29.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 78/2013

tas-17 ta' Jannar 2013

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja u mit-Turkija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) ("ir-Regolament bażiku"), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri provviżorji

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni"), bir-Regolament (UE) Nru 699/2012 (2) ("ir-Regolament provviżorju”) impona dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja u mit-Turkija.

(2)

Il-proċediment ingħata bidu b’notifika ta' bidu (3) ppubblikata fl-1 ta’ Novembru 2011, wara lment imressaq fl-20 ta' Settembru 2011 mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tal-Aċċessorji tal-Azzar għall-Iwweldjar tat-Truf tal-Unjoni Ewropea (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar.

(3)

Kif stipulat fil-premessa 15 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sal-30 ta' Settembru 2011 ("il-perijodu ta’ investigazzjoni" jew il-"PI"). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sa tmiem il-PI ("il-perijodu kkunsidrat").

2.   Il-proċedura sussegwenti

(4)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri anti-dumping provviżorji ("l-iżvelar provviżorju"), bosta partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub biex juru fehmiethom dwar il-konklużjonijiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(5)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tanalizza l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għall-konklużjonijiet definittivi tagħha.

3.   It-teħid tal-kampjuni

(6)

Fin-nuqqas ta' kummenti rigward il-kampjun tal-produtturi, tal-importaturi mhux relatati u tal-produtturi esportaturi tal-Unjoni, il-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi 5 sa 11 tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

4.   Miżuri fis-seħħ fir-rigward ta' pajjiżi terzi oħra

(7)

Qiegħed jittenna li hemm miżuri anti-dumping definittivi fis-seħħ fir-rigward ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew l-azzar li joriġinaw mill-Malasja, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajlandja, u b’riżultat ta’ prattiki ta’ ċirkumvenzjoni wkoll fir-rigward ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ikkunsinnati mill-Indoneżja, mis-Sri Lanka, mill-Filippini u mit-Tajwan (b’ċerti eċċezzjonijiet) (4). Il-pajjiżi msemmija fis-sentenza preċedenti għandhom jissejħu "il-pajjiżi suġġetti għal miżuri anti-dumping".

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(8)

Kif spjegat fil-premessa 17 tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (minbarra tagħmir tal-ħadid fondut, il-flanġijiet u t-tagħmir bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-azzar li ma jissaddadx) bl-ikbar dijametru ta’ barra ma jaqbiżx is-609,6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-iwweldjar tat-truf jew finijiet oħra, li bħalissa huwa klassifikabbli fil-kodiċi NM ex 7307 93 11, ex 7307 93 19 u ex 7307 99 80 (“il-prodott ikkonċernat”).

(9)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi 17 sa 20 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

C.   DUMPING

1.   Ir-Russja

1.1.   Il-valur normali

(10)

Produttur esportatur wieħed Russu qal li fil-kalkoli tal-marġni tad-dumping kellha tintuża biss id-dejta miksuba minn kumpaniji Russi u li jmur kontra l-preċiżjoni li tintuża dejta minn kumpaniji Torok. Ta’ min ifakkar li fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn xi produttur esportatur Russu, il-valur normali għar-Russja ġie stabbilit skont l-Artikolu 18(1) u 18(5) tar-Regolament bażiku abbażi tal-fatti disponibbli, jiġifieri informazzjoni miksuba mingħand dawk il-produtturi esportaturi Torok li jużaw pajpijiet u tubi tal-azzar mingħajr saldaturi Russi bħala input għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant it-talba hija b'dan miċħuda.

(11)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, il-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi 22 sa 25 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

1.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(12)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-konklużjonijiet provviżorji tal-premessi 26 u 27 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

1.3.   Tqabbil

(13)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, il-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi 28 u 29 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

1.4.   Marġni tad-dumping

(14)

Produttur esportatur wieħed Russu qal li d-dazju anti-dumping provviżorju ta’ 23,8 % mhuwiex ġustifikat fid-dawl tal-fatt li l-kumpanija tesporta biss elbows tal-azzar lejn l-Unjoni u anki dawn hija tesportahom biss fi kwantitajiet żgħar ħafna. Madankollu, l-elbows tal-azzar huma parti mill-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni u dan ma ġiex ikkontestat minn xi parti interessata. Barra minn hekk, il-kriterju biex l-importazzjonijiet fl-Unjoni jitqiesu negliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 5(7) u fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku jiġi kkunsidrat biss fil-livell tal-pajjiż kollu kemm hu u mhux individwalment għal kull kumpanija. Għaldaqstant it-talba hija b'dan miċħuda.

(15)

Produttur esportatur Russu ieħor sostna li ma kienx qed jiddampja u li dan jidher mill-fatt li f’diversi okkażjonijiet kien tilef offerti li rebħuhom kompetituri Ewropej għall-provvista ta’ elbows u bends. Kif imsemmi hawn fuq, huwa mfakkar li l-ebda produttur esportatur Russu ma kkoopera f'din l-investigazzjoni u għalhekk il-kalkoli tad-dumping għar-Russja saru skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(5) tar-Regolament bażiku abbażi tal-fatti disponibbli. Anke jekk it-talba tiġi kkunsidrata, għandu jiġi nnutat li t-telf ta' offerti li jeħduhom kompetituri tal-Unjoni bl-ebda mod ma jfisser li mhux qed isir dumping mill-produttur esportatur Russu. Għaldaqstant it-talba hija b'dan miċħuda.

(16)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-konklużjonijiet fil-premessi 30 u 31 tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(17)

Il-marġni tad-dumping fil-pajjiż kollu kemm hu li ġie ddeterminat finalment, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa kif ġej:

Kumpanija

Marġini tad-dumping

Il-kumpaniji kollha

23,8  %

2.   It-Turkija

2.1.   Il-valur normali

(18)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, il-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi 32 sa 40 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(19)

Produttur esportatur wieħed qal li l-marġni tal-profitt miksub mill-merkanzija bil-baħar, jiġifieri d-differenza bejn l-ispiża tal-ġarr mgħoddija lill-klijenti u dik imħallsa mill-produttur esportatur lill-kumpanija tat-tbaħħir, għandu jiġi inkluż fil-prezz tal-esportazzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, il-prezz tal-esportazzjoni huwa l-prezz tabilħaqq imħallas, jew dak li tabilħaqq għandu jitħallas, għall-prodott meta dan jinbiegħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż esportatur lill-Unjoni. Marġni ta’ profitt miksub mit-trasport tal-prodott lill-klijent ma jistax jitqies bħala parti mill-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott innifsu. Għaldaqstant it-talba hija b'dan miċħuda.

(20)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-konklużjonijiet provviżorji tal-premessi 41 sa 43 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.3.   Tqabbil

(21)

L-Assoċjazzjoni Torka tal-Esportaturi tal-Azzar (ÇIB) qalet li d-differenzi sinifikanti fil-prezz bejn l-aċċessorji tal-pajpijiet mingħajr saldatura u dawk iwweldjati ma tqisux sew fit-tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Madankollu, il-kumpaniji kollha li kkooperaw ressqu informazzjoni abbażi ta’ kull tranżazzjoni fir-rigward tal-bejgħ ta’ aċċessorji mingħajr saldatura u dawk iwweldjati. Dik l-informazzjoni intużat espliċitament għat-tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Fi kliem ieħor, l-aċċessorji mingħajr saldatura tqabblu biss mal-aċċessorji mingħajr saldatura u dawk iwweldjati tqabblu biss ma’ dawk iwweldjati. Għaldaqstant it-talba hi miċħuda.

(22)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar it-tqabbil, il-konklużjonijiet fil-premessa 44 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.4.   Il-marġni tad-dumping

(a)   Il-marġni tad-dumping għall-kumpaniji investigati

(23)

Qed jiġi mfakkar li l-marġni individwali tad-dumping stabbilit provviżorjament għal wieħed mit-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw ġie stabbilit abbażi tat-tqabbil tal-valur normali medju peżat mal-prezz tal-esportazzjoni medju peżat tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping ta’ dik il-kumpanija, il-konklużjonijiet provviżorji fil-premessa 46 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(24)

Il-kalkoli tad-dumping fir-rigward taż-żewġ kumpaniji l-oħra li kkooperaw urew li l-huma wettqu dumping immirat f'termini ta' perijodu partikolari ta’ żmien kif ukoll fir-rigward ta’ klijenti u reġjuni partikolari. Tabilħaqq, kien hemm mudell ċar tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom li varja b’mod sinifikanti fost ix-xerrejja u r-reġjuni kif ukoll il-perijodi ta’ żmien differenti (sa 30 % għal mudelli identiċi tal-prodott ikkonċernat). Barra minn hekk, il-kalkolu tad-dumping ibbażat fuq it-tqabbil tal-valur normali medju peżat mal-prezz tal-esportazzjoni medju peżat skont il-metodu pprovdut fl-Artikolu 2(11), l-ewwel parti tal-ewwel sentenza tar-Regolament bażiku, ma rriflettiex il-grad sħiħ ta’ dumping magħmul miż-żewġ produtturi kkonċernati, kif muri fil-premessa 27 ta' dan ir-Regolament. Il-marġni tad-dumping lanqas ma seta’ jiġi stabbilit billi jitqabblu l-valuri normali individwali mal-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni abbażi ta’ kull tranżazzjoni skont l-Artikolu 2(11), it-tieni parti tal-ewwel sentenza tar-Regolament bażiku, u dan minħabba li ma kienx hemm biżżejjed tranżazzjonijiet domestiċi ta’ valur normali hekk li jikkorrispondi mat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni kif muri fil-premessa 28.

(25)

Għalhekk, sabiex jirrifletti l-ammont sħiħ tad-dumping prattikat miż-żewġ kumpaniji kkonċernati, skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali stabbilit fuq il-bażi tal-medja differenzjata, fil-każ tagħhom, tqabbel mal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet individwali kollha tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Minħabba li t-tali metodu ta’ tqabbil huwa eċċezzjoni għall-ewwel żewġ metodi previsti fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kkontrollat bir-reqqa jekk f’dan il-każ ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jirrikorri għalih. Ġew żvelati l-kalkoli dettaljati tad-dumping, inklużi x-xejriet tal-prezz tal-esportazzjoni stabbilit. Ħadd mill-produtturi esportaturi ma kkontesta d-dejta ewlenija.

(26)

Madankollu, iż-żewġ kumpaniji li kkooperaw, is-ÇIB u l-Gvern Tork, iddikjaraw li ma ngħatatx spjega suffiċjenti dwar id-dumping selettiv stabbilit għaż-żewġ produtturi esportaturi Torok u li, f’kull każ, kull mudell ta' prezzijiet tal-esportazzjoni li seta' kien hemm ma kienx wieħed intenzjonat. Waqt seduta mal-Uffiċjal tas-Smigħ, mitluba miż-żewġ esportaturi Ċiniżi, liż-żewġ kumpaniji ngħatawlhom spjegazzjonijiet fid-dettall dwar id-dumping fil-mira stabbilit u dwar il-kalkoli tal-marġni tad-dumping li ssejjes fuqhom. Il-Kummissjoni kkjarifikat ukoll li anki jekk ma kinux intenzjonati (5), il-prattiki tagħhom kellhom l-effett ta’ dumping selettiv. Ta’ min jinnota li r-Regolament bażiku ma jeħtiġx li l-awtorità investigattiva tidentifika r-raġunijiet potenzjali għad-dumping selettiv, bħalma huma l-varjazzjonijiet fil-kambju, il-politiki tal-prezz reġjonali differenti, eċċ. Ix-xejriet tabilħaqq differenti fil-prezzijiet tal-esportazzjoni fost xerrejja, reġjuni u perijodi taż-żmien differenti, huma biżżejjed (6). B’segwitu għas-seduta tas-smigħ, liż-żewġ kumpaniji ngħatawlhom ukoll spjegazzjonijiet speċifikament marbuta magħhom. Barra minn hekk, intbagħtet Note Verbale lid-Delegazzjoni Permanenti tat-Turkija għall-Unjoni bi kjarifiki dwar id-dumping immirat stabbilit u dwar il-metodoloġija applikata għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping. Mhux biss, waqt seduta mal-Uffiċjal tas-Smigħ, mitluba mis-ÇIB, lil din ingħatawlha spjegazzjonijiet fid-dettall fir-rigward tad-dumping fil-mira stabbilit u dwar il-kalkoli tal-marġni tad-dumping li ssejjes fuqhom.

(27)

L-investigazzjoni stabbilixxiet, għal kull wieħed miż-żewġ esportaturi, tliet mudelli ċari ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni li jkopru l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tagħhom f'esportazzjoni lill-Unjoni, jiġifieri l-prezzijiet tal-esportazzjoni varjaw b'mod sinifikanti fost ix-xerrejja u r-reġjuni kif ukoll il-perijodi differenti, kif xehdet id-dejta ewlenija żvelata lill-partijiet. Dan kien ir-riżultat ta’ eżaminazzjoni serja taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ u li abbażi tagħha tqies li hu neċessarju li jsir rikors għad-dumping selettiv. Wara li ġew stabbiliti d-differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, u filwaqt li wieħed biss minn dawk it-tliet mudelli ta’ esportazzjoni jkun biżżejjed biex isir rikors għall-medja peżata fil-metodoloġija tat-tqabbil tat-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni, individwalment, dan il-metodu ta’ tqabbil tqies f’loku f’dan il-każ partikulari. Barra minn dan, għal kull waħda miż-żewġ kumpaniji, l-ammont totali ta’ dumping stabbilit bit-tqabbil tal-valur normali medju peżat mal-prezz tal-esportazzjoni medju peżat tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni (l-ewwel metodu simmetriku) ivarja b’mod sinifikanti mill-ammont ta’ dumping stabbilit bit-tabbil tal-valur normali abbażi ta’ medja peżata mal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni, individwalment (il-metodu asimmetriku), kif xehdet id-dejta ewlenija żvelata lill-partijiet. Għaldaqstant jista’ jiġi konkluż li l-użu tal-ewwel metodu simmetriku jkollu l-effett li jgħatti b’mod li ma għandux ikun id-dumping immirat li seħħ tul perijodu ta' żmien speċifiku, f'reġjuni speċifiċi u lil konsumaturi speċifiċi. Fi kliem ieħor, il-marġni tad-dumping stabbilit mill-ewwel metodu simmetriku ma jkunx jirrifletti l-grad sħiħ ta’ dumping li jkunu qed isir miż-żewġ kumpaniji kkonċernati.

(28)

Il-marġni tad-dumping ukoll ma setax jiġi stabbilit bi tqabbil tal-valuri normali individwali mal-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni abbażi ta’ kull tranżazzjoni, individwalment, skont l-Artikolu 2(11), it-tieni parti tal-ewwel sentenza tar-Regolament bażiku (it-tieni metodu simmetriku). Dan il-metodu jinvolvi li jiġu identifikati tranżazzjonijiet domestiċi individwali, li huma komparabbli ma’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni individwali, u dan filwaqt li jiġu kkunsidrati fatturi bħalma huma l-kwantità ta’ bejgħ u d-data tat-tranżazzjoni. Minħabba n-nuqqas ta' biżżejjed tranżazzjonijiet domestiċi għall-valur normali li jikkorrispondi mat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni, ma kienx possibbli li l-marġni tad-dumping jiġi stabbilit abbażi tat-tieni metodu simmetriku. Għalhekk, minħabba li ġie stabbilit mudell ta' prezzijiet tal-esportazzjoni li varjaw b’mod sinifikanti fost ix-xerrejja, ir-reġjuni u l-perijodi ta' żmien differenti u minħabba li ż-żewġ metodi simmetriċi ma kinux se jirriflettu l-grad sħiħ tad-dumping, ġie deċiż, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(11), li l-marġni tad-dumping jiġi stabbilit abbażi tal-metodu asimmetriku.

(29)

Kemm iż-żewġ kumpaniji li kkooperaw u kemm is-ÇIB stqarrew li ma kienx ġustifikat li wieħed iqabbel il-prezzijiet tal-esportazzjoni kkonvertiti f’Liri Torok, u dan minħabba li l-bejgħ lejn l-Unjoni kien sar bl-euro filwaqt li l-Lira Torka tintuża biss għal raġunijiet ta’ kontabbiltà. Kien argumentat li l-varjazzjonijiet tal-kambju bejn l-euro u l-Lira Torka kellhom effett sinifikanti fuq kif ġew stabbiliti l-prezzijiet li bla dubju jaffettwa r-riżultat tat-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni bejn perijodi ta’ żmien differenti b’mod mhux ġustifikat. Madankollu, il-prattika konsistenti tal-Kummissjoni hi li tqabbel il-prezzijiet tal-esportazzjoni u tikkalkula l-marġni tad-dumping fil-valuta użata fil-kontabbiltà tal-produtturi esportaturi li qed jikkooperaw fil-pajjiż esportatur. Ta’ min jinnota li l-ispejjeż u l-prezzijiet domestiċi użati bħala bażi għal valur normali huma espressi f’Liri Torok. B’konsegwenza, it-tqabbil tal-prezzijiet tal-esportazzjoni mal-valur normali hu rifless f’dik il-munita. Hekk, l-uniku approċċ legali biex jiġi stabbilit mudell fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, fil-qafas tal-istess kalkolu tad-dumping, huwa li jintużaw l-istess prezzijiet tal-esportazzjoni diġà espressi fil-Lira Torka. Barra minn hekk, kif jintqal hawn fuq, ir-Regolament bażiku ma jitlobx analiżi tar-raġunijiet possibbli ta’ dumping selettiv, bħalma huma l-varjazzjonijiet tal-kambju (7). Għaldaqstant it-talba hija b'dan miċħuda.

(30)

Iż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw iddikjaraw li biex jiġi stabbilit mudell ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati l-prezzijiet medji peżati ta’ tipi ta’ prodott paragunabbli u mhux il-prezzijiet medji aritmetiċi. Madankollu, l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku jirreferi għal mudell ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni u mhux għal mudell ta' prezzijiet medji peżati tal-esportazzjoni jew għal mudell ta’ valuri tal-esportazzjoni. L-użu ta’ prezz tal-esportazzjoni medju peżat jgħawweġ l-analiżi billi jqis il-volum ta’ esportazzjonijiet minflok il-prezzijiet tal-esportazzjoni biss. F’kull każ, anki meta jintużaw il-prezzijiet medji peżati minflok il-prezzijiet tal-esportazzjoni medji aritmetiċi, xorta jkun għad jista’ jiġi stabbilit mudell ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni li jvarja b’mod sinifikanti fost ix-xerrejja u r-reġjuni u l-perijodi ta’ żmien differenti. Żewġ partijiet ikkontestaw l-importanza tad-differenzi fil-mudelli tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, kemm-il darba jkun hemm minnhom, f'każ li jintużaw il-medji peżati. Ta’ min jinnota li l-partijiet ma jikkontestawx il-konklużjonijiet fattwali bbażati fuq il-medja aritmetika, li hija l-metodoloġija xierqa kif spjegat hawn fuq. Għaldaqstant din it-talba hija b'dan miċħuda.

(31)

Is-ÇIB sostniet li l-applikazzjoni tal-azzerar mhix ġustifikata u rreferiet għal Rapport mill-Korp tal-Appell tad-WTO (8) (ir-Rapport dwar il-Bed Linen) fejn il-prassi tal-azzerar nstabet li tmur kontra l-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-Dumping. Il-Qorti Ġenerali (9), madankollu, ikkonfermat li dak li joħroġ fir-Rapport dwar il-Bjankerija tas-Sodda ma japplikax f'sitwazzjoni ta' dumping immirat. Mhux biss, ir-rapport jikkonċerna biss it-teknika tal-azzerar fil-kuntest tal-ewwel metodu simmetriku u ma jistax jitqies li hu marbut ma’ dan il-mekkaniżmu meta jintuża fil-kuntest tal-metodu asimmetriku. Għalhekk, anke jekk, kif sab il-Korp tal-Appell tad-WTO, dan jista’ tabilħaqq ikun imur kontra l-Artikolu 2.4.2 tal-Kodiċi dwar l-Anti-dumping tal-1994 tal-Kodiċi u jkun inġust li titħaddem il-prattika tal-azzerar fil-kuntest tal-ewwel metodu simmetriku, u speċjalment fin-nuqqas ta’ mudell fil-prezz tal-esportazzjoni, dan ma jmurx kontra dik id-dispożizzjoni jew għall-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, u ma jkunx inġust fis-sens tal-Artikolu 2(10) ta' dak ir-Regolament, fejn iż-żewġ kundizzjonijiet għall-applikar ta’ dak il-metodu jkunu sodisfatti. Barra minn dan, il-prattika tal-azzerar ġiet ippruvata bħala matematikament neċessarja sabiex, fejn jidħlu r-riżultati li joħorġu minnha, issir distinzjoni bejn il-metodu asimmetriku u l-ewwel metodu simmetriku. Fin-nuqqas ta’ dak it-tnaqqis, il-metodu asimmetriku dejjem se jagħti l-istess riżultat bħall-ewwel metodu simmetriku. Għaldaqstant din it-talba hija b'dan miċħuda.

(32)

Barra minn hekk, is-ÇIB sostniet li l-użu tal-azzerar jikkawża ksur tar-regola tal-inqas dazju. Kien argumentat li, minħabba l-prassi tal-azzerar li ntużat, il-marġnijiet tad-dumping ġew ikkalkolati f'livell ogħla minn kif fil-fatt kellhom ikunu.

(33)

Madankollu, l-użu tal-azzerar fil-metodu asimmetriku ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-regola tal-inqas dazju. Għat-tliet kumpaniji li kkooperaw, il-marġnijiet tad-dumping, irrispettivament mill-metodoloġija użata, tqabblu mal-livelli tal-eliminazzjoni tal-ħsara tal-kumpanija biex ikun żgurat li jkun l-iktar marġni baxx mit-tnejn li jiddetermina d-dazju. Għaldaqstant it-talba hija b'dan miċħuda.

(34)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar tal-marġnijiet tad-dumping għall-kumpaniji investigati, il-konklużjonijiet fil-premessi 47 u 48 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(b)   Marġni tad-dumping għall-pajjiżi li ma kkoperawx

(35)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-marġni tad-dumping għall-kumpaniji li ma kkoperawx, il-konklużjonijiet provviżorji fil-premessa 49 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(36)

Il-marġnijiet tad-dumping stabbiliti finalment, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini tad-dumping %

Repubblika tal-Afrika t'Isfel

9,6

Sardogan

2,9

Unifit

12,1

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

16,7

D.   IL-ĦSARA

1.   Produzzjoni tal-Unjoni, industrija tal-Unjoni u l-konsum

(37)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-produzzjoni tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni u l-konsum, il-kontenut tal-premessi 51 sa 54 tar-Regolament provviżorju hu b’dan ikkonfermat.

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

2.1.   Stima kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati

(38)

Wara l-konklużjonijiet provviżorji, is-ÇIB argumentat li l-istima kumulattiva tal-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping miż-żewġ pajjiżi kkonċernati mhux lokha. Fil-prinċipju, dawn tennew il-kummenti tal-produtturi esportaturi Torok wara l-bidu u qalu li l-importazzjonijiet mir-Russja u mit-Turkija juru xejriet differenti f'termini ta' volum u ta’ prezzijiet.

(39)

F’dan ir-rigward ta’ min itenni, kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa 59 tar-Regolament provviżorju, li l-investigazzjoni stabbiliet li filwaqt li l-importazzjonijiet mit-Turkija huma relattivament stabbli f’termini ta’ volumi, l-importazzjonijiet mir-Russja qed jiżdiedu f'termini assoluti. Madankollu, minħabba tnaqqis fid-domanda fil-perijodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi qed jiżdied.

(40)

Fl-istess ħin, l-ipprezzar tagħhom ma jidhirx sostanzjalment differenti, bil-prezzijiet medji Russi jkunu xi ftit inqas, iżda qrib ħafna tal-prezzijiet medji Torok. Ta' min itenni wkoll f'dan ir-rigward li għall-kumpaniji, fiż-żewġ pajjiżi li huma, l-investigazzjoni stabbiliet traħħis sinifikanti sa madwar 30 % (ara l-premessa 65 tar-Regolament provviżorju). Konsegwentement, it-talba hija b'dan miċħuda.

(41)

Is-ÇIB argumentat ukoll li l-importazzjonijiet mit-Turkija għandhom jitqiesu insinifikanti u ġibdet l-attenzjoni li f'każ preċedenti dwar prodott simili – jiġifieri fil-każ tal-“aċċessorji ta’ pajpijiet u ta’ tubi mir-RPĊ, mill-Kroazja, mis-Slovakkja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja" (10) – l-importazzjonijiet mis-Slovakkja u mit-Tajwan ġew ikkunsidrati insinifikanti (għalkemm kienu qabżu l-limitu de minimis) u għalhekk ma kinux akkumulati mal-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping minn pajjiżi oħra.

(42)

Ta’ min jinnota, f'dan ir-rigward, li fil-każ ta' aċċessorji ta’ pajpijiet u ta’ tubi mir-RPĊ, mill-Kroazja, mis-Slovakkja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja, l-importazzjonijiet mis-Slovakkja u mit-Tajwan kienu nstabu tabilħaqq oġġett ta’ dumping u minkejja li kienu qabżu l-limitu ta’ 1 % bħala sehem mis-suq, ma kinux akkumulati ma’ importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping oħrajn. Is-sitwazzjoni f'dak il-każ, madankollu, kienet ferm differenti minn dik attwali, minħabba li l-importazzjonijiet mis-Slovakkja u mit-Tajwan kienu fil-verità qed jitilfu s-sehem mis-suq tagħhom b’mod drastiku u ma kinux meqjusa bħala sinifikanti meta mqabbla mal-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra u konsegwentement ma bdewx jitqiesu li qed jikkawżaw ħsara. B’kuntrast, fil-każ preżenti l-importazzjonijiet kemm mit-Turkija u kemm mir-Russja qed iżidu s-sehem mis-suq tagħhom u huma komparabbli fejn jidħol il-volum. Konsegwentement, it-talba hija b'dan miċħuda.

(43)

Is-ÇIB argumentat ukoll li l-importazzjonijiet mit-Turkija u mir-Russja mhumiex simili fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba li hemm “differenzi fil-konċentrazzjoni ġeografika tal-bejgħ”. Huma pprovdew statistika li turi li matul il-PI it-Turkija kkonċentrat aktar minn 70 % tal-bejgħ tagħha fuq Spanja, Franza, l-Italja u l-Polonja, filwaqt li r-Russja kkonċentrat kważi l-bejgħ kollu tagħha fuq ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja.

(44)

Ta’ min jinnota f'dan ir-rigward li d-differenzi f’dik li hi l-konċentrazzjoni ġeografika tal-bejgħ ma tistax titqies bħala indikazzjoni ta' kundizzjonijiet differenti ta’ kompetizzjoni. Billi l-Unjoni hija suq uniku, il-punt tad-dħul ta’ kull importazzjoni normalment mhux se jkun deċiżiv għall-kompetittività ta' dawk l-importazzjonijiet bejniethom u vis-à-vis l-prodott simili. Qed jittenna wkoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li l-importazzjonijiet Russi u Torok huma simili f’dak li hu prezz u li fil-każ tat-tnejn li huma kien instab li waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni u li l-kanali ta' bejgħ tagħhom huma simili. Konsegwentement, it-talba hija b'dan miċħuda.

(45)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor mill-pajjiżi kkonċernati fir-rigward tal-istima kumulattiva tal-importazzjonijiet iddampjati, il-kontenut tal-premessi 55 sa 60 tar-Regolament provviżorju huwa b'dan ikkonfermat.

2.2.   Il-volum, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet iddampjati kkonċernati, il-prezzijiet tal-importazzjoni u t-twaqqigħ fil-prezz tagħhom.

(46)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet iddampjati kkonċernati, il-prezzijiet tal-importazzjoni tagħhom u t-twaqqigħ fi prezzhom, il-kontenut tal-premessi 61 sa 65 tar-Regolament provviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

(47)

Qed jittenna li l-prodott iddampjat ikkonċernat, li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u li nbigħ fl-Unjoni, waqqa’ l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'madwar 30 %.

3.   Il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

(48)

Wara l-iżvelar provviżorju, is-ÇIB u l-Gvern Tork sostnew li minħabba li l-industrija tal-Unjoni kabbret is-sehem mis-suq tagħha b'madwar 3 % bejn l-2008 u l-PI, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-industrija tal-Unjoni ma soffritx ħsara materjali matul il-perijodu kkunsidrat.

(49)

Ta' min jinnota f'dan ir-rigward li, l-ewwel nett, fir-Regolament provviżorju kien ġie rikonoxxut b'mod ċar (ara pereżempju il-premessi 72, 86 jew 91 tar-Regolament provviżorju) li kien hemm żieda żgħira fis-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni. It-tieni nett, il-premessa 72 tar-Regolament provviżorju tiċċara li ż-żieda fis-sehem mtas-suq tirrifletti l-fatt li l-volumi tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni niżlu bi ftit inqas mill-konsum fil-perijodu kkunsidrat.

(50)

Barra minn hekk, apparti t-tnaqqis fl-istokkijiet imsemmija hawn taħt, dan huwa l-uniku indikatur ta' ħsara li juri żvilupp pożittiv matul il-perijodu kkunsidrat. Konsegwentement, it-talba hija b'dan miċħuda.

(51)

Il-Gvern Tork sostna wkoll li t-tnaqqis fl-istokk finali tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun hu indikazzjoni ta' sitwazzjoni fejn ma saritx ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

(52)

Ta’ min jinnota f'dan ir-rigward li kif inhu ddikjarat sewwasew fil-premessa 79 tar-Regolament provviżorju, l-istokk finali tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun naqas bi 18 % bejn l-2008 u l-PI.

(53)

Fl-istess ħin qed jiġi rikonoxxut li t-tnaqqis fl-istokkijiet jista’ jitqies bħala sinjal pożittiv iżda biss f’sitwazzjoni meta l-bejgħ ikun qed jikber b'pass aktar mgħaġġel mill-produzzjoni. Madankollu, dan mhux il-każ f’din l-investigazzjoni. Għall-kuntrarju, it-tnaqqis fl-istokkijiet f'dan il-każ huwa biss riflessjoni ta’ tnaqqis fil-volumi tal-produzzjoni b'pass aktar mgħaġġel mill-bejgħ. F'din is-sitwazzjoni it-tnaqqis fl-istokkijiet ma jistax jidher bħala żvilupp pożittiv. Konsegwentement, it-talba hija b'dan miċħuda.

(54)

Fin-nuqqas xi talba jew kummenti oħra, il-kontenut tal-premessi 66 sa 88 tar-Regolament provviżorju, inkluża l-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, huwa b'dan ikkonfermat.

E.   KAWŻALITÀ

1.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping

(55)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment speċifiku, il-premessi 90 sa 93 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   L-effett ta’ fatturi oħra

(56)

Wara l-iżvelar provviżorju, is-ÇIB u l-Gvern Tork sostnew li l-kawża vera ta’ xi ħsara li setgħet ġarrbet l-industrija tal-Unjoni kienet l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi minn pajjiżi terzi oħra u b'mod partikolari minn pajjiżi suġġetti għal miżuri anti-dumping.

(57)

F’dan ir-rigward qed jiġi nnutat li, kif diġà ddikjarat fil-premessa 96 tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mit-tmien pajjiżi suġġetti għal miżuri anti-dumping komplew jippenetraw is-suq tal-Unjoni minkejja li s-sehem tagħhom tas-suq naqas minn 21 % fl-2008 għal 17 % tul il-PI. Il-prezzijiet medji ta’ dawk l-importazzjonijiet huma ġeneralment irħas minn dawk tal-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Anki meta jiġi kkunsidrat id-dazju anti-dumping applikabbli, il-prezzijiet ta’ dawk l-importazzjonijiet jibqgħu baxxi u komparabbli mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Russi u Torok u huma ferm taħt il-prezzijiet medji tal-produtturi tal-Unjoni.

(58)

Madankollu, huwa nnutat li għall-pajjiżi suġġetti għal miżuri anti-dumping (kif inhu l-każ għall-pajjiżi terzi kollha) hija disponibbli biss statistika limitata u prezzijiet medji, u d-differenza fil-prezz stabbilita mhijiex neċessarjament konklużiva, u tista’ tkun riżultat ta’ taħlita ta’ prodotti differenti. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi suġġetti għal miżuri anti-dumping juru biċ-ċar xejra ’l isfel. Għalhekk toħroġ il-konklużjoni li dawn ma kinux qed jiksru r-rabta kawżali bejn il-ħsara lill-industrija tal-Unjoni u ż-żieda fl-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping mit-Turkija u r-Russja.

(59)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, is-sehem tagħhom mis-suq naqas matul il-perijodu kkunsidrat minn 7 % fl-2008 għal 6 % fil-PI, filwaqt li dawk tar-Russja u tat-Turkija żdied. Il-prezzijiet medji ta’ dawn l-importazzjonijiet kienu ġeneralment ogħla mill-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati, u kienu qrib il-prezzijiet medji tal-produtturi tal-Unjoni u bħala tali huma meqjusa li ma jiksrux ir-rabta kawżali bejn il-ħsara lill-industrija tal-Unjoni u ż-żieda fl-importazzjonijiet iddampjati mit-Turkija u mir-Russja. Konsegwentement, it-talba qiegħda tiġi miċħuda u l-konklużjoni provviżorja li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhumiex qed jiksru r-rabta kawżali hija kkonfermata.

(60)

Il-Gvern Tork argumenta wkoll li kull ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni kienet kawża taż-żieda fil-kost tal-produzzjoni li rriżultat minn tnaqqis fid-domanda.

(61)

Ta’ min jinnota f'dan ir-rigward li, kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa 101 tar-Regolament provviżorju, il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008/2009 hija x’aktarx ir-raġuni wara t-tnaqqis fil-konsum tal-aċċessorji tal-pajpijiet. Il-konsum niżel b'aktar minn 40 % bejn l-2008 u l-2009 u baqa’ f’dak il-livell baxx matul il-bqija tal-perijodu kkunsidrat (għalkemm b’ħarira żieda fil-PI). Minħabba li l-ispejjeż fissi jammontaw sa 40 % tal-ispejjeż tal-manifattura tal-produtturi tal-Unjoni, it-tnaqqis fid-domanda, fil-bejgħ u fil-produzzjoni rriżulta f’kostijiet tal-unità tal-manifattura ogħla b'mod sinifikanti. Dan ovvjament ħalla impatt importanti fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(62)

Fl-istess ħin, kwalunkwe impatt negattiv ta’ kost tal-unità tal-manifattura ogħla kien approfondit b’mod ċar mill-fatt li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu neżlin minħabba pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet u minħabba twaqqigħ sinifikanti mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mit-Turkija u mir-Russja. F'sitwazzjoni normali tas-suq, l-industrija tal-Unjoni għandu jkollha l-possibbiltà li timminimizza l-impatt ta' kwalunkwe żieda fil-kost tal-unità billi tal-inqas iżżomm il-livell normali tal-prezz, li żgur ma kienx ikun possibbli fis-sitwazzjoni ta’ pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet imraħħsa artifiċjalment kawża tad-dumping.

(63)

Konsegwentement, it-talba hija miċħuda u qed jiġi konkluż b’mod definittiv li kwalunkwe effett negattiv tal-kontrazzjoni fid-domanda mhuwiex tali li jikser ir-rabta kawżali bejn il-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet iddampjati mir-Russja u mit-Turkija.

(64)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe talba jew kummenti oħra, il-kontenut tal-premessi 94 sa 106 tar-Regolament provviżorju, inkluża l-konklużjoni illi l-importazzjonijiet li huma l-oġġett tad-dumping mill-pajjiżi kkonċernati kkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, huma b'dan ikkonfermati.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(65)

Wara l-iżvelar provviżorju, is-ÇIB iddikjara li l-impożizzjoni ta' xi miżuri kienet se twassal għal sitwazzjoni fejn l-ERNE Fittings, ilmentatur, jista’ jkollu pożizzjoni li tixbah lil dik ta’ monopolju fis-suq tal-Unjoni.

(66)

Ta' min jinnota f'dan ir-rigward li ERNE huwa biss wieħed minn żewġ ilmentaturi u li t-tieni wieħed – INTERFIT – fil-kobor huwa simili għal ERNE. Barra minn hekk, id-dejta fir-Regolament provviżorju li tikkonċerna l-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kienet tinkludi wkoll produttur terz tal-Unjoni – Virgilio CENA & Figli. Barra minn hekk, hemm numru sinifikanti ta’ kumpaniji iżgħar fl-Unjoni li jipproduċu u jbigħu l-prodott li qed jiġi investigat u hemm importazzjonijiet sinifikanti minn sorsi oħra. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jitqies li ma hemm l-ebda riskju ta’ monopolizzazzjoni mill-pożizzjoni tal-ERNE.

(67)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-premessi 107 sa 117 tar-Regolament provviżorju, inkluża l-konklużjoni li ma teżisti l-ebda raġuni soda kontra l-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati, huma b’dan ikkonfermati.

G.   MIŻURI DEFINITTIVI

1.   Livell ta’ tneħħija tal-ħsara

(68)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment speċifiku, il-kontenut tal-premessi 118 sa 120 tar-Regolament provviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

2.   Miżuri definittivi

(69)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu rigward id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u skont l-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku, huwa kkunsidrat li għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Russja u mit-Turkija fil-livell tal-marġini tad-dumping u tat-tneħħija tal-ħsara l-aktar baxxi li jinstabu, skont ir-regola tad-dazju l-aktar baxx, li f’kull każ huwa l-marġini tad-dumping.

(70)

Għar-Russja, fl-assenza ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Russi, ġie kkalkulat marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu kif spjegat fil-premessi 21 sa 31 tar-Regolament provviżorju u dak il-marġni huwa b’dan ikkonfermat.

(71)

Għat-Turkija, minħabba li l-livell tal-kooperazzjoni kien ikkunsidrat li hu relattivament baxx, il-marġni tad-dumping residwu kien ibbażat fuq metodu raġonevoli li jwassal għal marġini li huwa ogħla mill-ogħla fost il-marġini individwali tat-tliet kumpaniji li kkooperaw kif spjegat fil-premessa 49 tar-Regolament provviżorju u dak il-marġni tad-dumping residwu huwa b’dan ikkonfermat.

(72)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju proposti huma:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv %

Russja

Il-kumpaniji kollha

23,8

Turkija

Repubblika ta' l-Afrika t'Isfel

9,6

 

Sardogan

2,9

 

Unifit

12,1

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

16,7

(73)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklużivament għal importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati u manifatturati mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati manifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenifikaw minn dawn ir-rati u jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(74)

Kull talba għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju anti-dumping għal kumpanija individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew bejgħ) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni (11) minnufih flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u b’esportazzjoni assoċjata ma’, pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ. Jekk ikun il-lok, ir-Regolament għandu wara jiġi emendat kif dovut bl-aġġornament tal-lista ta’ kumpaniji li jkunu qegħdin jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali.

(75)

Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni ta' dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti aċċessorji ta’ pajpijiet u tubi tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja u mit-Turkija u l-ġbir definittiv ta' ammonti li ġew garantiti permezz tad-dazju provviżorju (“l-iżvelar finali”). Dawn ingħataw ukoll perijodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

(76)

Konsegwentement għall-iżvelar finali, waslu sottomissjonijiet mill-ilmentatur kif ukoll minn żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw mit-Turkija u mis-ÇIB. Kemm il-produtturi Torok u kemm is-ÇIB talbu għal smigħ, u dan ingħatalhom.

(77)

L-ilmentatur qabel mal-konklużjonijiet kollha li ġew żvelati. Il-kummenti bil-fomm u bil-kitba mressqa minn żewġ esportaturi Torok u mis-ÇIB kienu tennija tal-kummenti li kienu diġà saru wara l-iżvelar provviżorju. Ta’ min jinnota li ħadd mill-partijiet interessati ma kkontesta d-dejta ewlenija.

(78)

Fil-premessi 24 sa 33 tingħata ġustifikazzjoni u tweġiba għat-talba biex jiġi applikat il-metodu assimmetriku, inkluż l-azzerar, fil-kalkolu tad-dumping. L-użu tal-Lira Torka biex jiġu stabbiliti l-mudelli tal-prezz tal-esportazzjoni hu spjegat fil-premessa 29 hawn fuq, u hemm hi indirizzata wkoll it-talba rilevanti. L-użu tal-prezzijiet medji aritmetiċi minflok dawk medji peżati fl-identifikazzjoni tal-mudelli tal-prezzijiet tal-esportazzjoni hu spjegat fil-premessa 30 hawn fuq, u hemm hi indirizzata wkoll it-talba rilevanti. It-talba biex il-marġni tal-profitt miksub mit-twassil bl-ajru jiġi inkluż mal-prezz tal-esportazzjoni hi deskritta u miċħuda fil-premessa 19 hawn fuq. It-talba li ebda stima kumulattiva tal-importazzjonijiet Torok jew Russi mhix lokha fid-dawl tad-differenzi fil-konċentrazzjoni ġeografika tal-bejgħ Tork jew Russu hi deskritta u miċħuda fil-premessi 43 u 44 hawn fuq. It-talba li l-industrija tal-Unjoni ma soffriet ebda ħsara kawża taż-żieda fis-sehem tagħha mis-suq hija indirizzata u miċħuda fil-premessi 48 sa 50 hawn fuq.

(79)

Minħabba li wara l-iżvelar finali ma tressaq ebda argument li seta’ jinfluwenza r-riżultat tal-valutazzjoni tal-każ, ma hemm bżonn ta’ ebda modifika tal-konklużjonijiet kif dettaljati hawn fuq.

H.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(80)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġni ta’ dumping misjub u minħabba l-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, huwa meqjus neċessarju li l-ammonti garantiti permezz ta’ dazju anti-dumping provviżorju impost mir-Regolament provviżorju jinġabru definittivament sal-ammont tad-dazju definittiv impost,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'dan huwa impost dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (għajr għall-aċċessorji fonduti, il-flanġijiet u l-aċċessorji bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (eskluż dak li ma jsaddadx), b’dijametru estern massimu ta’ 609,6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-iwweldjar tat-truf (butt-welding) jew xi użi oħra, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7307 93 11, ex 7307 93 19 u ex 7307 99 80 (kodiċi TARIC 7307931191, 7307931193, 7307931194, 7307931195, 7307931199, 7307931991, 7307931993, 7307931994, 7307931995, 7307931999, 7307998092, 7307998093, 7307998094, 7307998095 u 7307998098) u li joriġinaw fir-Russja u t-Turkija.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni qabel id-dazju, tal-prodotti deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping %

Kodiċi addizzjonali TARIC

Russja

Il-kumpaniji kollha

23,8

Turkija

RSA Tesisat Malzemeleri San ve Ticaret AȘ, Küçükköy, Istanbul

9,6

B295

 

SARDOĞAN Endüstri ve Ticaret, Kurtköy Pendik, Istanbul

2,9

B296

 

UNIFIT BORU BAĞLANTI ELEM. END. MAM. SAN. VE TİC. AȘ, Tuzla, Istanbul

12,1

B297

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

16,7

B999

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz ta’ dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 699/2012 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja u mit-Turkija għandhom jinġabru definittivament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 203, 31.7.2012, p. 37.

(3)  ĠU C 320, 1.11.2011, p. 4.

(4)  ĠU L 275, 16.10.2008, p. 18 u ĠU L 233, 4.9.2009, p. 1.

(5)  Kawża T-274/02, Ritek Corp. and Prodisc Technology Inc. v Council [2006] ECR II 4305, paragrafu 57.

(6)  Kawża T-274/02, Ritek Corp. and Prodisc Technology Inc. v Council [2006] ECR II 4305, paragrafu 60.

(7)  Kawża T-274/02, Ritek Corp. and Prodisc Technology Inc. v Council [2006] ECR II 4305, paragrafu 51 – l-aħħar sentenza.

(8)  Rapport mill-Korp tal-Appell tad-WTO, European Communities – Anti-Dumping Duties on Imports of Cotton-Type Bed Linen from India.

(9)  Kawża T-274/02, Ritek Corp. and Prodisc Technology Inc. v Council [2006] ECR II 4305, paragrafu 98-103.

(10)  ĠU L 234, 3.10.1995, p. 4.

(11)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office N105 08/20, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.