24.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/11


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Novembru 2013

dwar id-dritt għal għajnuna legali għall-persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali

2013/C 378/03

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li ssaħħaħ id-dritt għal għajnuna legali għall-persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali u għall-persuni mitluba fi proċeduri tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA (1) sabiex tikkomplimenta u trendi effettiv id-dritt ta’ aċċess għal avukat kif stabbilit fid-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Id-dritt għal għajnuna legali fi proċeduri kriminali huwa minqux fl-Artikolu 47(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u fl-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (“KEDB”). Huwa wkoll rikonoxxut fl-Artikolu 14, fil-paragrafu 3(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR). Il-prinċipji fundamentali li fuqhom għandha tissejjes is-sistema ta’ għajnuna legali huma deskritti fil-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għal Għajnuna Legali f’Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali adottati fl-20 ta’ Diċembru 2012 mill-Assemblea Ġenerali.

(3)

Il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat huma stabbiliti fid-Direttiva 2013/48/UE u l-ebda element f’din ir-Rakkomandazzjoni ma għandu jinftiehem bħala li jillimita d-drittijiet kif previst f’dik id-Direttiva.

(4)

Persuna suspettata jew akkużata fi proċeduri kriminali għandha d-dritt ta’ aċċess għal avukat minn meta tiġi mgħarrfa, permezz ta’ notifika uffiċjali jew b'mod ieħor, mill-awtoritajiet kompetenti, li hija tkun suspettata jew akkużata li kkommettiet reat kriminali, u irrispettivament minn jekk tkunx miċħuda mil-libertà. Dan id-dritt jibqa' japplika sakemm jintemmu l-proċeduri, jiġifieri sakemm jiġi finalment iddeterminat jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell. L-istess kamp ta' applikazzjoni temporali għandu japplika għad-dritt għal għajnuna legali.

(5)

It-terminu “avukat” f’din ir-Rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe persuna li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tkun ikkwalifikata u intitolata, inkluż permezz ta’ akkreditament minn korp awtorizzat, biex tipprovdi pariri u assistenza legali lil persuni suspettati jew akkużati.

(6)

It-terminu “għajnuna legali” ifisser il-finanzjament u l-assistenza mill-Istat Membru li jiggarantixxu l-użu effettiv tad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Il-finanzjament għandu jkopri l-kostijiet tad-difiża u tal-proċeduri għall-persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali u għall-persuni mitluba fi proċeduri tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

(7)

Il-persuni suspettati jew akkużati u l-persuni mitluba li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iħallsu l-kostijiet kollha tad-difiża u tal-proċeduri, jew parti minnhom, għandu jkollhom aċċess għal għajnuna legali, sa fejn din l-għajnuna tkun meħtieġa fl-interessi tal-ġustizzja.

(8)

Skont kif tistabbilixxi l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, persuna suspettata jew akkużata ma għandhiex għalfejn tafferma, lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni, li ma jkollhiex biżżejjed mezzi finanzjarji. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-“interessi tal-ġustizzja” jirrikjedux li tingħata assistenza legali bla ħlas, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li l-kriterji mhux kumulattivi li jkejlu l-gravità ta' reat li għandhom jiġu kkunsidrati huma s-severità tas-sentenza inkwistjoni, il-kumplessità tal-kawża u s-sitwazzjoni personali tal-persuna suspettata jew akkużata.

(9)

Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ddikjarat li, meta tkun kwistjoni ta' ċaħda tal-libertà, il-kriterji tal-interessi tal-ġustizzja għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu bħala li jkunu ġew issodisfati.

(10)

Id-deċiżjoni dwar jekk tingħatax l-għajnuna legali fi proċeduri kriminali għandha ssir fi żmien opportun sabiex ikun possibbli għall-persuna suspettata jew akkużata tippreżenta l-kawża tagħha b'mod konkret u effikaċi.

(11)

Minħabba l-indipendenza tal-professjoni legali, id-difiża hija essenzjalment kwistjoni ta' bejn il-persuna suspettata jew akkużata jew il-persuna mitluba, u r-rappreżentant tagħha. Sabiex jiġi żgurat standard professjonali għoli ta’ assistenza legali li jiggarantixxi proċess ġust, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi effikaċi għall-assigurazzjoni tal-kwalità ġenerali tal-avukati li joffru l-għajnuna legali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jadottaw skemi ta’ akkreditament għall-avukati li joffru l-għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tittieħed azzjoni jekk ikun hemm nuqqas fl-assistenza legali li jkun evidenti jew jekk lill-Istati Membri tinġibdilhom suffiċjentement l-attenzjoni dwar dan.

(12)

L-avukati tad-difiża, kif ukoll il-persunal involut fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar id-dritt għal għajnuna legali, bħalma huma l-prosekuturi, l-imħallfin u l-membri tal-persunal li qegħdin fuq bords dwar l-għajnuna legali, għandhom jirċievu taħriġ xieraq sabiex jiġi estiż id-dritt għall-aċċess effettiv għall-għajnuna legali.

(13)

Minħabba l-importanza tal-fiduċja bejn avukat u klijent, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom, sa fejn ikun possibbli, iqisu l-preferenza u x-xewqat tal-persuna suspettata jew akkużata fir-rigward tal-għażla tal-avukat li joffri l-għajnuna legali. Madankollu, kif diġà ġie rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-awtoritajiet jistgħu jinjoraw dawn ix-xewqat meta jkun hemm biżżejjed raġunijiet rilevanti biex jitqies li dan ikun meħtieġ fl-interessi tal-ġustizzja.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonsolida d-drittijiet fundamentali u tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. B'mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tippromwovi d-dritt għal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet għad-difiża. Hi għandha tiġi interpretata u implimentata skont il-ħtieġa.

(15)

Sakemm il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fiha drittijiet li jikkorrispondu ma' drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni ta' dawn id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-Konvenzjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jiġu interpretati u implimentati b’mod li huwa konsistenti ma’ dawn id-drittijiet, skont kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(16)

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni.

(17)

Fi żmien 48 xahar min-notifika ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunx hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri, inklużi miżuri leġiżlattivi, sabiex tiżgura li l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu kollha.

B'DAN TIRRAKKOMANDA

TAQSIMA 1

SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna d-dritt għal għajnuna legali għall-persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali u għall-persuni mitluba sottomessi għal proċeduri tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, sabiex tiżgura l-aċċess effettiv għal avukat, f'konformità mad-Direttiva 2013/48/UE.

2.

Il-persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali għandu jkollhom id-dritt għal għajnuna legali minn meta jiġu ssuspettati li jkunu wettqu reat kriminali. Dan id-dritt għandu jibqa' japplika sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri.

TAQSIMA 2

AĊĊESS GĦALL-GĦAJNUNA LEGALI

Id-dritt għal għajnuna legali

3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati u l-persuni mitluba jkunu intitolati li jirċievu għajnuna legali effettiva bil-għan li jiġi żgurat id-dritt għal proċess ġust f'konformità ma' din ir-Rakkomandazzjoni.

4.

Il-persuni suspettati jew akkużati u l-persuni mitluba għandhom, tal-anqas, jingħataw l-għajnuna legali jekk ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iħallsu għall-kostijiet kollha, jew parti minnhom, tad-difiża u tal-proċeduri, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom (“it-test tal-mezzi”), u/jew meta tali għajnuna tkun meħtieġa fl-interessi tal-ġustizzja (“it-test tal-merti”).

5.

Għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-għajnuna legali fi proċeduri kriminali ssir faċilment aċċessibbli u komprensibbli għall-persuni suspettati jew akkużati u għall-persuni mitluba, inkluż tagħrif dwar kif u fejn wieħed għandu japplika biex jingħata għajnuna bħal din, kriterji trasparenti dwar meta persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna legali, kif ukoll tagħrif dwar il-possibbiltajiet li wieħed jilmenta f’ċirkostanzi fejn l-aċċess għal għajnuna legali jiġi miċħud jew meta avukat ma jipprovdix biżżejjed assistenza legali.

It-test tal-mezzi

6.

Meta jiġi applikat rekwiżit ta’ nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti waqt li jkun qed jiġi vvalutat id-dritt għal għajnuna legali (it-test tal-mezzi), il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-applikant għandha ssir fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi bħall-introjtu, il-kapital, is-sitwazzjoni tal-familja, l-istandard tal-għajxien u l-kost ta' avukat tad-difiża. Meta l-benefiċjarju tal-għajnuna legali jkun tifel jew tifla, għandhom jitqiesu l-assi proprji tat-tifel/tifla u mhux dawk tal-ġenituri tiegħu/tagħha jew tat-tutur responsabbli.

7.

Meta jiġi kkunsidrat l-introjtu tal-familja fit-test tal-mezzi, iżda jkun hemm membri tal-familja individwali li jkunu f’kunflitt ma’ xulxin jew li ma jkollhomx aċċess ugwali għall-introjtu tal-familja, għandu jintuża biss l-introjtu tal-persuna li tkun qed tapplika għall-għajnuna legali.

8.

Huwa u jiġi determinat jekk il-persuni suspettati jew akkużati jew il-persuni mitluba jkollhomx riżorsi finanzjarji suffiċjenti, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.

9.

Jekk xi Stat Membru jiddefinixxi livell limitu li meta jinqabeż minn persuna, ikun preżunt li din kapaċi tħallas parzjalment jew totalment il-kost tad-difiża u tal-proċeduri, dan għandu jieħu inkunsiderazzjoni, huwa u jistabbilixxi dan il-livell limitu, il-fatturi msemmija fil-punt 6. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali livell limitu ma għandux iwaqqaf lill-persuni li jaqbżu l-livell limitu stabbilit milli jiksbu l-għajnuna legali fir-rigward tal-kosti kollha jew ta' xi wħud minnhom, jekk ma jkollhomx riżorsi finanzjarji suffiċjenti fil-każ partikolari li jkun qed jiġi ttrattat.

10.

Il-persuni suspettati jew akkużati u l-persuni mitluba, ma għandhomx għalfejn jaffermaw, lil hinn minn kull dubju, li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex ikopru l-kosti tad-difiża u tal-proċeduri.

It-test tal-merti

11.

Meta jiġi applikat ir-rekwiżit tal-ħtieġa jew le ta' għajnuna legali fl-interessi tal-ġustizzja (it-test tal-merti), dan għandu jinkorpora valutazzjoni tal-kumplessità tal-kawża, tas-sitwazzjoni soċjali u personali tal-persuna suspettata jew akkużata jew tal-persuni mitluba, tal-gravità tar-reat u tas-severità tal-piena potenzjali li tista' tiġġarrab. Iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha għandhom jitqiesu.

12.

F’sitwazzjonijiet fejn persuna tkun ssuspettata jew akkużata b’reat possibilment ikkastigat b'piena ta' priġunerija, u f’sitwazzjonijiet fejn l-assistenza legali hija obbligatorja, l-għoti ta’ għajnuna legali għandha titqies bħala li tkun fl-interessi tal-ġustizzja.

13.

Meta tingħata l-għajnuna legali lill-persuni suspettati jew akkużati jew lill-persuni mitluba fuq il-bażi ta’ test tal-merti, il-kosti tal-għajnuna legali jistgħu jiġu rkuprati f’każ ta’ kundanna definittiva, sakemm il-persuna jkollha biżżejjed riżorsi fil-mument tal-irkupru, f'konformità mal-punt 6 sal-punt 10.

Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali

14.

Id-deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex tingħata għajnuna legali għandhom isiru minnufih minn awtorità indipendenti kompetenti, f’perjodu ta’ żmien li jkun jippermetti lill-persuni suspettati jew akkużati u lill-persuni mitluba, iħejju d-difiża tagħhom b’mod effikaċi u konkret.

15.

Il-persuni suspettati jew akkużati u l-persuni mitluba għandu jkollhom id-dritt li jeżaminaw mill-ġdid id-deċiżjonijiet li jkunu ċaħdu l-applikazzjoni tagħhom għall-għajnuna legali, totalment jew parzjalment.

16.

Meta l-applikazzjonijiet jiġu miċħuda totalment jew parzjalment, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda jridu jingħataw bil-miktub.

TAQSIMA 3

L-EFFIKAĊJA U L-KWALITÀ TAL-GĦAJNUNA LEGALI

Il-kwalità tal-assistenza legali pprovduta fil-qafas ta' skemi ta’ għajnuna legali

17.

L-assistenza legali pprovduta fil-qafas ta' skemi ta’ għajnuna legali għandha tkun ta’ kwalità għolja sabiex tiggarantixxi s-sens ta' ġustizzja tal-proċeduri. Għal dan il-għan, fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu adottati sistemi li jiggarantixxu l-kwalità tal-għajnuna legali pprovduta mill-avukati.

18.

Jaqbel li jiġu adottati mekkaniżmi li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jissostitwixxu lill-avukati li joffru l-għajnuna legali jew li jorbtuhom iwettqu l-obbligi tal-avukati inkwistjoni jekk dawn jonqsu milli jipprovdu assistenza legali xierqa.

L-akkreditament

19.

F’kull Stat Membru għandha tiġi adottata u miżmuma sistema ta’ akkreditament għall-avukati li joffru l-għajnuna legali.

20.

L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu l-kriterji għall-akkreditament tal-avukati li joffru l-għajnuna legali, filwaqt li jikkunsidraw l-aħjar prassi.

It-taħriġ

21.

Il-persunal involut fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali fi proċeduri kriminali għandhom jirċievu t-taħriġ xieraq.

22.

Għandhom jiġu mħeġġa t-taħriġ u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ għall-avukati li jipprovdu s-servizzi ta’ għajnuna legali sabiex jiġi żgurat li l-konsulenza ġuridika u l-assistenza legali jkunu ta' kwalità għolja.

23.

L-akkreditament tal-avukati li joffru l-għajnuna legali għandu, sa fejn ikun possibbli, ikun marbut mal-obbligu li dawn jissottomettu ruħhom għal taħriġ professjonali kontinwu.

Il-ħatra tal-avukati li joffru l-għajnuna legali

24.

Il-preferenzi u x-xewqat tal-persuni suspettati jew akkużati u tal-persuni mitluba għandhom, sa fejn ikun possibbli, jitqiesu mis-sistemi nazzjonali tal-għajnuna legali meta jintgħażel l-avukat li joffri l-għajnuna legali.

25.

Is-sistema tal-għajnuna legali għandha tagħmel sforz biex tiżgura l-kontinwità billi żżomm lill-istess avukat fir-rappreżentanza legali, jekk il-persuna suspettata jew akkużata jew il-persuna mitluba tkun tixtieq li jsir dan.

26.

Għandhom jiġu adottati mekkaniżmi trasparenti u responsabbli biex jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati u l-persuni mitluba jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata dwar l-assistenza legali fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna legali, ħielsa minn kwalunkwe influwenza bla bżonn.

TAQSIMA 4

IL-ĠBIR U L-MONITORAĠĠ TAD-DEJTA

Il-ġbir tad-dejta

27.

L-Istati Membri għandhom jiġbru d-dejta dwar kwistjonijiet rilevanti biex jagħmlu segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni.

Il-monitoraġġ

28.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, sa (36 xahar min-notifika).

TAQSIMA 5

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

29.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).