21.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 255/2013

tal-20 ta’ Marzu 2013

li jemenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Annessi IC, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jispeċifika taħt liema kondizzjonijiet il-ġarr tal-iskart elenkat fl-Annessi IIIA jew IIIB ta’ dak ir-Regolament huwa soġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens minn qabel bil-miktub. Is-sottomissjoni ta’ notifika tfisser l-obbligu li jimtlew id-dokumenti ta’ notifika u ta’ moviment kif stabbilit fl-Annessi IA u IB ta’ dak ir-Regolament. L-iskart elenkat fl-Anness IIIA, IIIB jew IVA tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jista’ jiġi identifikat fil-Blokk 14 tal-Anness IA jew l-Anness IB, taħt is-subintestatura (vi) “Oħrajn (speċifika)”. L-Anness IC ta’ dak ir-Regolament, li jipprovdi struzzjonijiet speċifiċi dwar kif għandhom jimtlew l-Anness IA jew l-Anness IB, jeħtieġ li jiġi emendat sabiex jikkjarifika kif dak l-iskart għandu jkun indikat fl-Anness IA jew IB.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jispeċifika wkoll taħt liema kundizzjonijiet it-tipi ta’ skart elenkati fl-Annessi IIIA u IIIB ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ li jkunu akkumpanjati mid-dokument li jinsab fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament meta jkun hemm il-ħsieb li dan l-iskart jinġarr. Billi l-Blokk 10 tal-Anness VII ma tipprovdix l-għażla tal-identifikazzjoni tal-iskart elenkat fl-Annessi IIIA u IIIB, dawn it-tipi ta’ skart ma jistgħux jiġu identifikati kif suppost fl-Anness VII. L-inklużjoni tal-iskart fl-Annessi IIIA u IIIB teħtieġ it-tkabbir tal-għażliet elenkati fil-Blokk 10 tal-Anness VII.

(3)

Waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu li saret mis-17 sal-21 ta’ Ottubru 2011, ġew adottati linji gwida tekniċi u dokumenti ta’ gwida dwar l-immaniġġjar ambjentalment san l-(immaniġġjar ekoloġikament razzjonali). Wara l-adozzjonijiet tagħhom, jeħtieġ li l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jiġi aġġornat skont dan.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness IC huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness VII huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(3)

L-Anness VIII huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.


ANNESS I

L-Anness IC tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt 25(c), titħassar it-tieni sentenza.

(b)

Fil-punt 25(d), titħassar it-tieni sentenza.

(c)

Fil-punt 25(e), jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Kodiċijiet bħal dawn jistgħu jiddaħħlu fl-Annessi IIIA, IIIB jew IVA ta’ dan ir-Regolament. F’dak il-każ, in-numru tal-Anness għandu jkun stipulat qabel il-kodiċijiet. Fir-rigward tal-Anness IIIA, il-kodiċi(jiet) rilevanti kif indikat(i) fl-Anness IIIA għandhom jintużaw, kif xieraq f’sekwenza. Ċerti entrati ta’ Basel bħal B1100, B3010 u B3020 huma ristretti biss għal flussi ta’ skart speċifiċi,kif indikat fl-Anness IIIa.”.


ANNESS II

“ANNESS VII

INFORMAZZJONI LI TAKKUMPANJA L-VJEĠĠI TA’ SKART KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 3(2) U (4)

Image 1

Test ta 'immaġni

ANNESS III

“ANNESS VIII

LINJI GWIDA DWAR L-IMMANIĠĠJAR AMBJENTALMENT SAN (L-ARTIKOLU 49)

I.

Linji gwida u dokumenti ta’ gwida adottati skont il-Konvenzjoni ta’ Basel:

1.

Linji Gwida Tekniċi dwar l-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart Bijomediku u tal-Kura tas-Saħħa (Y1; Y3) (1)

2.

Linji Gwida Tekniċi dwar l-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart ta’ Batteriji tal-Aċidu taċ-Ċomb (1)

3.

Linji Gwida Tekniċi dwar l-Immaniġġjar Ambjentalment San tal-Iżmantellar Totali jew Parzjali ta’ Bastimenti (1)

4.

Linji Gwida Tekniċi dwar ir-Riċiklaġġ/ir-Reklamazzjoni Ambjentalment San/a ta’ Metalli u ta’ Komposti tal-Metall (R4) (2)

5.

Linji Gwida Tekniċi Ġenerali Aġġornati għall-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart li fih Sustanzi Niġġiesa Organiċi Persistenti (Persistent Organic Pollutants -POPs) (3), li jikkonsisti minnhom, jew li hu kkontaminat bihom

6.

Linji Gwida Tekniċi Aġġornati għall-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart li fih Bifenili Poliklorurati (PCBs), Terfenili Poliklorurati (PCTs) jew Bifenili Polibromurati (PBBs), li jikkonsisti minnhom, jew li hu kkontaminat bihom (3)

7.

Linji Gwida Tekniċi għall-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart li fih il-Pestiċidi Aldrin, Klordan, Dieldrin, Endrin, Ettaklor, Eżaklorobenżen (HCB), Mirex jew Tossafen jew minn HCB bħala Kimika Industrijali (3), li jikkonsisti minnhom, jew li hu kkontaminat bihom

8.

Linji Gwida Tekniċi għall-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart li fih 1,1,1-trikloro-2,2-bis (4 klorofenil)etan (DDT) (3), li jikkonsisti minnu, jew li hu kkontaminat bih

9.

Linji Gwida Tekniċi għall-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart li fih is-Sustanzi, Dibenżo-p-diossini poliklorurati (PCDDs), Dibenżofurani poliklorurati (PCDFs), Eżaklorobenżen (HCB) jew Bifenili poliklorurati (PCBs) (3), Prodotti Mhux Intenzjonalment, jew li jikkonsisti minnhom, jew li hu kkontaminat bihom

10.

Linji Gwida Tekniċi għall-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Tajers Pnewmatiċi Użati u ta’ Skart (4)

11.

Linji Gwida Tekniċi għall-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Skart li jikkonsisti minn Merkurju Elementali u minn Skart li fih il-Merkurju (4) jew li hu kkontaminat bih (4)

12.

Linji Gwida Tekniċi għall-Ikkoproċessar Ambjentalment San ta’ Skart Perikoluż fil-Fran tas-Siment (4)

13.

Dokument ta’ Gwida dwar l-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Mowbajls Użati u li ma għadhomx jintużaw (4)

14.

Dokument ta’ Gwida dwar l-Immaniġġjar Ambjentalment San ta’ Tagħmir tal-Kompjuter Użat u li ma għadux jintuża, it-Taqsimiet 1, 2, 4 u 5 (4)

II.

Linji Gwida adottati mill-OECD:

Gwida teknika għall-immaniġġjar ambjentalment san ta’ flussi ta’ skart speċifiċi:

Kompjuters personali użati u skartati (5)

III.

Linji Gwida adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO):

Linji Gwida dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti (6)

IV.

Linji Gwida adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO):

Is-sikurezza u l-protezzjoni tas-saħħa fid-demolizzjoni ta’ bastimenti: linji gwida għall-pajjiżi Asjatiċi u għat-Turkija (7).”


(1)  Adottati mis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu, mid-9 sat-13 ta’ Diċembru 2002.

(2)  Adottati mis-seba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu, mill-25 sad-29 ta’ Ottubru 2004.

(3)  Adottati mit-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu, mis-27 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2006.

(4)  Adottati mill-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu, mis-17 sal-21 ta’ Ottubru 2011.

(5)  Adottata mill-Kumitat tal-Politika tal-Ambjent tal-OECD fi Frar 2003 (id-dokument ENV/EPOC/WGWPR(2001)3/FINAL).

(6)  Riżoluzzjoni A.962 adottata mill-Assemblea tal-IMO fit-23 sessjoni Regolari tagħha, mill-24 ta’ Novembru sal-5 ta’ Diċembru 2003.

(7)  Approvati għall-pubblikazzjoni mill-Korp ta’ Governanza tal-ILO fil-289 sessjoni tagħha, mill-11 sas-26 ta’ Marzu 2004.