22.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/52


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 161/2013

tal-21 ta’ Frar 2013

dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni tal-idrossidu tas-sodju bħala addittiv fl-għalf għall-qtates, il-klieb u l-ħut ornamentali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri biex tingħata awtorizzazzjoni bħal din. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Preparazzjoni tal-idrossidu tas-sodju, bin-numru tal-CAS 1310-73-2, ġiet awtorizzata mingħajr limitu taż-żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv fl-għalf biex jintuża għall-qtates u l-klieb, permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 86/525/KEE (3). Din il-preparazzjoni wara ddaħħlet fir-Reġistru Komunitarju tal-addittivi fl-għalf bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-idrossidu tas-sodju, bin-numru tal-CAS 1310-73-2, bħala addittiv fl-għalf għall-qtates u l-klieb u, skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, għal użu ġdid għall-ħut ornamentali, bit-talba li l-addittiv jiddaħħal fil-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi”. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha tal-11 ta’ Settembru 2012 (4) li, meta tqis il-fatt li dan l-addittiv diġà ġie awtorizzat għall-użu fl-ikel bl-istess funzjoni u bil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, l-idrossidu tas-sodju ma għandux effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, u li l-funzjoni tiegħu fl-għalf hija essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel jiġifieri regolatur tal-aċidità u għalhekk ma hemmx bżonn li tintwera aktar l-effikaċja. Din ikkonkludiet li ma għandu jinqala’ l-ebda tħassib dwar is-sikurezza diment li jittieħdu l-miżuri xierqa ta’ protezzjoni. Din ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-idrossidu tas-sodju turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, intlaħqu. Għaldaqstant, l-użu ta’ din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat kif inhu speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni minnufih tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu tranżizzjonali għar-rimi tal-ħażniet eżistenti tal-addittiv, tal-pretaħlitiet u tal-għalf kompost li jkun fihom l-idrossidu tas-sodju, kif awtorizzat bid-Direttiva 86/525/KEE.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li taqa’ taħt il-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u li hija parti mill-grupp funzjonali “regolaturi tal-aċidità”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness.

Artikolu 2

L-addittiv speċifikat fl-Anness u l-pretaħlitiet li fihom dan l-addittiv u li jkunu prodotti u ttikkettjati qabel l-14 ta' Marzu 2014 skont ir-regoli applikabbli qabel l-14 ta' Marzu 2013 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

L-għalf kompost li fih l-addittiv speċifikat fl-Anness u li jkun prodott u ttikkettjat qabel l-14 ta' Marzu 2015 skont ir-regoli applikabbli qabel l-14 ta' Marzu 2013 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq u jintuża sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1.

(3)  ĠU L 310, 5.11.1986, p. 19.

(4)  EFSA Journal 2012; 10(10):2882.


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg/kg tal-għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija ta’ addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: regolaturi tal-aċidità

1j524

Idrossidu tas-sodju

 

Kompożizzjoni tal-addittiv

Idrossidu tas-sodju 50 % w/w

(soluzzjoni tal-ilma)

 

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Idrossidu tas-sodju ≥ 98,0 % alkali totali (ikkalkolat bħala NaOH)

NaOH Nru tal-CAS: 1310-73-2

Prodott b’sinteżi kimika

 

Metodu tal-Analiżi  (1)

Determinazzjoni tal-idrossidu tas-sodju fl-addittiv tal-għalf: Titrimetry — FAO JECFA Combined Compendium for Food Additive Specifications, Monograph Nru 1 (2006) “sodium hydroxide”.

Qtates, klieb u ħut ornamentali

1.

Għas-sikurezza: waqt l-immaniġġar għandhom jintużaw protezzjoni għan-nifs, protezzjoni għall-għajnejn, ingwanti, u lbies protettiv.

2.

Għall-użu: il-konċentrazzjoni tas-sodju totali li tirriżulta fl-għalf ma għandhiex tikkomprometti l-bilanċ globali tal-elettroliti.

l-14 ta' Marzu 2023


(1)  Id-dettalji tal-metodi tal-analiżi jistgħu jinstabu fuq: http://irmm.jrc.ec.europa.eu/EURLs/EURL_feed_additives/Pages/index.aspx u http://www.fao.org/ag/jecfa-additives/details.html?id=400