21.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/5


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 155/2013

tat-18 ta’ Diċembru 2012

li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-għoti ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u l-governanza tajba skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-għoti tal-preferenzi skont l-arranġament speċjali dwar l-inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba. Sabiex tiżgura t-trasparenza u t-tbassir tal-proċess, il-Kummissjoni ngħatat il-poter mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tadotta att delegat biex tistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-għoti ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskadenzi u l-preżentazzjoni u l-ipproċessar tat-talbiet.

(2)

Skont il-paragrafu 4 tal-Fehim Komuni dwar atti delegati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, twettqu konsultazzjonijiet xierqa u trasparenti, inkluż fil-livell espert, fuq ir-regoli proċedurali stipulati f’dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni

1.   Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu jippreżenta t-talba tiegħu bil-miktub. Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu jistqarr b’mod espliċitu li t-talba tiegħu hija magħmula fil-qafas tal-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (arranġament SĠP+) skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 (Regolament dwar is-SĠP).

2.   It-talba għandha tkun akkumpanjata mid-dokumentazzjoni li ġejja:

(a)

tagħrif komprensiv li jikkonċerna r-rattifika tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament dwar is-SĠP (il-“konvenzjonijiet rilevanti”), inklużi kopja tad-depożitu tal-istrument ta’ rattifika lill-organizzazzjoni internazzjonali rilevanti, ir-riżervi li għamel il-pajjiż li qed jagħmel it-talba u l-oġġezzjonijiet magħmula minn partijiet oħra għall-konvenzjoni għal dawn ir-riżervi.

(b)

l-impenn obbligatorju, li għandu jsir permezz tal-firma tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż li qed jagħmel it-talba tal-formola fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, li jinkludi:

(i)

stqarrija tal-impenn sabiex tinżamm ir-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti u sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

(ii)

stqarrija biex jaċċetta mingħajr riżerva r-rekwiżiti ta’ rappurtar imposti minn kull konvenzjoni rilevanti u sabiex jaċċetta monitoraġġ u reviżjonijiet regolari tar-rekord ta’ implimentazzjoni tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet rilevanti;

(iii)

stqarrija tal-impenn biex jipparteċipa fi proċedura ta’ monitoraġġ u jikkoopera magħha msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament dwar is-SĠP.

3.   Biex jiġi faċilitat il-proċess ta’ reviżjoni tal-applikazzjonijiet, it-talbiet kollha u d-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament għandha tiġi ppreżentata bl-Ingliż. Il-kopja tad-dokumenti skont il-punt 2(a) jekk il-lingwa oriġinali hija differenti mill-Ingliż, din għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Ingliż.

4.   It-talba, flimkien mad-dokumenti ta’ akkumpanjament, għandhom jiġu ppreżentati lis-servizz tar-riċeviment tal-posta tal-Kummissjoni:

Central mail service (Courrier central)

Bâtiment DAV1

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.   Minbarra l-preżentazzjoni formali bil-miktib, it-talba u d-dokumenti ta’ akkumpanjament għandhom jiġu ppreżentati f’format elettroniku. Kwalunwke talba ppreżentata esklussivament f’format elettroniku mhux se titqies valida għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

6.   Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju u l-verifika tat-tagħrif, il-pajjiż li qed jagħmel it-talba, fl-applikazzjoni tiegħu għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-persuna ta’ kuntatt li hija kompetenti biex tittratta l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

7.   It-talba għandha titqies bħala li ġiet ippreżentata fl-ewwel jum tax-xogħol wara li tkun twasslet lill-Kummissjoni b’posta rreġistrata jew bil-ħruġ ta’ nota tal-wasla tagħha mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar is-SĠP ġewx sodisfati. Waqt l-eżaminazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-aktar konklużjonijiet reċenti disponibbli tal-korpi ta’ monitoraġġ tal-konvenzjonijiet rilevanti. Hija tista’ titlob lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba kwalunkwe mistoqsija li hija tqis rilevanti u tista’ tivverifika t-tagħrif li jaslilha mal-pajjiż li qed jagħmel it-talba jew ma’ kwalunkwe sors ieħor rilevanti.

2.   F’każ ta’ nuqqas ta’ provvediment tat-tagħrif meħtieġ kif jitlob l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar l-SĠP jew kif mitlub mill-Kummissjoni, dan jista’ jwassal għat-tmiem tal-eżaminazzjoni jew ir-rifjut tat-talba.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-eżaminazzjoni tat-talba u tiddeċiedi jekk tagħtix pajjiż li qed jagħmel talba, l-arranġament SĠP + fi żmien sitt xhur mid-data ta’ meta qieset li rċeviet it-talba.

Artikolu 3

Fajl kostitwit

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi fajl kostitwit. Fajl kostitwit għandu jinkludi d-dokumenti ppreżentati mill-pajjiż li qed jagħmel it-talba u t-tagħrif rilevanti li nkiseb mill-Kummissjoni.

2.   Il-kontenut ta’ fajl kostitwit għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità b’konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament dwar is-SĠP.

3.   Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu dritt għall-aċċess tal-fajl kostitwit. Fuq talba bil-miktub, huwa jista’ jispezjona t-tagħrif kollu li jinsab fil-fajl kostitwit ħlief dokumenti interni mħejjija mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Divulgazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżvela d-dettalji dwar il-fatti u l-kunsiderazzjoniiet essenzjali li abbażi tagħhom jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

2.   Id-divulgazzjoni għandha tingħata bil-miktub. Din għandha tinkludi s-sejbiet tal-Kummissjoni u għandha tirrifletti l-intenzjoni provviżorja jekk jingħatax l-arranġament SĠP + lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba.

3.   Id-divulgazzjoni għandha ssir, filwaqt li jitqies il-ħarsien tat-tagħrif kunfidenzjali, malajr kemm jista’ jkun u, normalment, mhux aktar tard minn 45 jum qabel deċiżjoni definittiva mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe proposta għal azzjoni finali. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista’ jkun malajr wara.

4.   Id-divulgazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed imma meta deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista’ jkun malajr.

5.   Preżentazzjonijiet magħmula wara li tkun saret divulgazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk ikunu waslu f’perjodu li jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 20 jum, filwaqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni.

Artikolu 5

Smigħ ġenerali

1.   Pajjiż li qed jagħmel talba għandu dritt li jinstema’ mill-Kummissjoni.

2.   Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu jippreżenta ittra bil-miktub li fiha jispeċifika r-raġunijiet għalfejn għandu jinstema’ oralment. Talba bħal din għandha tasal għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara l-jum tal-ħruġ ta’ nota tal-wasla tal-applikazzjoni.

Artikolu 6

Involviment tal-Uffiċjal tas-Seduta

1.   Abbażi ta’ raġunijiet proċedurali, pajjiż li qed jagħmel talba jista’ jitlob ukoll l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta għandu jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl kostitwit, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet għal smigħ minn pajjiż li qed jagħmel talba.

2.   Jekk il-pajjiż li qed jagħmel talba għandu smigħ orali mal-Uffiċjal tas-Seduta, is-servizz rilevanti tal-Kummissjoni għandu jieħu sehem fih.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.


ANNESS

Impenji Obbligatorji

Aħna, il-Gvern ta’ …, rappreżentati minn …, fil-kapaċità tagħna bħala …, nesprimu l-impenji tagħna biex inżommu r-ratifika tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u biex niżguraw l-implimentazzjoni tiegħu.

Naċċettaw mingħajr riżerva r-rekwiżiti ta’ rappurtar imposti minn kull konvenzjoni u monitoraġġ regolari u reviżjoni tar-rekord ta’ implimentazzjoni b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

Aħna nistqarru l-impenn tagħna biex nipparteċipaw fil-proċedura ta’ monitoraġġ msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u nikkooperaw magħha.

Naċċettaw bi sħiħ li l-irtirar ta’ kwalunwke wieħed minn dawn l-impenji jista’ jirriżulta fit-tneħħija tal-arranġament SĠP + skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

Post u data

Firma/firem