6.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 107/2013

tal-5 ta’ Frar 2013

li jemenda l-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar livelli massimi għall-melamina f’ikel fil-laned għall-annimali domestiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/32/KE tistipula li l-użu ta’ prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali li fihom livelli ta’ sustanzi mhux mixtieqa li jaqbżu l-livelli massimi stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva huwa pprojbit.

(2)

Ġie pprovdut tagħrif li l-melamina tintuża fil-kisi ta’ laned li fihom ikel għall-annimali domestiċi u li tista’ titħallat ma’ dan l-ikel għall-annimali domestiċi. Il-bottijiet bl-istess kisi jintużaw għal ikel fil-laned u skont opinjoni xjentifika dwar il-melamina fl-ikel u l-għalf tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (2), limitu ta’ migrazzjoni speċifika (LMS) ta’ 2,5 mg/kg għal ikel fil-laned bħala tali ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt mal-ikel (3) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1282/2011 (4).

(3)

Il-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius stabbiliet il-livelli massimi għall-melamina fl-għalf u l-ikel (5) li għandhom japplikaw għall-għalf kif jinbiegħ, filwaqt li l-livelli massimi stabbiliti fid-Direttiva 2002/32/KE jikkonċernaw għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %.

(4)

Informazzjoni pprovduta dan l-aħħar uriet li l-melamina tista’ temigra fl-ikel niedi għall-annimali domestiċi mill-kisi tal-landa f’livell ogħla minn 2,5 mg/kg relattivament ma’ għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 % iżda taħt l-LMS ta’ 2,5 mg/kg fl-ikel niedi għall-annimali domestiċi. Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp fl-għarfien xjentifiku u tekniku, huwa xieraq li jiġi stabbilit il-livell massimu ta’ 2,5 mg/kg għall-melamina għall-ikel niedi fil-laned għall-annimali domestiċi fuq bażi ta’ kif jinbiegħ u dan skont dak li hu previst għal ikel fil-laned.

(5)

Għalhekk, id-Direttiva 2002/32/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.

(2)  Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) u Bord tal-EFSA dwar il-Materjali ta’ Kuntatt mal-Ikel, Enżimi, Ħwawar u Għajnuniet għall-Ipproċessar (CEF); Opinjoni Xjentifika dwar il-Melamina fl-Ikel u l-Għalf. Ġurnal tal-EFSA 2010; 8(4):1573. [145 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1573. Jinsab onlajn: http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/1573.pdf.

(3)  ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1.

(4)  ĠU L 328, 10.12.2011, p. 22.

(5)  Report on the Thirty-Third Session of the Joint FAO/WHO Food Standards Programme, Codex Alimentarius Commission, Ġinevra, l-Isvizzera, 5-9 ta’ Lulju 2010 (ALINORM 10/33/REP).


ANNESS

Ir-ringiela sebgħa tat-Taqsima I tal-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE tinbidel b’dan li ġej:

Sustanza mhux mixtieqa

Prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali

Kontenut massimu f’mg/kg (ppm) relattivament ma’ għalf b’kontenut niedi ta’ 12 %

“7.

Melamina (9)

Għalf

2,5

ħlief:

 

ikel fil-laned għall-annimali domestiċi

2,5  (*)

l-addittivi tal-għalf li ġejjin:

 

- -

l-aċidu aċetiku gwanidino (GAA);

- -

urea;

- -

bjuret.


(*)  Il-livell massimu huwa applikabbli għal ikel fil-laned għall-annimali domestiċi kif jinbiegħ.”