12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 206/2013

tal-11 ta’ Marzu 2013

li jimplimenta l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Fid-dawl tal-abbużi li qed isiru kontra d-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, aktar persuni u entità oħra għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kif tinsab fl-Anness I mar-Regolament (UE) 359/2011,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-persuni u l-entità elenkati fl-Anness ma’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness I mar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  OJ L 100, 14.4.2011, p. 1.


ANNESS

Lista tal-persuni u l-entità msemmija fl-Artikolu 1

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

RASHIDI AGHDAM, Ali Ashraf

 

Kap tal-Ħabs ta' Evin, maħtur madwar Ġunju/Lulju 2012. Sa mill-ħatra tiegħu, il-kundizzjonijiet fil-ħabs iddeterjoraw u r-rapporti għamlu referenza għal trattament ħażin intensifikat tal-priġunieri. F'Ottubru 2012, disa' priġunieri nisa għamlu strajk tal-ġuħ bi protesta kontra l-ksur tad-drittijiet tagħhom u t-trattament vjolenti mill-gwardjani tal-ħabs.

12.3.2013

2.

KIASATI Morteza

 

Imħallef tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Ahwaz, il-Fergħa 4, li kkundanna għall-mewt erba' priġunieri politiċi Għarab, Taha Heidarian, Abbas Heidarian, Abd al-Rahman Heidarian (tliet aħwa) u Ali Sharifi.

Dawn ġew arrestati, ittorturati u mgħallqa mingħajr proċess korrett. Saret referenza għal dawn il-każijiet u n-nuqqas ta' proċess korrett f'rapport tat-13/09/2012 mir-Relatur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iran tat-22/08/2012, u minn diversi NGOs.

12.3.2013

3.

MOUSSAVI, Seyed Mohammad Bagher

 

Imħallef tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Ahwaz, il-Fergħa 2, li impona l-kundanna tal-mewt fuq ħames Għarab minn Ahwaz, Mohammad Ali Amouri, Hashem Sha'bani Amouri, Hadi Rashedi, Sayed Jaber Alboshoka, Sayed Mokhtar Alboshoka, fis-17/3/12 għal "attivitajiet kontra s-sigurtà nazzjonali" u "mibegħda kontra Alla".

Il-kundanni ġew aċċettati mill-Qorti Suprema tal-Iran fid-9/01/13. L-NGOs irrappurtaw li l-ħamsa li huma ġew arrestati mingħajr ma ġew mixlija għal aktar minn sena, ġew ittorturati u kkundannati mingħajr proċess korrett.

12.3.2013

4.

SARAFRAZ, Mohammad (Dr.)

(magħruf ukoll bħala: Haj-agha Sarafraz)

Data tat-Twelid: madwar 1963

Post tat-Twelid: Tehran

Post tar-Residenza: Tehran

Post tax-Xogħol: IRIB u PressTV HQ, Tehran

Kap ta' IRIB World Service u Press TV, responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha ta' programmazzjoni. Assoċjat mill-qrib mal-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-istat. Taħt it-tmexxija tiegħu Press TV, flimkien ma' IRIB, ħadem mas-servizzi tas-sigurtà u l-prosekuturi Iranjani biex ixandar konfessjonijiet furzati mid-detenuti, inklużi dawk tal-ġurnalist u l-produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari, fil-programm ta' kull ġimgħa "Iran Today". Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM ta multa lil PressTV fir-Renju Unit ta' GBP 100,000 talli xandar il-konfessjoni ta' Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded.

Sarafraz għalhekk huwa assoċjat mal-ksur tad-dritt ta' proċess korrett u smigħ ġust.

12.3.2013

5.

JAFARI, Asadollah

 

Prosekutur tal-Provinċja ta' Mazandaran, irrappurtat mill-NGOs bħala responsabbli għall-arresti illegali u l-ksur tad-drittijiet tad-detenuti ta' Baha'i minn arrest inizjali saż-żamma tagħhom f'iżolament fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni tal-Intelligence. Sitt eżempji konkreti ta' każijiet fejn inkiser il-proċess korrett huma dokumentati mill-NGOs, inkluż fl-2011 u l-2012.

12.3.2013

6.

EMADI, Hamid Reza

(magħruf ukoll bħala: Hamidreza Emadi)

Data tat-Twelid: madwar 1973

Post tat-Twelid: Hamedan

Post tar-residenza: Tehran

Post tax-xogħol: Press TV HQ, Tehran

Direttur ta' Press TV Newsroom. Responsabbli għall-produzzjoni u x-xandir tal-konfessjonijiet furzati tad-detenuti, inklużi l-ġurnalisti, l-attivisti politiċi, persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi Kurdi u Għarab, il-ksur ta' drittijiet internazzjonali rikonoxxuti għal smigħ ġust u proċess korrett. Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM ta multa lil Press TV fir-Renju Unit ta' GBP 100,000 talli xandar il-konfessjoni furzata mill-ġurnalist u produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded. L-NGOs irrappurtaw aktar eżempji ta' konfessjonijiet furzati fuq it-TV minn Press TV. Emadi għalhekk huwa assoċjat mal-ksur tad-dritt għal proċess korrett u smigħ ġust.

12.3.2013

7.

HAMLBAR, Rahim

 

Imħallef tal-Fergħa 1 tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tabriz. Responsabbli mill-kundanni serji kontra ġurnalisti u minoranzi etniċi Azeri u attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, li akkużahom bi spjunaġġ, atti kontra s-sigurtà nazzjonali, propaganda kontra r-reġim Iranjan u insulti kontra l-mexxej tal-Iran. Ġie rrappurtat li s-sentenzi tiegħu ma segwewx proċess korrett f'diversi okkażjonijiet u d-detenuti ġew furzati jagħmlu konfessjonijiet foloz. Każ bi profil għoli kien jinvolvi 20 ħaddiem voluntier ta' għajnuna wara terremot (wara terremot fl-Iran f'Awwissu 2012) li tahom kundanni ta' ħabs għat-tentattivi tagħhom li jassistu lill-vittmi tat-terremot. Il-qorti sabet lill-ħaddiema ħatja minn "kollaborazzjoni f'assemblea u kollużjoni biex isiru reati kontra s-sigurtà nazzjonali."

12.3.2013

8.

MUSAVI-TABAR, Seyyed Reza

 

Kap tal-Prosekuzzjoni Rivoluzzjonarja ta' Shiraz. Responsabbli mill-arresti illegali u t-trattament ħażin ta' attivisti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni Baha'i u priġunieri tat-twemmin, li ġew molestati, ittorturati, interrogati u rrifjutati aċċess għal avukati u proċess korrett. L-NGOs irrappurtaw li Musavi-Tabar iffirma ordnijiet ġudizzjarji fil-famuż Ċentru ta' Detenzjoni Nru 100 (ħabs għall-irġiel), inkluża ordni biex tinżamm priġuniera mara Baha'i Raha Sabet għal tliet snin f'iżolament.

12.3.2013

9.

KHORAMABADI, Abdolsamad

Kap tal-"Kummissjoni għad-Determinazzjoni tal-Istanzi tal-Kontenut Kriminali".

Abdolsamad Khoramabadi huwa Kap tal-"Kummissjoni għad-Determinazzjoni tal-Istanzi tal-Kontenut Kriminali", organizzazzjoni governattiva inkarigata miċ-ċensura online u l-kriminalità ċibernetika. Taħt it-tmexxija tiegħu l-Kummissjoni ddefiniet il-"kriminalità ċibernetika" permezz ta' għadd ta' kategoriji vagi li jikkriminalizzaw il-ħolqien u l-pubblikazzjoni ta' kontenut meqjus bħala mhux adatt mir-reġim. Huwa responsabbli mir-repressjoni u l-ibblukkar ta' diversi siti elettroniċi tal-oppożizzjoni, gazzetti elettroniċi, blogs, siti elettroniċi ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u ta' Google u Gmail minn Settembru 2012. Hu u l-Kummissjoni kkontribwew attivament għall-mewt f'detenzjoni tal-blogger Sattar Beheshti f'Novembru 2012.

B'hekk il-Kummissjoni li qed imexxi hija direttament responsabbli għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari bil-projbizzjoni u l-iffiltrar tas-siti elettroniċi għall-pubbliku ġenerali, u okkażjonalment bid-diżattivazzjoni għalkollox tal-aċċess għall-Internet.

12.3.2013


Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Ċentru għall-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata (magħruf ukoll bħala: Uffiċċju tal-Kriminalità Ċibernetika jew Pulizija Ċibernetika)

Post: Tehran, Iran

Sit elettroniku: http://www.cyberpolice.ir

Il-Pulizija Ċibernetika Iranjana hija unità tal-Pulizija tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, imwaqqfa f'Jannar 2011, li l-kap tagħha huwa Esmail Ahmadi-Moqaddam (elenkat). Skont ir-rapporti tal-istampa il-kap tal-pulizija Ahmadi-Moqaddam enfasizza li l-Pulizija Ċibernetika ser tfittex lill-gruppi anti-rivoluzzjonarji u ta' protesta li użaw in-netwerks soċjali bbażati fuq l-Internet fl-2009 biex jinħolqu protesti kontra l-elezzjoni mill-ġdid tal-President Mahmoud Ahmadinejad.

F'Jannar 2012, il-Pulizija Ċibernetika ħarġet linji gwida ġodda għall-Internet cafés, li jeħtieġu lill-utenti jipprovdu informazzjoni personali li tinżamm mis-sidien tal-café għal sitt xhur, kif ukoll rekord tas-siti elettroniċi li żaru. Ir-regoli jeħtieġu wkoll lis-sidien tal-café biex jinstallaw kameras tat-televixin b'ċirkwit magħluq u jżommu r-reġistrazzjonijiet għal sitt xhur. Dawn ir-regoli ġodda jistgħu joħolqu logbook li l-awtoritajiet jistgħu jużaw biex jintraċċaw attivisti jew kwalunkwe persuna li titqies bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali.

F'Ġunju 2012, il-mezzi ta' komunikazzjoni Iranjani rrappurtaw li l-Pulizija Ċibernetika kienet ser tniedi repressjoni fuq in-netwerks privati virtwali (VPNs).

F'Ottubru 30, 2012, il-Pulizija Ċibernetika arrestat lill-blogger Sattar Beheshti (skont ma ġie rrappurtat, mingħajr mandat) għal "azzjonijiet kontra s-sigurtà nazzjonali fuq netwerks soċjali u Facebook." Beheshti kien ikkritika l-gvern Iranjan fil-blog tiegħu. Beheshti nstab mejjet fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu fit-3 ta' Novembru, u huwa mifhum li dan ġie ttorturat għall-mewt mill-awtoritajiet tal-Pulizija Ċibernetika.

12.3.2013