6.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 191/2013

tal-5 ta’ Marzu 2013

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010 u d-Deċiżjoni 2000/572/KE rigward l-attestazzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (2) jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kompartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fl-Unjoni u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 (3) jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom, għall-importazzjoni fl-Unjoni, jew għat-tranżitu minnha, ta’ laħam ta’ leporidae selvaġġi, ta’ ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta’ fniek imrobbija fl-irziezet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (4) jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni ta’ annimali ħajjin jew ta’ laħam frisk. Dan jistabbilixxi wkoll listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom li jissodisfaw ċerti kriterji u li għalhekk jistgħu jiġu introdotti kunsinni minnhom fl-Unjoni u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni ta’ laħam frisk minn annimali ungulati kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-tranżitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (5).

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/572/KE (6) tfassal kundizzjonijiet dwar annimali u saħħa pubblika u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni ta’ preparazzjonijiet ta’ laħam minn pajjiżi terzi.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (7) jistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2013.

(6)

L-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li ċ-ċertifikat tas-saħħa li jakkumpanja l-laħam importat minn pajjiżi terzi għandu jiġi ssupplimentat minn attestazzjoni li tiċċertifika li r-rekwiżiti, li jkunu tal-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta’ dak ir-Regolament, ikunu ġew issodisfati.

(7)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, id-dikjarazzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali fil-mudell taċ-ċertifikati veterinarji “POU” u “RAT” stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008, fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “RM” stabbilit fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 119/2009, fil-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji “BOV”, “OVI”, “POR”, “EQU” u “SUF” stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 u fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “MP-PREP” stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2000/572/KE għandhom jiġu aġġornati.

(8)

Din id-dikjarazzjoni għandha tiżdied ukoll mal-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “RUF” stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 sabiex tingħata ċ-ċertifikazzjoni meħtieġa biss f’każ li annimali tal-kaċċa mrobbija jkunu nqatlu f’biċċerija.

(9)

Huwa xieraq li jiġi introdott perjodu tranżitorju biex jippermetti lill-pajjiżi terzi jadattaw il-mudelli emendati taċ-ċertifikati veterinarji.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 798/2008

Fil-mudell taċ-ċertifikati veterinarji “POU” u “RAT” fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008, il-punt II.3. jinbidel b’dan li ġej:

“II.3.   Attestazzjoni tal-benesseri tal-annimali

Jiena, il-veterinarju uffiċjali hawn taħt iffirmat, b’dan niċċertifika, li l-laħam frisk deskritt fil-Parti I ta’ dan iċ-ċertifikat ġej minn annimali li ġew ittrattati fil-biċċerija, qabel u waqt il-qatla, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ssodisfaw ir-rekwiżiti li huma tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitoli II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (*).

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 119/2009

Fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “RM” fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 119/2009, il-punt V jinbidel b’dan li ġej:

“V.   ATTESTAZZJONI TAL-BENESSERI TAL-ANNIMALI

Jiena, il-veterinarju uffiċjali hawn taħt iffirmat, b’dan niċċertifika, li l-laħam frisk deskritt fil-Parti I ta’ dan iċ-ċertifikat ġej minn annimali li ġew ittrattati fil-biċċerija, qabel u waqt il-qatla, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ssodisfaw ir-rekwiżiti li huma tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitoli II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (**).

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 206/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji “BOV”, “OVI”, “POR”, “EQU” u “SUF” fil-Parti 2 tal-Anness II, il-punt II.3 jinbidel b’dan li ġej:

“II.3.   Attestazzjoni tal-benesseri tal-annimali

Jiena, il-veterinarju uffiċjali hawn taħt iffirmat, b’dan niċċertifika, li l-laħam frisk deskritt fil-Parti I ta’ dan iċ-ċertifikat ġej minn annimali li ġew ittrattati fil-biċċerija, qabel u waqt il-qatla, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ssodisfaw ir-rekwiżiti li huma tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitoli II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (***).

(***)  ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.”"

(2)

Fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “RUF”, fil-Parti 2 tal-Anness II, il-punt II.3. li ġej jiddaħħal wara l-punt II.2.7.:

“II.3.   Attestazzjoni tal-benesseri tal-annimali

F’każ li l-laħam frisk deskritt fil-Parti I ta’ dan iċ-ċertifikat ġej minn annimali li nqatlu f’biċċerija, jiena, il-veterinarju uffiċjali hawn taħt iffirmat, b’dan niċċertifika, li dawn l-annimali ġew ittrattati fil-biċċerija, qabel u waqt il-qatla, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ssodisfaw ir-rekwiżiti li huma tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitoli II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (****).

(****)  ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.”"

Artikolu 4

Emenda għad-Deċiżjoni 2000/572/KE

Fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “MP-PREP”, fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2000/572/KE, il-punt II.3. jinbidel b’dan li ġej:

“II.3.   Attestazzjoni tal-benesseri tal-annimali

Jiena, il-veterinarju uffiċjali hawn taħt iffirmat, b’dan niċċertifika, li l-preparazzjonijiet tal-laħam (1) deskritti fil-Parti I ta’ dan iċ-ċertifikat ġejjin minn annimali li ġew ittrattati fil-biċċerija, qabel u waqt il-qatla, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ssodisfaw ir-rekwiżiti li huma tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitoli II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (*****).

Artikolu 5

Dispożizzjoni tranżitorja

Għal perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Jannar 2014, il-kunsinni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali akkumpanjati miċ-ċertifikati veterinarji rilevanti maħruġa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2013 skont il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu jiġu introdotti fl-Unjoni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 39, 10.2.2009, p. 12.

(4)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.

(5)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Volum 45, p. 120.

(6)  ĠU L 240, 23.9.2000, p. 19.

(7)  ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.