2.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 91/2013

tal-31 ta’ Jannar 2013

li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-importazzjoni ta’ karawett mill-Gana u l-Indja, okra u weraq tal-kari mill-Indja u żrieragħ tad-dulliegħ min-Niġerja u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 u Nru 1152/2009

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex jitħarsu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (3), jistabbilixxi żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali.

(3)

Fost oħrajn, għal aktar minn sentejn kienet stabbilita żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali tal-importazzjonijiet fuq karawett mill-Indja fir-rigward tal-aflatossini, fuq weraq tal-kari mill-Indja fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidja, fuq karawett mill-Gana fir-rigward tal-aflatossini u fuq żrieragħ tad-dulliegħ min-Nigerja fir-rigward tal-aflatossini u għal kwazi sentejn fuq l-okra mill-Indja fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidja.

(4)

Ir-riżultati miż-żieda fil-frekwenza tal-kontrolli juru frekwenza għolja kontinwa ta’ nuqqas ta’ konformità mal-livelli massimi tal-aflatossini u l-livelli massimi tar-residwi tal-pestiċida stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għal diversi drabi kienu osservati livelli għoljin ħafna. Dawn ir-riżultati jipprovdu evidenza li l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti tal-ikel u l-għalf jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem. L-ebda titjib tas-sitwazzjoni ma seta’ jiġi osservat wara dan il-perjodu ta’ żieda fil-frekwenza tal-kontrolli fuq il-fruntieri tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma wasal l-ebda pjan ta’ azzjoni konkret u sodisfaċenti biex jissewwew l-iżbalji u n-nuqqasijiet fil-produzzjoni u fis-sistemi ta’ kontroll mill-awtoritajiet Niġerjani, Indjani, u Ganjani, minkejja t-talba espliċita mill-Kummissjoni Ewropea.

(5)

Għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali fl-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti garanziji addizzjonali fir-rigward tal-ikel u l-għalf li ġejjin mill-Indja, mill-Gana u min-Niġerja. Il-kunsinni kollha tal-karawett mill-Indja u mill-Gana, taż-żrieragħ tad-dulliegħ min-Niġerja u tal-weraq tal-kari u tal-okras mill-Indja għandhom għalhekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat li jiddikjara li l-prodotti tteħdilhom kampjun li ġie analizzat għall-preżenza tal-aflatossini jew tar-residwi tal-pestiċidi, skont il-każ, u li jkunu nstabu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(6)

Għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali l-għalf kompost u l-ikel li fih ammont sinifikanti tal-għalf u l-ikel koperti b’dan ir-Regolament għandhom ikunu wkoll inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

(7)

It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi tal-kunsinni għandhom jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Il-livelli massimi ta’ aflatossini fl-ikel huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (4) u fl-għalf permezz tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (5). Il-livelli ta’ residwi massimi għar-residwi tal-pestiċida huma stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (6). Id-dispożizzjonijiet dwar teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-kontroll tal-aflatossini fl-oġġetti tal-ikel huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (7) u fil-għalf permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (8). Id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta’ residwi ta’ pestiċidi huma stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/63/KE tal-11 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi metodi tal-Komunità ta’ teħid ta’ kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali u li tħassar id-Direttiva 79/700/KEE (9).

(8)

Sabiex tkun assigurata organizzazzjoni effiċjenti u jkun assigurat grad ta’ uniformità fil-livell tal-Unjoni tal-kontrolli fuq l-importazzjoni, huwa xieraq li jiġu stipulati f’dan ir-Regolament miżuri li huma ekwivalenti għall-miżuri eżistenti kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 għall-kontroll fiżiku fuq ir-residwi tal-pestiċidi fuq weraq tal-kari u okra mill-Indja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1152/2009 tas-27 ta’ Novembru 2009 li jimponi kundizzjonijiet straordinarji għar-regolamentazzjoni tal-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel minn ċerti pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni bl-aflatossini u li jħassar id-Deċiżjoni 2006/504/KE (10) għall-kontroll tal-aflatossini fil-karawett mill-Indja u mill-Gana u iż-żrieragħ tad-dulliegħ min-Niġerja.

(9)

Sabiex tkun assigurata organizzazzjoni effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali, huwa wkoll xieraq li “l-ewwel punt ta’ introduzzjoni” msemmi fir-Regolament (KE) Nru 1152/2009 jinbidel b’“il-punt tad-dħul magħżul” kif definit fir-Regolament (KE) Nru 669/2009.

(10)

Bil-ħsieb li jkunu mminimizzati l-effetti negattivi fuq il-kummerċ u biex l-awtoritajiet kompetenti tal-Indja, tal-Gana u tan-Niġerja jkunu jistgħu jistabbilixxu sistema xierqa ta’ kontroll, huwa xieraq li jiġi stipulat li r-rekwiżit ta’ ċertifikat tas-saħħa japplika biss għal kunsinni ta’ prodotti koperti minn dan ir-Regolament li jkunu telqu mill-pajjiż tal-oriġini wara ċerta data. Huwa importanti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali li dan il-perjodu jinżamm qasir kemm jista’ jkun.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kunsinni tal-ikel u l-għalf li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet tan-NM u l-klassifikazzjonijiet TARIC stabbiliti fl-Anness I:

(a)

Karawett bil-qoxra u bla qoxra u butir tal-karawett (għalf u ikel) li joriġinaw jew li jaslu mill-Gana;

(b)

Okra (ikel, frisk) li toriġina jew li tasal mill-Indja;

(c)

Weraq tal-kari (ikel, ħxejjex aromatiċi) li joriġina jew li jasal mill-Indja;

(d)

Karawett bil-qoxra u bla qoxra, butir tal-karawett, karawett ippreparat mod ieħor jew ippreservat (għalf u ikel) li joriġinaw jew li jaslu mill-Indja;

(e)

Żrieragħ tad-dulliegħ u prodotti dderivati minnu (ikel) li joriġinaw jew li jaslu min-Niġerja.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-ikel kompost u l-għalf, li fihom kwalunkwe ikel jew għalf imsemmi fil-paragrafu 1 fi kwantità ta’ ‘l fuq minn 20 %.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kunsinni tal-ikel u għalf imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 li huma destinati għal persuna privata għall-konsum u l-użu personali biss. F’każ ta’ dubju, il-piż tal-provi huwa tar-riċevitur tal-kunsinna.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1152/2009 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 għandhom japplikaw.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kunsinna tikkorrispondi għal lott kif imsemmi fir-Regolamenti (KE) Nru 401/2006 u 152/2009 u fid-Direttiva 2002/63/KE.

Artikolu 3

Importazzjoni fl-Unjoni

Il-kunsinni tal-ikel u l-għalf imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) jistgħu jkunu importati biss fl-Unjoni skont il-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi

1.   Kunsinni tal-ikel u l-għalf imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) għandhom ikunu akkumpanjati mir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini, jew tal-pajjiż minn fejn ġejja l-kunsinna jekk dak il-pajjiż huwa differenti mill-pajjiż tal-oriġini, sabiex tkun aċċerta l-konformità mal-:

(a)

leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-livelli massimi tal-aflatossini, għall-ikel u l-għalf imsemmija fl-Artikolu 1(1) (a), (d) u (e), inklużi komposti li fihom tali ikel jew għalf fi kwantità ta’ ‘l fuq minn 20 %;

(b)

leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidi, għall-ikel imsemmi fl-Artikolu 1 (1) (b) u (c), inkluż ikel kompost li fih tali ikel fi kwantità ta’ ‘l fuq minn 20 %.

2.   It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 iridu jitwettqu skont ir-Regolament (KE) Nru 401/2006, tal-aflatossini fl-ikel, skont ir-Regolament (KE) Nru 152/2009, għall-aflatossini fl-għalf, u skont id-Direttiva 2002/63/KE għal residwi tal-pestiċidi.

Artikolu 5

Ċertifikat tas-saħħa

1.   Il-kunsinni għandhom ikunu akkumpanjati wkoll minn ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell stabbilit fl-Anness II.

2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jkun mimli, iffirmat u vverifikat minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż minn fejn ġejja l-kunsinna jekk dak il-pajjiż huwa differenti mill-pajjiż tal-oriġini.

3.   Iċ-ċertifikati tas-saħħa għandhom jitfasslu f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-wasla, jew f’xi lingwa oħra li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jkun iddeċieda li jaċċetta.

4.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jkun validu biss għall-erba’ xhur mid-data tal-ħruġ.

Artikolu 6

Identifikazzjoni

Kull kunsinna tal-ikel u l-għalf imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) għandha tiġi identifikata b’kodiċi ta’ identifikazzjoni li jikkorrispondi mal-kodiċi ta’ identifikazzjoni miktub fuq ir-riżultati tal-kampjuni u l-analiżi msemmija fl-Artikolu 4 u ċ-ċertifikat tas-saħħa msemmija fl-Artikolu 5. Kull borża individwali, jew forma oħra ta’ ppakkjar, tal-kunsinna għandha tiġi identifikata b’dan il-kodiċi.

Artikolu 7

Notifika bil-quddiem tal-wasla tal-kunsinni

1.   L-operaturi kummerċjali tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem tad-data u l-ħin mistennija tal-wasla fiżika tal-kunsinni tal-ikel u l-għalf imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) lill-awtoritajiet kompetenti fil-Punt tad-Dħul Magħżul u dwar in-natura tal-kunsinna.

2.   Għall-fini tan-notifika minn qabel, iridu jimlew il-Parti I tad-dokument komuni tad-dħul (DKD) u jibagħtu d-dokument lill-awtorità kompetenti fil-Punt tad-Dħul Magħżul, mill-inqas ġurnata waħda tax-xogħol qabel ma tasal il-kunsinna.

3.   Biex timtela’ d-DKD fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel għandhom jieħdu kont ta’:

(a)

Għall-ikel kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) (b) u (c) ta’ dan ir-Regolament inkluż ikel kompost li fih tali ikel fi kwantità ta’ ‘l fuq minn 20 %, in-noti ta’ gwida għad-DKD stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 669/2009;

(b)

Għall-ikel u l-għalf imsemmija fl-Artikolu 1(1) (a), (d) u (e) ta’ dan ir-Regolament, inklużi komposti li fihom tali ikel jew għalf fi kwantità ta’ ‘l fuq minn 20 % in-noti ta’ gwida għad-DKD stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1152/2009.

Artikolu 8

Kontrolli uffiċjali

1.   L-awtorità kompetenti fil-PDM għandha tagħmel verifiki dokumentati fuq kull kunsinna tal-ikel u l-għalf imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) li taċċerta l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

2.   L-identità u l-verifiki fiżiċi fuq l-ikel imsemmi fl-Artikolu 1(1) (a), (d) u (e) u l-ikel kompost relatat imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1152/2009 bil-frekwenza stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1152/2009 huma applikati għall-verifiki fiżiċi u ta’ identità fuq l-għalf imsemmi fl-Artikolu 1 (1) (a), (d) u (e) u fuq l-għalf kompost msemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, fejn il-kampjun għall-analiżi tal-aflatossin B1 jittieħed skont ir-Regolament (KE) Nru 152/2009 bil-frekwenza stipulata fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-verifiki fiżiċi u ta’ identità fuq l-ikel imsemmi fl-Artikolu 1(1) (b) u (e) u fuq l-ikel kompost relatat imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 8, 9 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 bil-frekwenza stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

4.   Wara li jitlestew il-kontrolli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom,

(a)

jimlew l-annotazzjonijiet relevanti tal-Parti II tad-DKD;

(b)

Jiġbru flimkien ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi mwettqa skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

jipprovdu u jimlew in-numru ta’ referenza tad-DKD fuq id-DKD;

(d)

jittimbraw u jiffirmaw id-DKD oriġinali;

(e)

jagħmlu u jżommu kopja tad-DKD iffirmata u ttimbrata.

5.   L-oriġinali tad-DKD u taċ-ċertifikat tas-saħħa li jakkumpanja r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għandhom jakkumpanjaw l-kunsinna matul it-trasport tagħha sakemm din tinħeles għaċ-ċirkulazzjoni libera. Għall-ikel imsemmi fl-Artikolu 1(1) (b) u (c), f’każ ta’ awtorizzazzjoni tat-trasportazzjoni tal-kunsinni sakemm joħorġu r-riżultati tal-verifiki fiżiċi, għandha tinħareġ kopja ċċertifikata tal-oriġinali tad-DKD għal dak il-għan.

Artikolu 9

Qsim tal-kunsinna

1.   Il-kunsinni ma għandhomx jinqasmu qabel ma jkunu tlestew l-ispezzjonijiet uffiċjali kollha, u jkun imtela kompletament id-DKD mill-awtoritàjiet kompetenti kif stipulat fl-Artikolu 8.

2.   Fil-każ li wara dan, il-kunsinna tinqasam, kopja awtentika tad-DKD trid tintbagħat ma’ kull parti tal-kunsinna sakemm dawn jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 10

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-kunsinni għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni, mill-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel jew ir-rappreżentant tagħhom lill-awtoritajiet tad-dwana, ta’ DKD mimli mill-awtorità kompetenti hekk kif il-kontrolli uffiċjali kollha jkunu twettqu u r-riżultati favorevoli li joħorġu mit-testijiet fiżiċi, fejn tali verifiki qed jintalbu, jkunu magħrufa.

Artikolu 11

Nuqqas ta’ konformità

Jekk il-kontrolli uffiċjali jistabbilixxu li hemm nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha timla l-Parti III tad-DKD u għandha tittieħed azzjoni skont l-Artikoli 19, 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 12

Rapporti

L-Istati Membri għandhom, kull tliet xhur, jissottomettu lill-Kummissjoni rapport tar-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinni tal-għalf u l-ikel skont dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat matul ix-xahar li jaħbat wara kull taqsima ta’ tliet xhur fis-sena.

Ir-rapport għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

in-numru ta’ kunsinni importati;

in-numru ta’ kunsinni li minnhom ittieħdu l-kampjuni għall-analiżi;

ir-riżultati tal-verifiki kif stipulat fl-Artikolu 8(2) u (3);

Artikolu 13

Spejjeż

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali inkluż it-teħid tal-kampjuni, l-analiżi, il-ħażna u kull miżura li tittieħed wara nuqqas ta’ konformità għandu jagħmel tajjeb għalihom l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel.

Artikolu 14

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 669/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 qed jiġi emendat skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1152/2009

Ir-Regolament (UE) Nru 1152/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 2, il-punt (b) li ġej jitħassar:

“(b)

“l-ewwel punt ta’ introduzzjoni” huwa l-punt minn fejn tgħaddi kunsinna biex tidħol għall-ewwel darba fil-Komunità”

u jinbidel b’:

(b)   “Il-punt tad-dħul magħżul (PDM): tfisser il-punt tad-dħul kif definit fl-Artikolu 3 (b) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009”.

2.

Fl-Artikolu 5, l-ewwel u t-tieni paragrafu, l-Artikolu 7 (2) u (3) u fl-Anness II, taħt Ġenerali, il-Kaxxa I.4, il-Kaxxa I.9, il-Kaxxa II.5, il-Kaxxa II.6, il-Kaxxa II.8, il-Kaxxa II.9 u l-Kaxxa III.1 It-terminu “l-ewwel punt ta’ introduzzjoni” jinbidel b’“PDM”.

Artikolu 16

Miżura tranżitorja

B’deroga mill-Artikoli 4(1) u 5(1), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-kunsinni tal-għalf u l-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) li ntbagħtu mill-pajjiż tal-oriġini qabel it-18 ta’ Frar 2013 mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa u r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-18 ta’ Frar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11.

(4)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(5)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.

(6)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(7)  ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12.

(8)  ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1.

(9)  ĠU L 187, 16.7.2002, p. 30.

(10)  ĠU L 313, 28.11.2009, p. 40.


ANNESS I

Għalf u ikel mhux ta’ oriġini mill-annimali li huma soġġetti għall-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament:

Għalf u ikel

(l-użu maħsub)

Il-kodiċi NM (1)

Subdiviżjoni tat-TARIC

Pajjiż tal-oriġini

Perikli

Frekwenza ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità (%) waqt l-importazzjoni

Karawett bil-qoxra

1202 41 00

 

Il-Gana (GH)

Aflatossini

50

Karawett bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

(Għalf u Ikel)

 

Okra

ex 0709 99 90

20

L-Indja (IN)

Residwi ta’ pestiċidi analizzati b’metodi li jużaw residwi multipli bbażati fuq GC-MS u LC-MS jew b’metodi li jużaw residwu wieħed (2)

20

(Ikel - frisk)

 

Weraq tal-kari (Bergera/Murraya koenigii)

ex 1211 90 86

10

L-Indja (IN)

Residwi ta’ pestiċidi analizzati b’metodi li jużaw residwi multipli bbażati fuq GC-MS u LC-MS jew b’metodi li jużaw residwu wieħed (3)

20

(Ikel - ħxejjex aromatiċi)

 

Karawett bil-qoxra

1202 41 00

 

L-Indja (IN)

Aflatossini

20

Karawett bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

Karawett imħejji jew priżervat mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98

(Għalf u Ikel)

 

Dulliegħ (egusi, Citrullus lanatus) iż-żerriegħa u l-prodotti dderivati minnu

ex 1207 70 00 ;

10

In-Niġerja (NG)

Aflatossini

50

ex 1106 30 90 ;

30

ex 2008 99 99 ;

50

(Ikel)

 

 


(1)  Fejn huwa meħtieġ li jkunu eżaminati ċerti prodotti biss li jaqgħu taħt xi kodiċi NM u ma teżisti l-ebda subdiviżjoni taħt dak il-kodiċi fin-nomenklatura tal-prodotti, il-kodiċi NM huwa mmarkat “ex”.

(2)  Ċertifikazzjoni mill-pajjiż tal-oriġini u l-kontroll waqt l-importazzjoni mill-Istati Membri biex tkun żgurata konformità mar-Regolament (KE) Nru 396/2005 b’mod partikolari residwi ta’: l-Aċefat, il-Metamidofos, it-Triażofos, l-Endosulfan, il-Monokrotofos, il-Metomil, it-Tijodikarb, id-Diafentjuron, it-Tiametossam, il-Fipronil, l-Ossamil, l-Aċetamiprid, l-Indossakarb, il-Mandipropammid.

(3)  Ċertifikazzjoni mill-pajjiż tal-oriġini u l-kontroll waqt l-importazzjoni mill-Istati Membri biex tkun żgurata konformità mar-Regolament (KE) Nru 396/2005, b’mod partikolari residwi ta’: it-Triażofos, l-Ossidemetonmetil, il-Klorpirifos, l-Aċetamiprid, it-Tiametossam, il-Klotianidin, il-Metamidofos, l-Aċefat, il-Proparġit, il-Monokrotofos.


ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Anness I, l-annotazzjonijiet li ġejjin jitħassru:

“—

Karawett bil-qoxra

1202 41 00

 

Il-Gana (GH)

Aflatossini

50 ”

Karawett bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

(Għalf u Ikel)

 

“Weraq tal-kari (Bergera/Murraya koenigii)

ex 1211 90 86

10

L-Indja (IN)

Residwi ta’ pestiċidi analizzati b’metodi li jużaw residwi multipli bbażati fuq GC-MS u LC-MS jew b’metodi li jużaw residwu wieħed(5)

50 ”

(Ikel — ħxejjex aromatiċi friski)

 

 

“—

Karawett bil-qoxra

1202 41 00

 

L-Indja (IN)

Aflatossini

20 ”

Karawett bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

Karawett imħejji jew priżervat mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98

(Għalf u Ikel)

 

“Okra

ex 0709 99 90

20

L-Indja (IN)

Residwi ta’ pestiċidi analizzati b’metodi li jużaw residwi multipli bbażati fuq GC-MS u LC-MS jew b’metodi li jużaw residwu wieħed(2)

50 ”

(Ikel — frisk)

 

 

“Dulliegħ (egusi, Citrullus lanatus) iż-żerriegħa u l-prodotti dderivati minnu

ex 1207 70 00 ;

10

In-Niġerja (NG)

Aflatossini

50 ”

ex 1106 30 90 ;

30

ex 2008 99 99

50

(Ikel)

 

 

2.

Fl-Anness I, in-nota (2) li ġejja titħassar:

(2)

B’mod partikolari r-residwi ta’: l-Aċefat, il-Metamidofos, it-Triażofos, l-Endosulfan, il-Monokrotofos, il-Metomil, it-Tijodikarb, id-Diafentjuron, it-Tiametossam, il-Fipronil, l-Ossamil, l-Aċetamiprid, l-Indossakarb, il-Mandipropammid.”

3.

Fl-Anness I, in-nota (5) li ġejja titħassar:

(5)

B’mod partikolari r-residwi ta’: Triażofos, Ossidemeton-metil, Klorpirifos, Aċetamiprid, Tiametoksam, Klotianidin, Metamidofos, Aċefat, Proparġit, Monokrotofos.”