-produtturi fit-Tajwan:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping (EUR/tunnellata)

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Tajwan

Lealea Enterprise Co., Ltd.

0

A996 ”

2.   L-awtoritajiet doganali b’dan huma mitluba jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mit-Tajwan prodott minn Lealea Enterprise Co., Ltd.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

P. HOGAN


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 301, 30.11.2000, p. 21.

(3)   ĠU L 59, 27.2.2007, p. 59.

(4)   ĠU C 55, 24.2.2012, p. 4.

(5)   ĠU L 188, 18.7.2012, p. 8.