1.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 87/2013

tal-31 ta’ Jannar 2013

li jikkoreġi l-verżjoni Pollakka tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113(1)(a) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 121, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-verżjoni Pollakka tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat-13 ta’ Jannar 2012, dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (2) fih żball. It-test tal-ewwel żewġ tikketti stipulati fil-punt (d) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament jirreferi inkorrettament għal “l-ilbieba miksuba wara l-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa” minflok “il-prodott miksub wara l-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa”. Konsegwentement, it-tifsiriet taż-żewġ tikketti fil-verżjoni Pollakka tar-Regolament jirkbu fuq xulxin.

(2)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 għandu jigi emendat.

(3)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe preġudizzju lejn l-interessi ta’ dawk l-operaturi ekonomiċi li jkunu żammu mal-obbligu inkorrett kif stipulat fil-verżjoni Pollakka tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012, dawn għandhom jitħallew ikomplu jużaw tikketti inkorretti għal ċertu perjodu. Sabiex jitnaqqas it-tul ta’ dan il-perjodu, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Jikkonċerna biss il-verżjoni Pollakka.

Artikolu 2

Prodotti mmanifatturati u ttikkettati fl-Unjoni jew impurtati ġewwa l-Unjoni u mqiegħda f’ċirkolazzjoni ħielsa skont il-verżjoni Pollakka tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu kkumerċjalizzati sat-2 ta’ Frar 2014.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 12, 14.1.2012, p. 14.