12.3.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 68/26 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 211/2013
tal-11 ta’ Marzu 2013
dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tan-nebbieta (sprouts) u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula r-regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex tkun ivverifikata l-konformità mar-regoli li jimmiraw, b'mod partikolari, li jwaqqfu, jeliminaw jew inaqqsu għal livelli aċċettabbli r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali, jew b'mod dirett jew permezz tal-ambjent. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (2), jistipula l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-ikel u l-għalf b'mod ġenerali, u s-sikurezza tal-ikel u l-għalf b'mod partikolari, fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali. Dak ir-Regolament jistipula li l-ikel u l-għalf impurtati fl-Unjoni għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġi tal-ikel jew mal-kundizzjonijiet rikonoxxuti mill-Unjoni bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom. |
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (3) jistipula r-regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel. Dak ir-Regolament jipprevedi li l-operaturi tan-negozju tal-ikel jridu jiżguraw li l-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tat-tqassim tal-ikel fil-kontroll tagħhom ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-iġjene rilevanti stipulati fih. B’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jistipula li l-operaturi tan-negozju tal-ikel li joperaw fil-produzzjoni primarja u f'dawk l-operazzjonijiet assoċjati elenkati fl-Anness I tiegħu jridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-iġjene stabbiliti fil-parti A ta' dak l-Anness. |
(4) |
Wara t-tifqigħa tal-E.coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) f’Mejju 2011 fl-Unjoni, il-konsum taż-żrieragħ nebbieta ġie identifikat bħala dak li x'aktarx wassal għat-tifqigħat. |
(5) |
Fl-20 ta’ Ottubru 2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) adottat Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju maħluq mill-Escherichia coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u minn batterji patoġeniċi oħrajn fiż-żrieragħ u fiż-żrieragħ nebbieta (4). Fl-Opinjoni tagħha, l-EFSA tikkonkludi li l-kontaminazzjoni taż-żrieragħ niexfa b'patoġeni batterjoloġiċi hija dik li x'aktarx tat bidu għat-tifqigħat assoċjati man-nebbieta. Barra minn hekk, l-Opinjoni tiddikjara li, minħabba l-livell għoli ta’ umdità u t-temperatura favorevoli waqt it-tinbit, il-patoġeni batterjoloġiċi preżenti fuq iż-żrieragħ niexfa jkunu jistgħu jimmultiplikaw waqt it-tinbit u dan jirriżulta f'riskju għas-saħħa pubblika. |
(6) |
Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-Unjoni u fid-dawl ta' din l-Opinjoni tal-EFSA, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 (5). Dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni jistabbilixxi r-regoli dwar it-traċċabilità ta' kunsinni tan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta. |
(7) |
Sabiex jiġi żgurat livell tajjeb ta' ħarsien tas-saħħa pubblika, ikun f'loku li nebbieta u żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta importati fl-Unjoni jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 u, fil-każ tan-nebbieta, mar-rekwiżiti tat-traċċabilità stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 u mal-kriterji mikrobijoloġiċi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (6). Għaldaqstant għal tali prodotti impurtati fl-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni xierqa. |
(8) |
Fil-preżent il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistipulax ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni tan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta. Għaldaqstant ikun f'loku li f'dan ir-Regolament jiġi stabbilit mudell ta' ċertifikat għall-importazzjoni ta' dawn il-prodotti fl-Unjoni. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għal kunsinni ta' nebbieta jew żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta impurtati fl-Unjoni, esklużi n-nebbieta li jkunu għaddew minn trattament li jelimina l-perikli mikrobijoloġiċi kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) |
għandha tapplika d-definizzjoni ta' "nebbieta” fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 208/2013; |
(b) |
"kunsinna" tfisser kwantità ta' nebbieta jew żrieragħ intiża għall-produzzjoni tan-nebbieta u li:
|
Artikolu 3
Rekwiżit taċ-ċertifikazzjoni
1. Il-kunsinni tan-nebbieta jew taż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta impurtati fl-Unjoni u li joriġinaw jew jintbagħtu minn pajjiżi terzi għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat skont il-mudell stabbilit fl-Anness, li jiċċertifika li n-nebbieta jew iż-żrieragħ ġew prodotti skont kundizzjonijiet li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-iġjene għall-produzzjoni primarja u l-operazzjonijiet assoċjati stabbiliti fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, u li n-nebbieta ġew prodotti skont kundizzjonijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-traċċibilità stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 208/2013; ġew prodotti fi stabbilimenti approvati skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013 (7); u jirrispettaw il-kriterji mikrobijoloġiċi stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005.
Iċ-ċertifikat għandu jitħejja fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-pajjiż terz minn fejn tintbagħat il-kunsinna u tal-Istat Membru fejn issir l-importazzjoni fl-UE, jew ikun akkumpanjat bi traduzzjoni ċċertifikata f'dik il-lingwa jew lingwi. Jekk l-Istat Membru tad-destinazzjoni jitlob hekk, iċ-ċertifikati jridu jkunu akkumpanjati wkoll minn traduzzjoni ċċertifikata fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' dak l-Istat Membru. Madankollu, Stat Membru jista' jaċċetta li tintuża lingwa uffiċjali minn tal-Unjoni minflok tiegħu.
2. L-oriġinal taċ-ċertifikat għandu jakkumpanja l-kunsinna sakemm din tasal fid-destinazzjoni indikata fiċ-ċertifikat.
3. Fil-każ li l-kunsinna tinqasam, għandu jkun hemm kopja taċ-ċertifikat ma' kull parti tal-kunsinna.
Artikolu 4
Dispożizzjoni tranżizzjonali
Għal perjodu ta' tranżizzjoni sal-1 ta’ Lulju 2013, il-kunsinni tan-nebbieta jew iż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta li joriġinaw minn pajjiżi terzi jew jintbagħtu minnhom jistgħu jkomplu jiġu impurtati fl-Unjoni mingħajr iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 3.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(3) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.
(4) The EFSA Journal 2011;9(11):2424.
(5) Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(6) ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.
(7) Ara paġna 24 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
ANNESS
MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT GĦALL-IMPORTAZZJONI TAN-NEBBIETA (SPROUTS) U Ż-ŻRIERAGĦ MAĦSUBA GĦALL-PRODUZZJONI TAN-NEBBIETA
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni