10.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/1


DIRETTIVA 2013/54/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Novembru 2013

dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 u l-infurzar tagħha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport marittimu għandha l-għan, fost l-oħrajn, li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord għall-baħħara, li ttejjeb is-sigurtà u s-sikurezza fuq il-baħar, u li tipprevjeni t-tniġġis ikkawżat mill-inċidenti marittimi.

(2)

L-Unjoni hija konxja mill-fatt li ħafna mill-inċidenti fuq il-baħar huma direttament ikkawżati minn fatturi umani, b’mod partikolari l-għejja.

(3)

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà marittima huwa li telimina t-tbaħħir li ma jilħaqx l-istandards.

(4)

Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), bix-xewqa li jinħoloq strument uniku, koerenti u aġġornat, li jiġbor fih ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali oħra dwar ix-xogħol, adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC 2006).

(5)

Skont l-Artikolu VIII tagħha, l-MLC 2006 għandha tidħol fis-seħħ 12-il xahar wara d-data li fiha jkunu ġew irreġistrati ratifiki minn tal-inqas 30 Membru tal-ILO b’sehem totali fit-tunnellaġġ gross dinji ta’ bastimenti ta’ 33 %. Din il-kondizzjoni ntlaħqet fl-20 ta’ Awwissu 2012 u għaldaqstant l-MLC 2006 daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2013.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE (3) awtorizzat lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw l-MLC 2006, u l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu hekk malajr kemm jista’ jkun.

(7)

L-MLC 2006 tistabbilixxi standards globali minimi sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-baħħara kollha għal kondizzjonijiet deċenti tal-għajxien u tax-xogħol, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom u irrispettivament mill-bandiera tal-bastimenti li fuqhom huma jservu, u biex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet indaqs.

(8)

Partijiet diversi tal-MLC 2006 ġew introdotti fi strumenti differenti tal-Unjoni - kemm fir-rigward ta’ obbligi tal-Istat tal-bandiera kif ukoll obbligi tal-Istat tal-port. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jintroduċi ċerti dispożizzjonijiet dwar il-konformità u l-infurzar, previsti fit-Titolu 5 tal-MLC 2006 fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tal-MLC 2006 li fir-rigward tagħhom ma jkunux għadhom ġew adottati d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-konformità u l-infurzar. Dawk il-partijiet jikkorrispondu għall-elementi imniżżlin fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE (4).

(9)

Id-Direttiva 2009/13/KE timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (“il-Ftehim”), anness ma’ dik id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2009/13/KE u għandha għalhekk tiżgura l-konformità ma’ dispożizzjonijiet aktar favorevoli tal-liġi tal-Unjoni f’konformitá ma dik id-Direttiva.

(10)

Għalkemm id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tirregola r-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera, tinkorpora l-iskema ta’ verifika volontarja tal-Istati Membri tal-IMO fil-liġi tal-Unjoni, u tintroduċi ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-awtoritajiet marittimi nazzjonali, Direttiva separata li tkopri l-istandards tax-xogħol marittimu tkun aktar xierqa u tirrifletti b’mod aktar ċar il-finijiet u l-proċeduri differenti mingħajr ma taffettwa d-Direttiva 2009/21/KE.

(11)

Id-Direttiva 2009/21/KE tapplika għall-Konvenzjonijiet tal-IMO. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw, jimplimentaw u jżommu sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għall-partijiet operattivi tal-attivitajiet relatati mal-Istat tal-bandiera tal-amministrazzjoni marittima tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(12)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-twettiq effettiv tal-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera fir-rigward tal-implimentazzjoni, minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, tal-partijiet rilevanti tal-MLC 2006. Meta jistabbilixxi sistema effettiva għall-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, inklużi l-ispezzjonijiet, Stat Membru jista’, fejn ikun xieraq, jagħti l-awtorizzazzjoni lil istituzzjonijiet pubbliċi, jew lil organizzazzjonijiet oħrajn fit-tifsira tar-Regolament 5.1.2 tal-MLC 2006, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

(13)

Skont l-Artikolu 2(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) il-mandat tal-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà tinkludi, bħala kompitu ewlieni, li l-Aġenzija għandha taħdem mal-Istati Membri biex tipprovdi, fuq talba tal-Istati Membri, informazzjoni adatta sabiex jiġi appoġġat il-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f’isem l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istat tal-bandiera.

(14)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(15)

L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha, taħt l-ebda ċirkostanza, twassal għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni li attwalment igawdu minnu l-baħħara skont il-liġi tal-Unjoni,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-partijiet rilevanti tal-MLC 2006. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2009/13/KE u 2009/21/KE, u għal kwalunkwe standard ogħla tal-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol għall-baħħara li jinsabu fihom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, tapplika d-definizzjoni li ġejja, flimkien mad-definizzjonijiet rilevanti mniżżlin fl-Anness għad-Direttiva 2009/13/KE:

“partijiet rilevanti tal-MLC 2006” tfisser il-partijiet tal-MLC 2006 li l-kontenut tagħhom għandu jitqies bħala li jikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet fl-Anness għad-Direttiva 2009/13/KE.

Artikolu 3

Monitoraġġ tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ infurzar u monitoraġġ effettivi u adatti, inklużi ispezzjonijiet f’intervalli previsti fl-MLC 2006, sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jissodisfaw, u jibqgħu jissodisfaw, ir-rekwiżiti tal-partijiet rilevanti tal-MLC 2006.

2.   Fir-rigward ta’ bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ anqas minn 200 li ma jwettqux vjaġġi internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu, f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet ikkonċernati tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara, jiddeċiedu li jadattaw, skont l-Artikolu II, paragrafu 6 tal-MLC 2006, il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, inklużi l-ispezzjonijiet, biex jittieħed kont tal-kondizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ tali bastimenti.

3.   Meta jwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, fejn ikun adatt, jawtorizzaw istituzzjonijiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet oħra, inklużi dawk ta’ Stat Membru ieħor, jekk dan tal-aħħar jaqbel, li huma jirrikonoxxu li għandhom kapaċità, kompetenza u indipendenza biżżejjed biex iwettqu ispezzjonijiet. Fil-każijiet kollha, Stat Membru għandu jibqa’ kompletament responsabbli għall-ispezzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara kkonċernati fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu objettivi u standards ċari li jkopru l-amministrazzjoni tas-sistemi ta’ ispezzjoni tagħhom, kif ukoll proċeduri ġenerali adegwati għall-valutazzjoni tagħhom dwar sa liema punt dawn l-objettivi u l-istandards qegħdin jinkisbu.

5.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-baħħara fuq bastimenti li jtajtu l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru jkollhom aċċess għall-Ftehim. L-aċċess jista’ jiġi pprovdut b’mod elettroniku.

Artikolu 4

Persunal inkarigat mill-monitoraġġ tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal, inkluż il-persunal mill-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti oħra (“organizzazzjonijiet rikonoxxuti” skont it-tifsira tal-MLC 2006), awtorizzat li jagħmel ispezzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 3(3) u inkarigat mill-verifika tal-implimentazzjoni adatta tal-partijiet rilevanti tal-MLC 2006, ikollu t-taħriġ, il-kompetenza, it-termini ta’ referenza, l-awtorità legali sħiħa, l-istatus u l-indipendenza meħtieġa jew mixtieqa sabiex ikunu jistgħu jwettqu dik il-verifika u jiżguraw il-konformità mal-partijiet rilevanti tal-MLC 2006. F’konformità mal-MLC 2006, l-ispetturi għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu passi, kif adatt, biex jipprojbixxu bastiment milli jħalli l-port sakemm tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

2.   L-awtorizzazzjonijiet kollha mogħtija rigward l-ispezzjonijiet għandhom, tal-anqas, jagħtu s-setgħa lill-organizzazzjoni rikonoxxuta li tirrikjedi ir-rettifika tan-nuqqasijiet li tidentifika fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara, u li twettaq ispezzjonijiet f’dak ir-rigward fuq talba tal-Istat tal-port.

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi:

(a)

sistema biex tiġi żgurata l-adegwatezza tax-xogħol imwettaq minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti, li tinkludi informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli kollha u l-istrumenti internazzjonali rilevanti; u

(b)

proċeduri għall-komunikazzjoni ma’ tali organizzazzjonijiet u s-sorveljanza tagħhom.

4.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol b’lista attwali ta’ kull organizzazzjoni rikonoxxuta li hija awtorizzata taġixxi f’ismu, u għandu jżomm din il-lista aġġornata. Il-lista għandha tispeċifika l-funzjonijiet li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti ġew awtorizzati li jwettqu.

Artikolu 5

Proċeduri ta’ lmenti abbord, trattament ta’ lmenti u miżuri korrettivi

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fil-liġijiet jew ir-regolamenti tiegħu, ikunu fis-seħħ proċeduri adatti ta’ lmenti abbord.

2.   Jekk Stat Membru jirċievi ilment li huwa ma jqisx li huwa manifestament infondat jew inkella jikseb prova li bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-partijiet rilevanti tal-MLC 2006 jew li hemm nuqqasijiet serji fil-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jinvestiga l-kwistjoni u jiżgura li tittieħed azzjoni sabiex jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas identifikat.

3.   Il-persunal li jittratta jew isir konxju minn ilmenti għandu jittratta bħala kunfidenzjali s-sors ta’ kwalunkwe protest jew ilment li jallega periklu jew nuqqas fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara jew ksur tal-liġijiet u r-regolamenti u bl-ebda mod ma għandu jgħarraf lis-sid tal-bastiment, lir-rappreżentant tas-sid tal-bastiment jew lill-operatur tal-bastiment li saret ispezzjoni bħala konsegwenza ta’ tali protest jew ilment.

Article 6

Rapporti

1.   Il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-rapporti tagħha li għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/21/KE, tinkludi l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament 5.3 tal-MLC 2006 dwar ir-responsabbiltajiet għall-provvediment tal-ħaddiema. Jekk ikun xieraq, ir-rapport jista’ jinkludi proposti għal miżuri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fis-settur marittimu.

Artikolu 7

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Marzu 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex isiru referenzi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Novembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  1 ĠU C 299, 4.10.2012, p. 153.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2013.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30).

(5)  Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132).

(6)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji[a] Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(7)  Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47)


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

“Il-Kummissjoni tqis li t-titlu ma jirriflettix b’mod xieraq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.”