1.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 221/11 |
REGOLI TA' PROĊEDURA
tal-kumitati permanenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati mill-Assemblea Parlamentari Euronest fit-3 ta’ Mejju 2011 u emendati fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell
2013/C 221/02
Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u b’kunsiderazzjoni għall-proposta mill-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.
Artikolu 1
Kamp ta' Applikazzjoni
1. Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ ħidma komuni għall-erba’ kumitati permanenti kollha tal-Assemblea Parlamentari EURONEST (minn hawn 'il quddiem: il-kumitati):
— |
il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; |
— |
il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Legali u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE; |
— |
il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija; |
— |
il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili. |
2. Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom japplikaw mutatis mutandis għal-laqgħat tal-kumitat mingħajr preġudizzju għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.
Artikolu 2
Kompożizzjoni
1. Il-kumitat għandu jkollu massimu ta’ 30 membru, u għandu jinkludi:
— |
15-il membru tal-Parlament Ewropew; |
— |
15-il membru mill-Parlamenti tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant li jieħdu sehem (1). |
Dan għandu jirrifletti l-konfigurazzjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.
2. Kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandu jkollu d-dritt li jkun membru ta’ wieħed mill-kumitati permanenti. F’każijiet eċċezzjonali, membru jista’ jkun membru ta’ żewġ kumitati permanenti.
3. Il-membri jinħatru skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti minn kull Parlament b’tali mod li jirriflettu kemm jista’ jkun id-distribuzzjoni tad-diversi gruppi politiċi u delegazzjonijiet irrappreżentati, rispettivament, fil-Parlament Ewropew u fil-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant.
4. Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-kumitati għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST fuq proposta tal-Bureau.
Artikolu 3
Presidenza u Bureau
1. Kull kumitat għandu jaħtar Bureau minn fost il-membri tiegħu li jikkonsisti f'żewġ Kopresidenti bl-istess status (wieħed minn kull komponent) u erba' Viċi-Presidenti (tnejn minn kull komponent), li fir-rigward tagħhom il-proċeduri elettorali u l-mandati għandhom jiġu deċiżi minn kull komponent separatament.
2. Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu flimkien min minnhom għandu jippresiedi l-laqgħa tal-Kumitat.
Artikolu 4
Sostituti
1. Kull membru sħiħ li ma jkunx jista’ jattendi għal-laqgħa tal-kumitat jista' jiġi sostitwit b’membru sostitut mill-istess komponent tal-Assemblea, soġġett għall-ftehim fost dawk iż-żewġ membri. Il-President għandu jiġi informat b’kull sostituzzjoni qabel il-bidu tal-laqgħa.
2. Fi ħdan il-kumitat, il-membru sostitut għandu jkollu l-istess drittijiet u jkun soġġett għall-istess obbligi bħala membru sħiħ.
Artikolu 5
Laqgħat
1. Il-kumitati għandhom jiltaqgħu meta jissejħu mill-Kopresidenti tagħhom, u għandhom jorganizzaw mill-anqas żewġ laqgħat fis-sena, b’waħda minnhom issir matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.
2. Fuq proposta mill-Bureau tal-kumitat, il-Kopresidenti għandhom ifasslu u jressqu l-abbozz tal-aġenda ta’ kull laqgħa tal-kumitat.
3. Il-laqgħat tal-kumitati għandhom isiru bil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Ħlief jekk kumitat jiddeċiedi mod ieħor, il-laqgħat kollha għandhom ikunu pubbliċi.
4. Il-President għandu jmexxi l-proċedimenti, jiżgura li r-Regoli ta’ Proċedura jiġi osservati, iżomm l-ordni, jagħti l-kelma lill-kelliema, jiddikjara l-għeluq tad-diskussjonijiet, iressaq il-punti għall-votazzjoni u jħabbar il-riżultat tal-votazzjoni.
5. Ebda membru ma jista’ jitkellem sakemm ma jingħatax il-kelma mill-President. Kelliem ma jistax jitwaqqaf għajr f’każ ta’ punti ta’ ordni. Jekk il-kelliem jitbiegħed mis-suġġett, il-President għandu jsejjaħlu għall-ordni u jekk dan jerġa' jseħħ, iwaqqfu mill-jitkellem fuq l-istess suġġett għall-bqija tad-dibattitu.
6. Il-President għandu jsejjaħ għall-ordni kull membru tal-kumitat li joħloq tfixkil matul il-proċedimenti. Jekk l-offiża tirrepeti ruħha, il-President jista’ jkeċċi t-trasgressur mis-sala għall-bqija tal-laqgħa.
7. Bi ftehim fost il-Bureaus tagħhom, żewġ kumitati jew aktar jistgħu, jorganizzaw laqgħat dwar suġġetti ta’ interess komuni għalihom.
Artikolu 6
Rapporti u suġġetti urġenti
1. Il-kumitati jistgħu jappuntaw Rapporteurs biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi fi ħdan il-kompetenza tagħhom u jħejju rapporti li għandhom jitressqu lill-Assemblea Parlamentari EURONEST, soġġetta għal awtorizzazzjoni mill-Bureau. L-għadd ta’ rapporti bħal dawn għandu jkun limitat, fil-prinċipju, għal rapport wieħed għal kull kumitat f’sessjoni waħda. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi, fuq talba mill-Kopresidenti tal-Kumitati, kemm-il rapport se jiġi vvotat għal kull sessjoni skont il-progress tax-xogħol għat-tħejjija tar-rapporti.
2. Fuq bażi eċċezzjonali, kumitat jista’ jipproponi suġġetti urġenti lill-Assemblea Parlamentari EURONEST. L-għadd ta’ suġġetti urġenti huwa limitat skont l-Artikolu 9, paragrafu 2, ittra b tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest.
3. Barra minn hekk, il-kumitati jistgħu jiddiskutu punti oħra fuq l-aġenda mingħajr rapport u jistgħu jinfurmaw lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari EURONEST bil-miktub li l-punti kkonċernati ġew diskussi.
4. Il-kumitati għandhom jagħtu rendikont tal-attivitajiet tagħhom lill-Assemblea Parlamentari EURONEST.
Artikolu 7
Quorum u votazzjoni
1. Il-quorum ta’ kumitat jinkiseb meta tal-anqas terz tal-membri ta’ kull komponent ikun preżent.
2. Il-voti kollha jkunu validi ikun x’ikun l-għadd ta’ votanti. Madankollu, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jitlob li l-quorum ikun stabbilit qabel jittieħed vot. Jekk wara din it-talba l-quorum ma’ jiġix stabbilit, il-votazzjoni tiġi posposta.
3. Il-kumitat jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri li ħadu sehem fil-votazzjoni. Kull membru jista' jressaq emendi sabiex jiġu eżaminati fil-kumitat. Il-kumitat jivvota permezz ta’ turija tal-idejn b’kull membru jkollu vot uniku, personali u mhux trasferibbli.
4. L-għadd tal-voti għandu jsir mill-Kummissjoni tal-Għadd, li se tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet indaqs ta’ rappreżentanti tas-segretarjati taż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-Kummissjoni tal-Għadd tinħatar mill-Bureau (jew mill-Kumitat tal-Kopresidenti) qabel il-bidu tal-laqgħa rilevanti u tirraporta r-riżultat tal-għadd tal-voti direttament lill-Kopresidenti.
5. Kull membru jista’ jressaq emendi biex jiġu kkunsidrati mill-kumitat, fi ħdan l-iskadenza mħabbar mill-Kopresidenti. L-emendi għandhom jirreferu għat-test li jkunu qed jippruvaw jemendaw u għandhom jitressqu bil-miktub. Emendi orali jistgħu jittieħdu biss jekk ikollhom l-għan li jikkoregu żbalji fattwali jew ta’ lingwaġġ. L-ebda emendi orali oħra m’għandhom jittieħdu.
6. Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni minn minimu ta’ tliet membri tal-kumitat li jappartjenu għal tal-anqas żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew li jappartjenu għal tal-anqas żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari EWRONEST, għandha ssir votazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw b’votazzjoni separata iżda li ssir fl-istess ħin. It-test ikkonċernat jiġi adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.
Artikolu 8
Arranġamenti oħra
1. Il-Parlament li jkun qed jospita laqgħa tal-kumitat għandu jkun responsabbli għall-arranġamenti prattiċi, l-assistenza u l-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni tal-laqgħa.
2. Madankollu, fuq proposta mill-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tirrakkomanda li l-kontribuzzjoni finanzjarja minn Parlamenti oħra tiġi pprovduta biex tkopri l-infiq tal-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ kumitat.
Artikolu 9
L-Interpretazzjoni tar-riżultati
Il-Kopresidenti, jew fuq talba tagħhom, il-Bureau ta’ kumitat, għandhom id-dritt li jiddeċiedu fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.
Artikolu 10
Emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti
1. L-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST abbażi tal-proposti tal-Bureau.
2. L-emendi għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni, minn minimament wieħed minn kull għaxar membri li jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, għandha ssir votazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw b’votazzjoni separata. It-test inkwistjoni għandu jitqies adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.
3. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta jittieħed il-vot, l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament wara li jiġu adottati.
(1) Mal-adeżjoni tas-Sieħeb l-ieħor tal-Ewropa tal-Lvant (il-Bjelorussja), is-siġġijiet jiġu mqassma mill-ġdid fost l-Imsieħba Ewropej tal-Lvant.