12.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 119/2013

tal-11 ta’ Frar 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): trasmissjoni u tixrid ta’ sottoindiċi tal-HICP, rigward l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur (1), u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, l-Istati Membri huma meħtieġa jipproduċu indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-Konsum (HICP).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2214/96 (3) jistabilixxi is-subindiċijiet tal-HICP li għandhom jiġu prodotti mill-Istati Membri, u pprovduti lill-Kummissjoni (Eurostat) u mxerrda minnha.

(3)

Għall-inflazzjoni tal-analiżi u għall-valutazzjoni tal-konverġenza fl-Istat Membri, huwa meħtieġ li jinġabar it-tagħrif dwar l-impatt tal-bidliet ta’ taxxi fuq l-inflazzjoni. Għal dan l-għan, l-HICP għandhom addizzjonalment jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ prezzijiet tar-rati tat-taxxa kostanti minflok ma jiġu kkalkolati fuq il-prezzijiet osservati fil-forma ta’ indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum f’rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT).

(4)

Għandu jiġi stabbilit u miżmum qafas metodoloġiku komuni għall-ġbir ta’ HICP-CT, biex jinkisbu riżultati affidabbli u kumparabbli mill-Istati Membri kollha.

(5)

Tqies il-prinċipju ta’ kosteffettività skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

(6)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2214/96 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum bir-rati tat-taxxa kostanti tfisser indiċijiet li jkejlu bidliet fil-prezzijiet tal-konsum mingħajr l-impatt tal-bidliet fir-rati tat-taxxi fuq il-prodotti matul l-istess perjodu ta’ żmien.”

(2)

L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-produzzjoni u l-għoti ta’ subindiċijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet kollha (l-Anness I) li għandhom piż li jkopri aktar minn parti waħda f’elf tal-ispiża totali koperta mill-HICP. Flimkien mal-indiċi għal Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-ponderazzjoni korrispondenti lill-Kummissjoni (Eurostat).

2.   Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet ikkalkulati skont ir-rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT). Il-Kummissjoni (Eurostat), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi linji gwida li jipprovdu qafas metodoloġiku għall-kalkolu tal-indiċi u s-subindiċijiet tal-HICP-CT. Meta jkun iġġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-metodoloġija ta’ referenza, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea.

3.   L-indiċijiet għandhom jiġu pprovduti skont l-istandards u l-proċeduri għall-għoti ta’ dejta u metadejta kif stabbilit mill-Kummissjoni (Eurostat).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jieħu effett mal-indiċi għal Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.

(2)  L-opinjoni għandha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 296, 21.11.1996, p. 8.