16.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 131/2013

tal-15 ta’ Frar 2013

li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 64(2) u l-Artikolu 186 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Matul is-sena tas-suq taz-zokkor tal-2011/2012, il-prezz medju mill-fabbrika taz-zokkor abjad bl-ingrossa tal-Unjoni laħaq livell ta’ 175 % tal-prezz ta’ referenza ta’ EUR 404/tunnellata u kien ta’ madwar EUR 275/tunnellata ogħla mill-prezz tas-suq dinji. Il-prezz tal-Unjoni issa huwa stabbli f’livell ta’ madwar EUR 700/tunnellata, li huwa l-ogħla livell milħuq minn mindu saret ir-riforma tal-organizzazzjoni tas-suq taz-zokkor u jfixkel il-fluwidità ottimali tal-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni. Iż-żieda mistennija ta’ dan il-livell tal-prezz diġà għoli matul is-sena tas-suq 2012/2013 tissostanzja r-riskju ta’ tfixkil serju fis-suq li għandu jitwaqqaf permezz tal-miżuri meħtieġa.

(2)

Abbażi tal-istima tal-provvista u d-domanda għall-2012/2013, l-istokkijiet aħħarin għas-suq taz-zokkor mistennija jkunu aktar baxxi b’tal-anqas 0,5 miljun tunnellata meta mqabbla mal-2011/2012. Din iċ-ċifra diġà tqis l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn ċerti ftehimiet preferenzjali.

(3)

Min-naħa l-oħra, l-aspettattivi ta’ ħsad tajjeb iwasslu biex il-produzzjoni tiġi stmata għal madwar 5 400 000 tunnellata żejda tal-kwota taz-zokkor stabbilita fl-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Filwaqt li jitqiesu l-impenji kuntrattwali prevedibbli tal-produtturi taz-zokkor fir-rigward ta’ ċerti użi industrijali previsti fl-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament u l-impenji tal-esportazzjoni għall-2012/2013 għaz-zokkor barra mill-kwota, xorta waħda jibqgħu disponibbli kwantitajiet sostanzjali taz-zokkor barra mill-kwota ta’ mill-inqas 2 000 000 tunnellata. Parti minn dan iz-zokkor tista’ ssir disponibbli sabiex ittaffi l-provvista ristretta tas-suq tal-ikel taz-zokkor tal-Unjoni u biex jiġu evitati żidiet eċċessivi fil-prezzijiet.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-fluwidità tas-suq, jeħtieġ li jiġi rilaxxat iz-zokkor barra mill-kwota. Għandu jkun possibbli li tittieħed tali miżura kull darba li jkun meħtieġ matul is-sena tas-suq 2012/2013.

(5)

Skont l-Artikoli 186 u 188 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistgħu jittieħdu miżuri, meta meħtieġ, biex jirrimedjaw it-tfixkil fis-suq jew ir-riskju ta’ tfixkil, fejn, b’mod partikolari, dawn jirriżultaw minn żieda sinifikanti tal-prezzijiet fl-Unjoni, sakemm dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri oħra disponibbli skont dak ir-Regolament. Minħabba ċ-ċirkustanzi attwali tas-suq, ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma jipprevedix miżuri speċifiċi mmirati biex jillimitaw ix-xejra għolja fil-prezz taz-zokkor u li jippermettu l-provvista taz-zokkor bi prezzijiet raġonevoli fis-suq tal-Unjoni, għajr dawk imsejsa fuq l-Artikolu 186 ta’ dak ir-Regolament.

(6)

L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-imposta fuq l-ammont żejjed fuq iz-zokkor u l-iżoglukożju li l-produzzjoni tagħhom taqbeż il-kwota f’livell għoli biżżejjed sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet żejda. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (2), stabbilixxa dik l-imposta għal EUR 500 kull tunnellata.

(7)

Għal kwantità limitata ta’ zokkor prodotta ’l fuq mill-kwota, għandha tiġi stabbilita imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed f’livell għal kull tunnellata li tippermetti trattament ġust tal-produtturi taz-zokkor fl-Unjoni, tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni u tgħin biex titnaqqas id-differenza bejn il-prezzijiet taz-zokkor fis-suq dinji u fl-Unjoni mingħajr ma toħloq riskji ta’ akkumulazzjoni ta’ ammonti żejda fis-suq tal-Unjoni.

(8)

Billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiffissa kwoti kemm għaz-zokkor kif ukoll għall-iżoglukożju, għandha tapplika miżura simili għal kwantità xierqa ta’ iżoglukożju prodott ’il fuq mill-kwota, billi dan il-prodott tal-aħħar, sa ċertu punt, huwa sostitut kummerċjali għaz-zokkor.

(9)

Bl-għan li tiżdied il-provvista, il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikati, mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jippermettulhom li jbiegħu ċerti kwantitajiet, prodotti ’l fuq mil-limitu tal-kwota, fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed.

(10)

L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed għandha titħallas wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat.

(11)

Il-validità taċ-ċertifikati għandha tkun ta’ żmien limitat sabiex tinkoraġġixxi titjib malajr tas-sitwazzjoni tal-provvista.

(12)

L-iffissar tal-limiti massimi tal-kwantitajiet li għalihom jista’ japplika kull produttur f’perjodu wieħed ta’ applikazzjoni u r-restrizzjoni taċ-ċertifikati għal prodotti tal-produzzjoni tal-applikant stess għandhom jimpedixxu azzjonijiet spekulattivi fis-sistema maħluqa minn dan ir-Regolament.

(13)

Bl-applikazzjoni tagħhom, il-produtturi taz-zokkor għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor użati fil-produzzjoni tal-kwantità taz-zokkor li jkunu applikaw għaliha. Għandhom jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi tal-eliġibbiltà għall-applikazzjonijiet.

(14)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet li jkunu rċevew. Sabiex dawk in-notifiki jiġu ssimplifikati u standardizzati, xi mudelli għandhom isiru disponibbli.

(15)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikati jingħataw biss fil-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, għalhekk, jekk ikun meħtieġ, għandha tkun tista’ tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet irċevuti.

(16)

L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-applikanti jekk il-kwantità li applikaw għaliha kinitx approvata parzjalment jew kompletament.

(17)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqiegħed mudelli għad-dispożizzjoni.

(18)

Kwantitajiet ta’ zokkor rilaxxati fis-suq tal-Unjoni ta’ kwantitajiet żejda taċ-ċertifikati maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-imposta fuq l-ammont żejjed stipulata fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Huwa għalhekk xieraq li jiġi previst li kwalunkwe applikant li ma jwettaqx l-impenji tiegħu li jirrilaxxa fis-suq tal-Unjoni l-kwantità koperta minn ċertifikat li jingħatalu, għandu jħallas ukoll ammont ta’ EUR 500 kull tunnellata. Dan l-approċċ konsistenti huwa mmirat biex jevita l-abbuż tal-mekkaniżmu introdott b’dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet medji għaz-zokkor tal-kwota u ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti (3), iz-zokkor kopert b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jitqies bħala zokkor tal-kwota.

(20)

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (4), il-kontribuzzjonijiet u dazji oħra previsti fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor għandhom jikkostitwixxu riżorsi proprji. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi stabbilita d-data tal-istipular tal-ammonti inkwistjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tnaqqis temporanju tal-imposta fuq l-ammont żejjed

1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-ammont tal-imposta fuq l-ammont żejjed għal kwantità massima ta’ 150 000 tunnellata ta’ zokkor espressa f’zokkor abjad ekwivalenti, u ta’ 8 000 tunnellata ta’ iżoglukożju f’materja xotta, prodotti ’l fuq mill-kwota stipulata fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u rilaxxati fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2012/2013, għandu jiġi stipulat għal EUR 224 kull tunnellata.

2.   L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed prevista fil-paragrafu 1 għandha titħallas wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.

Artikolu 2

Applikazzjoni għal ċertifikati

1.   Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-produtturi taz-zokkor u l-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikat.

2.   L-applikanti jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u li ngħatatilhom allokazzjoni ta’ kwota tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2012/2013, skont l-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament.

3.   Kull applikant jista’ jippreżenta sa mhux aktar minn applikazzjoni waħda għaz-zokkor u waħda għall-iżoglukożju għal kull perjodu ta’ applikazzjoni.

4.   L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jintbagħtu permezz ta’ faks jew posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet approvata l-impriża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati b’firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/93/KE (6).

5.   Sabiex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikazzjonijiet għandhom jindikaw:

(i)

l-isem, l-indirizz u n-numru tal-VAT tal-applikant; kif ukoll

(ii)

il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u f’tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, imqarrbin mingħajr punti deċimali;

(b)

il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni f’dan il-perjodu ta’ applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, ma għandhomx jaqbżu l-50 000 tunnellata fil-każ taz-zokkor u l-2 500 tunnellata fil-każ tal-iżoglukożju;

(c)

jekk l-applikazzjoni tirrigwarda z-zokkor, l-applikant għandu jimpenja ruħu li jħallas il-prezz minimu tal-pitravi, stipulat fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għall-kwantità ta’ zokkor koperta minn ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament;

(d)

l-applikazzjoni għandha tinkiteb bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ippreżentata;

(e)

l-applikazzjoni għandha tindika referenza għal dan ir-Regolament u d-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet;

(f)

l-applikant ma għandu jintroduċi l-ebda kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

6.   Applikazzjoni li ma tiġix ippreżentata skont il-paragrafi minn 1 sa 5 ma għandhiex tkun ammissibbli.

7.   Applikazzjoni ma tistax tiġi rtirata jew emendata wara li tintbagħat, anke jekk il-kwantità li ssir l-applikazzjoni għaliha tingħata biss parzjalment.

Artikolu 3

Preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

Il-perjodu li matulu l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati għandu jintemm fis-26 ta’ Frar 2013 f’nofsinhar, ħin ta’ Brussell.

Artikolu 4

Trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-ammissibilità tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li applikazzjoni mhijiex ammissibbli, għandhom jinformaw lill-applikant mingħajr dewmien.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-ġurnata tal-Ġimgħa dwar l-applikazzjonijiet ammissibbli ppreżentati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ qabel, permezz ta’ faks jew posta elettronika. Dik in-notifika ma għandhiex tinkludi d-dejta msemmija fl-Artikolu 2(5)(a)(i). L-Istati Membri li ma kellhom ebda applikazzjoni iżda li għandhom kwoti taz-zokkor jew tal-iżoglukożju allokati lilhom għas-sena tas-suq 2012/2013, għandhom jibagħtu wkoll in-notifiki tagħhom ta’ ebda applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien.

3.   Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu definiti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni għamlet disponibbli lill-Istati Membri.

Artikolu 5

Limiti maqbuża

Meta l-informazzjoni nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tindika li l-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal ċertifikat innotifikata;

(b)

tirrifjuta applikazzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx innotifikati.

Artikolu 6

Ħruġ ta’ ċertifikati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, fl-għaxar jum ta’ xogħol ta’ wara ġimgħa li fiha jkun intemm il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikati għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2).

2.   Kull nhar ta’ Tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ zokkor u/jew iżoglukożju li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati matul il-ġimgħa ta’ qabel.

3.   Mudell taċ-ċertifkat jinsab fl-Anness.

Artikolu 7

Validità taċ-ċertifikati

Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara x-xahar tal-ħruġ.

Artikolu 8

Trasferibbiltà taċ-ċertifikati

La d-drittijiet u lanqas l-obbligi li jirriżultaw miċ-ċertifikati ma jistgħu jiġu trasferiti.

Artikolu 9

Rappurtar tal-prezzijiet

Għall-fini tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, il-kwantità ta’ zokkor mibjugħa koperta b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandha titqies bħala zokkor tal-kwota.

Artikolu 10

Monitoraġġ

1.   L-applikanti għandhom iżidu l-kwantitajiet li għalihom ingħataw ċertifikati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament man-notifiki tagħhom ta’ kull xahar previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006.

2.   Qabel il-31 ta’ Ottubru 2013, kull detentur ta’ ċertifikat skont dan ir-Regolament għandu jippreżenta lill-awtorjitajiet kompetenti tal-Istati Membri prova li l-kwantitajiet kollha koperti biċ-ċertifikati tiegħu ġew rilaxxati fis-suq tal-Unjoni. Kull tunnellata koperta b’ċertifikat iżda li ma ġietx rilaxxata fis-suq tal-Unjoni għal raġunijiet oħra minbarra forza maġġuri, għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 276 kull tunnellata.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li ma ġewx irrilaxxati fis-suq tal-Unjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-differenza bejn il-kwantità totali ta’ zokkor u iżoglukożju prodotta minn kull produttur ’il fuq mill-kwota, u bil-kwantitajiet li l-produtturi ddisponew minnhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006. Jekk il-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju ’l fuq mill-kwota ta’ produttur li jifdal ikunu inqas mill-kwantitajiet maħruġa għal dak il-produttur skont dan ir-Regolament, il-produttur għandu jħallas ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata ta’ dik id-differenza.

5.   In-notifiki previsti fil-paragrafi 3 u 4 għandhom isiru sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014.

Artikolu 11

Data ta’ stabbiliment

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, id-data tal-istabbiliment tal-intitolament tal-Unjoni għandha tkun id-data li fiha titħallas l-imposta fuq l-ammont żejjed mill-applikanti skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.

(3)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.

(4)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(5)  ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.

(6)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.


ANNESS

Mudell taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(3)

ĊERTIFIKAT

għat-tnaqqis, għas-sena tas-suq 2012/2013, tal-imposta prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006

Stat Membru:

Detentur tal-kwota:

 

Prodott:

 

Kwantitajiet li għalihom saret l-applikazzjoni:

 

Kwantitajiet li għalihom inħareġ iċ-ċertifikat:

 

Imposta mħallsa (EUR/t)

224

Għas-sena tas-suq 2012/2013, l-imposta msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 ma għandhiex tapplika għall-kwantitajiet maħruġa b’dan iċ-ċertifikat, soġġett għall-ħarsien tar-regoli stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 131/2013, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(5)(c)

Firma tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru

Data tal-ħruġ

Dan iċ-ċertifikati għandu jkun validu sa tmiem it-tieni xahar wara d-data tal-ħruġ.