|
5.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 34/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 101/2013
tal-4 ta’ Frar 2013
dwar l-użu tal-aċidu lattiku biex titnaqqas il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ fuq karkassi bovini
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (2) jistipula regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozji tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, fejn b’mod partikolari jitqies il-prinċipju dwar l-implimentazzjoni ġenerali ta’ proċeduri bbażati fuq l-analiżi tal-periklu u l-punt kritiku ta’ kontroll (HACCP). |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għal operaturi tan-negozji tal-ikel. Huwa jistipula li l-operaturi tan-negozji tal-ikel ma għandhom jużaw l-ebda sustanza għajr ilma tax-xorb biex ineħħu l-kontaminazzjoni tal-wiċċ mill-prodotti li joriġinaw mill-annimali, sakemm l-użu tas-sustanza ma jkunx ġie approvat skont dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għal oġġetti tal-ikel (3) jistabbilixxi l-kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta’ implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi tan-negozji tal-ikel fl-implimentazzjoni tal-miżuri ġenerali u speċifiċi ta’ iġjene msemmija fir-Regolament (KE) Nru 852/2004. Huwa jistipula li l-operaturi tan-negozji tal-ikel iridu jiżguraw li l-oġġetti tal-ikel jikkonformaw ma’ dawk il-kriterji mikrobijoloġiċi. |
|
(4) |
Fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-użu ta’ aċidu lattiku biex titnaqqas il-kontaminazzjoni tal-wiċċ ta’ karkassi u laħam ta’ annimali bovini. |
|
(5) |
Fis-26 ta’ Lulju 2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat Opinjoni Xjentifika dwar l-evalwazzjoni tas-sikurezza u l-effikaċja tal-aċidu lattiku għat-tneħħija tal-kontaminazzjoni mikrobika tal-wiċċ minn karkassi, qatgħat u trufijiet taċ-ċanga (4). |
|
(6) |
Fl-Opinjoni tagħha, l-EFSA kkonkludiet li t-trattamenti permezz tal-aċidu lattiku għad-dekontaminazzjoni ma huma tal-ebda tħassib għas-sikurezza, sakemm is-sustanza użata tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-Unjoni għall-addittivi tal-ikel. Barra minn hekk, l-EFSA tikkonkludi li trattamenti bl-aċidu lattiku jipprovdu tnaqqis sinifikanti tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika meta mqabbla ma’ nuqqas ta’ trattament jew trattament bl-ilma tax-xorb u li huwa improbabbli li trattamenti bħal dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ reżistenza mikrobika. |
|
(7) |
L-EFSA tirrakkomanda li l-operaturi tan-negozji tal-ikel jivvalidaw l-effikaċja antimikrobika ta’ trattamenti bħal dawn skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom għall-ipproċessar u jivverifikaw il-konċentrazzjoni tal-aċidu lattiku, it-temperatura tal-applikazzjoni u fatturi oħra li jaffettwaw l-effikaċja tiegħu bħala aġent tad-dekontaminazzjoni. L-Opinjoni tal-EFSA kkonkludiet ukoll li ma hemm l-ebda implikazzjoni negattiva fuq l-ambjent li tirriżulta minn dan l-użu tal-aċidu lattiku. |
|
(8) |
Skont l-Opinjoni tal-EFSA, l-ammont residwu assorbit mil-laħam taċ-ċanga wara trattament bl-aċidu lattiku mhux se jkun aktar minn 190 mg/kg. Dan l-ammont huwa kkunsidrat bħala residwu meta mqabbel mal-ammont attiv meħtieġ għall-fini tat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni mikrobika tal-wiċċ. Barra minn hekk, dan ma għandu l-ebda effett teknoloġiku fuq il-prodott finali. Ukoll, l-ammont residwu ta’ aċidu lattiku użat biex titnaqqas il-kontaminazzjoni mikrobika tal-wiċċ huwa negliġibbli meta mqabbel mal-ammont ta’ aċidu lattiku preżenti b’mod naturali fil-laħam taċ-ċanga u dan ma huwa tal-ebda tħassib fir-rigward tas-sikurezza. F’ċerti preparazzjonijiet tal-laħam, l-imlieħ tal-aċidu lattiku huma awtorizzati bħala addittivi tal-ikel għall-fini ta’ preservazzjoni. Għal dan il-għan, ġeneralment jintużaw livelli ta’ 20 000 mg/kg. Għalhekk, l-użu tal-aċidu lattiku għall-fini tat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni mikrobika tal-wiċċ huwa distint b’mod ċar mill-użu tiegħu bħala addittiv tal-ikel. |
|
(9) |
Fid-dawl tal-Opinjoni tal-EFSA, meta jitqies li l-aċidu lattiku jista’ joffri tnaqqis sinifikanti fil-kontaminazzjoni mikrobijoloġika possibbli, huwa xieraq li l-użu tiegħu biex titnaqqas il-kontaminazzjoni tal-wiċċ ikun approvat. Dan l-użu għandu, madankollu, ikun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. L-użu tiegħu għandu jkun limitat għall-użu fuq karkassi jew nofs karkassi jew kwarti fil-livell tal-biċċerija u għandu jiġi integrat fi prattiki ta’ iġjene tajbin u sistemi bbażati fuq l-HACCP. |
|
(10) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għal addittivi tal-ikel li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-oriġini, il-kriterji ta’ purità u kwalunkwe informazzjoni meħtieġa oħra. |
|
(11) |
Skont l-Opinjoni tal-EFSA, l-aċidu lattiku użat biex titnaqqas il-kontaminazzjoni tal-wiċċ f’karkassi bovini għandu jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet għall-aċidu lattiku stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Konsegwentement, fejn l-aċidu lattiku huwa użat biex titnaqqas il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ skont dan ir-Regolament, huwa xieraq li dan l-aċidu lattiku jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2012. |
|
(12) |
L-użu tal-aċidu lattiku biex titnaqqas il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ fuq karkassi bovini jew nofs karkassi jew kwarti ma għandux jaffettwa l-obbligi tal-operatur tan-negozju tal-ikel li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iġjene fl-ikel, kif stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 2073/2005 u ma għandu bl-ebda mod jitqies bħala sostituzzjoni għal prattiki iġjeniċi tajbin waqt il-qatla u fil-proċeduri tal-operat jew bħala alternattiva għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dawk ir-Regolamenti. |
|
(13) |
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Għalhekk il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Kunsill proposta dwar din il-miżura u fl-istess żmien bagħtitha lill-Parlament Ewropew. |
|
(14) |
Fid-dawl tal-fatt li l-Kunsill ma ħax azzjoni u l-Parlament Ewropew ma opponiex il-miżura fi żmien il-perjodi applikabbli, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-operaturi tan-negozji tal-ikel jistgħu jużaw l-aċidu lattiku biex inaqqsu l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ fuq karkassi bovini jew nofs karkassi jew kwarti fil-livell tal-biċċerija f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.
(2) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.
(3) ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.
(4) The EFSA Journal 2011; 9(7):2317.
ANNESS
PARTI I
Il-kundizzjonijiet tal-użu tal-aċidu lattiku biex titnaqqas il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ ta’ karkassi bovini jew nofs karkassi jew kwarti fil-livell tal-biċċerija
|
1. |
Is-soluzzjonijiet tal-aċidu lattiku għandhom jiġu ppreparati biss minn aċidu lattiku li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2012. |
|
2. |
Is-soluzzjonijiet ta’ aċidu lattiku jridu:
|
|
3. |
Is-soluzzjonijiet tal-aċidu lattiku ma għandhomx jiġu applikati fuq karkassi b’kontaminazzjoni fekali viżibbli. |
|
4. |
L-applikazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-aċidu lattiku ma għandhom jirriżultaw fl-ebda modifika fiżika irriversibbli tal-laħam. |
PARTI II
Il-kriterji minimi tal-HACCP u l-parametri ta’ kontroll
|
1. |
It-teħid tal-kampjuni ta’ karkassi għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji mikrobijoloġiċi fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għandu jsir qabel l-applikazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-aċidu lattiku fuq il-karkassi jew in-nofs karkassi jew il-kwarti. |
|
2. |
Il-konċentrazzjoni tal-aċidu lattiku matul it-trattament trid tkun, bħala parti mill-pjan tal-HACCP, ivverifikata b’monitoraġġ perjodiku, iddokumentat u rreġistrat. |
|
3. |
It-temperatura tas-soluzzjoni tal-aċidu lattiku matul it-trattament trid, bħala parti mill-pjan tal-HACCP, tkun issorveljata kontinwament permezz ta’ kejl bl-istrumenti, iddokumentata u rreġistrata. |
PARTI III
Informazzjoni dwar it-trattament
L-operaturi tan-negozji tal-ikel li joperaw biċċeriji li fihom jintużaw soluzzjonijiet tal-aċidu lattiku biex titnaqqas il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tal-wiċċ ta’ karkassi sħaħ jew nofs karkassi jew kwarti għandhom jinformaw lill-operatur tan-negozju tal-ikel li jirċievi l-karkassi jew in-nofs karkassi jew il-kwarti ttrattati dwar dan l-użu. Din l-informazzjoni għandha tiġi ddokumentata.