23.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 276/2013

tad-19 ta’ Marzu 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifika tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifika ta’ prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni li torbot dwar it-tariffa, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Decking bord magħmul mill-kompost tal-injam, li fih madwar 0,15 × 0,02 × 3,7 m u huwa magħmul minn fibri mill-iskart tal-injam (60 %), plastik riċiklat (HDPE) (30 %), addittivi mhux tal-plastik, aġenti tal-mili, stabbilizzaturi u pigmenti tal-UV (10 %). Il-bord huwa mmanifatturat permezz tal-estrużjoni. Għandu forma rettangolari ta’ profil u densità ta’ 1,20 g/cm3.

Il-wiċċ ta’ fuq huwa vvinat u minsuġ filwaqt li l-wiċċ ta’ taħt huwa ċatt (imfellel). Il-bord għandu l-iskanalaturi mat-tul kollu tal-ġenb tiegħu.

Għandu l-karatteristiċi ta’ prodott tal-plastik riġidu mhux flessibbli, ma’ skart tal-injam li jifforma l-mili. Huwa sostitut tal-injam u jintuża pereżempju, fil-kostruzzjoni ta’ gverti u mogħdijiet għall-mixi.

3918 90 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata bir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda kif ukoll bil-kliem tal-Kodiċi NM 3918  u 3918 90 00 .

Minħabba li l-fibri tal-injam jikkostitwixxu biss il-mili u l-plastik iżomm il-fibri tal-injam u jagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu, il-klassifikazzjoni taħt il-Kapitolu 44 bħala oġġetti tal-injam hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tal-Kapitolu 44 tas-SA). Skont dan, il-prodott qed jitqies bħala plastik użat għall-kisi.

Għandu għalhekk jiġi kklassifikat bħala kisi tal-art tal-plastik taħt il-kodiċi NM 3918 90 00 .