26.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/42/UE

tat-22 ta’ Lulju 2013

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) twassal għal telf baġitarju konsiderevoli u taffettwa l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni u b'hekk l-operazzjoni tas-suq intern. Reċentement żviluppaw forom ta' frodi tat-taxxa speċifiċi, għall-għarrieda u massivi speċjalment permezz tal-użu ta' mezzi elettroniċi li jiffaċilitaw kummerċ illeġittimu rapidu fuq skala kbira.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jipprevjenu ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.

(3)

L-esperjenza reċenti wriet li l-proċedura prevista fl-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE mhix kapaċi twieġeb malajr biżżejjed għat-talbiet mill-Istati Membri għal miżuri urġenti.

(4)

L-esperjenza wriet ukoll li n-nomina tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT (reverse charge) hija, f'ċerti każijiet, miżura effettiva biex iżżomm milli jitwettqu l-frodi tal-VAT f'setturi speċifiċi.

(5)

Skont id-dispożizzjonijiet ta' reverse charge fl-Artikoli 199 u 199a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri m'għandhomx il-flessibbiltà li jirreaġixxu rapidament għal frodi għall-għarrieda u massiva fil-kategoriji ta' prodotti u servizzi li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-Artikoli. Għalhekk jeħtieġ li jsiru arranġamenti speċifiċi biex jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkostanzi.

(6)

Waqt li jiġu kkunsidrati l-każijiet ta' frodi massivi li seħħew, reazzjoni rapida u eċċezzjonali għal aktar każijiet ta' frodi għall-għarrieda hi garantita l-aħjar permezz ta' miżura speċjali ta' Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida ("MRR") li tikkonsisti fl-alternattiva li reverse charge jiġi applikat għal perijodu qasir, wara notifika adatta mill-Istat Membru kkonċernat. Sabiex tiġi żgurata li l-eżekuzzjoni tal-alternattiva tkun proporzjonata għall-problema, il-Kummissjoni, ladarba tkun fil-pussess tal-informazzjoni rilevanti, għandha jkollha perijodu qasir li fih tevalwa n-notifika u tikkonferma jekk hi toġġezzjonax għall-miżura speċjali ta' MRR. L-Istati Membri għandhom ikollhom l-opportunità li l-Kumissjoni tieħu kont tal-fehmiet tagħhom, u għandhom għalhekk ikunu infurmati totalment bin-notifika u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali pprovduta matul il-proċess. Barra minn hekk, il-Kunsill għandu mbagħad jiddeċiedi dwar kwalunkwe applikazzjoni ulterjuri tar-reverse charge permezz ta' Deċiżjoni ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(7)

L-Istat Membru li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li japplika l-miżura speċjali ta' MRR jista' jagħmel dan ladarba l-Kummissjoni tkun nnotifikat in-nuqqas ta' oġġezzjoni.

(8)

Sabiex tipprevedi l-applikazzjoni ulterjuri tar-reverse charge, fl-opportunità l-aktar bikrija u qabel l-iskadenza tal-miżura speċjali ta' MRR, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tkun soġġetta għal skadenza iqsar.

(9)

L-ipproċessar rapidu tan-notifiki tal-Istati Membri skont il-MRR ser ikun iffaċilitat jekk tiġi stabbilita formola standardizzata għal dawk in-notifiki u għall-forniment ta' kwalunkwe informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni. Is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom għaldaqstant jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni fir-rigward ta' dik il-formola standardizzata.

(10)

Peress li MRR jista' jkun biss soluzzjoni temporanja sakemm jinsabu soluzzjonijiet leġislattivi għal perijodu aktar twil bil-għan li s-sistema tal-VAT ssir aktar reżiljenti għal każijiet ta' frodi tal-VAT, il-MRR għandu japplika biss għal perijodu limitat ta' żmien.

(11)

Sabiex tiġi evalwata l-effettività tal-MRR, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport ta' valutazzjoni ġenerali dwar l-impatt tal-mekkaniżmu li jindirizza l-każijiet ta' frodi għall-għarrieda u massiva.

(12)

Billi l-objettiv tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri biex jiġu indirizzati fenomeni ta' frodi għall-għarrieda u massivi fil-qasam tal-VAT li ta' spiss ikollhom dimensjoni internazzjonali, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li huma mhumiex f'pożizzjoni individwalment biex jiġġieldu kontra ċ-ċirkwiti tal-frodi relatati ma' forom ġodda ta' kummerċ li jinvolvu diversi pajjiżi simultanjament, u għalhekk biex ikun żgurat li rispons għal dawn il-fenomeni aktar rapidu, u bħala riżultat aktar adegwat u effettiv, ikun jista' jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni Ewroepa, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif jidher fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, hekk kif jidher f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-objettiv.

(13)

Għalhekk, id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 199b

1.   Stat Membru jista', f'każijiet ta' urġenza imperattiva u f'konformità mal-paragrafi 2 u 3, jinnomina r-riċevitur bħala l-persuna responsabbli li tħallas il-VAT fuq fornimenti speċifiċi ta' prodotti u servizzi b'deroga mill-Artikolu 193 bħal miżura speċjali ta' Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida ("MRR") fil-ġlieda kontra frodi għall-għarrieda u massiva li probabbilment twassal għal telf finanzjarju konsiderevoli u rrimedjabbli.

Il-miżura speċjali ta' MRR għandha tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll adatti mill-Istat Membru, fir-rigward ta' persuni taxxabbli li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun tapplika dik il-miżura, u għandha tkun għal perijodu ta' mhux aktar minn disa' xhur.

2.   Stat Membru li jixtieq jintroduċi miżura speċjali ta' MRR kif previst fil-paragrafu 1 għandu jibgħat notifika lill-Kummissjoni permezz tal-formola standardizzata stabbilita f'konformità mal-paragrafu 4 u fl-istess waqt jibgħatha lill-Istati Membri l-oħra. L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-karatteristiċi tal-frodi, l-eżistenza ta' raġunijiet imperattivi ta' urġenza, in-natura għall-għarrieda u massiva tal-frodi u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' telf finanzjarju konsiderevoli u rrimedjabbli. Jekk il-Kummisjoni tikkunsidra li m'għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hi għandha tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi n-notifika u tispeċifika x'informazzjoni addizzjonali hi meħtieġa. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Istat membru kkonċernat għandha fl-istess waqt tintbagħat lill-Istati Membri l-oħra. Jekk l-informazzjoni addizzjonali pprovduta ma tkunx suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan fi żmien ġimgħa.

L-Istat Membru li jixtieq jintroduċi miżura speċjali ta' MRR kif previst fil-paragrafu 1 għandu fl-istess waqt jagħmel ukoll applikazzjoni lill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 395(2) u (3).

3.   Ladarba l-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hija tikkunsidra meħtieġa għall-valutazzjoni tan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, hija għandha tinnotifika lill-Istati Membri b'dan. Fejn hija toġġezzjona għall-miżura speċjali ta' MRR, hija għandha tipproduċi opinjoni negattiva fi żmien xahar ta' dik in-notifika, u għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat tal-VAT dwar dan. Fejn il-Kummissjoni ma toġġezzjonax, hija għandha tikkonferma dan bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat tal-VAT fl-istess perijodu ta' żmien. L-Istat Membru jista' jadotta l-miżura speċjali ta' MRR mid-data minn meta jirċievi dik il-konferma. Fil-valutazzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-fehmiet ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkunu ntbagħtulha bil-miktub.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi formola standardizzata biex tiġi ppreżentata n-notifika għal miżura speċjali ta' MRR msemmija fil-paragrafu 2 u tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fil-paragrafu 5.

5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) u għal dan il-għan il-kumitat għandu jkun il-kumitat stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (**).

(*)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)."

(**)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).";"

(2)

fl-Artikolu 395, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"5.   F'każijiet ta' urġenza imperattiva kif stipulati fl-Artikolu 199b(1), il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 għandha titlesta fi żmien sitt xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi l-applikazzjoni.".

Artikolu 2

Qabel l-1 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni ġenerali dwar l-impatt tal-MRR previst fil-punt 1 tal-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Opinjoni mogħtija fis-7 ta' Frar 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 31.

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p.1).