3.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 261/29


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2013/47/UE

tat-2 ta’ Ottubru 2013

li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/36/UE tad-19 ta' Novembru 2012 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan (2) tipprovdi għal adattament tekniku tal-Anness II tagħha f’rabta mal-ispeċifikazzjonijiet tal-vetturi ttestjati filwaqt li tikkunsidra l-evoluzzjoni teknika tal-klassijiet differenti tal-vetturi.

(2)

L-Anness II, I, B il-punt 5.2 tad-Direttiva 2006/126/KE, kif emendat permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/36/UE, jistabbilixxi li l-vetturi tal-Kategorija A użati fit-testijiet tal-ħiliet u l-aġir għandhom ikunu konformi ma’ ċerti kriterji minimi. B’mod partikolari, il-muturi użati għat-test għandu jkollhom massa mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 180 kg, b’rata tal-potenza ta’ mill-inqas 50 kW. Jekk il-mutur jaħdem b’magna interna kombustibbli, il-kapaċità kubika trid tkun milll-inqas 600 cm3. Jekk il-mutur jaħdem b’magna tal-elettriku, il-proporzjon ta’ potenza għall-piż tal-vettura għandu jkun ta’ mill-inqas 0,25 kW/kg;

(3)

Bil-ħsieb li s-settur tat-taħriġ jitħalla jadatta t-tagħmir tiegħu inkluż il-muturi għall-evoluzzjoni teknoloġika tal-vetturi disponibbli fis-suq, għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju biex jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw l-użu tal-muturi tal-Kategorija A f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kif kienu jeżistu qabel l-emendi introdotti permezz tad-Direttiva 2012/36/UE sal-31 ta’ Diċembru 2018.

(4)

Id-Direttiva 2006/126/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-liċenzji tas-sewqan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Anness II, I, B, il-punt 5.2 tad-Direttiva 2006/126/KE dwar il-vetturi għall-Kategorija A, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użu tal-muturi tal-Kategorija A li l-massa mingħajr tagħbija tagħhom hija ta’ inqas minn 180 kg, u b’rata tal-potenza ta’ mill-inqas 40 kW iżda inqas minn 50 kW, sal-31 ta’ Diċembru 2018.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18.

(2)  ĠU L 321, 20.11.2012, p. 54.