30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/97


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom

2013/C 217/24

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1176/2011 tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Il-Grupp tal-Euro għandu responsabilità speċjali fil-governanza taż-żona tal-euro. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja indikat b'mod ċar l-interrelazzjonijiet mill-qrib fiż-żona tal-euro, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa għal qagħda aggregata koerenti ta' politika li tirrifletti r-riperkussjonijiet qawwija bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (l-Istati Membri taż-żona tal-euro") għal arranġamenti effettivi tal-koordinazzjoni fil-politika biex ikun hemm rispons rapidu għall-bidliet fl-ambjent ekonomiku.

(2)

L-Istati Membri taż-żona tal-euro impenjaw ruħhom għal sett ta' riformi politiċi u koordinament politiku addizzjonali b'impatt wiesa' billi ffirmaw, fit-2 ta' Marzu 2012, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinament u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Id-dħul fis-seħħ tal-hekk imsejħa Regolamenti two pack (3) ("two pack") fl-2013 se jkomplu japprofondixxu l-koordinament baġitarju u tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro.

(3)

Qed isir xogħol biex tiġi approfondita iktar l-unjoni ekonomika u monetarja ("UEM"). Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni għal pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda ġenwina. Il-pjan ta' azzjoni jidentifika ħsieb u għanijiet ta' UEM ġenwina kif ukoll l-istrumenti u l-passi li jagħmilha possibbli li jintlaħqu. Il-pjan ta' azzjoni kien maħsub li jvara dibattitu Ewropew. Fit-12 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat pjan direzzjonali lejn Unjoni Bankarja. Din il-proposta kienet akkumpanjata minn proposta għal żewġ regolamenti meħtieġa biex jiġi stabbilit mekkaniżmu uniku ta' superviżjoni. Fil-5 ta' Diċembru 2012, il-President tal-Kunsill Ewropew ħareġ rapport li kien żviluppat f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-President tal-BĊE, u li kien fih pjan direzzjonali speċifiku u limitat biż-żmien għall-ksib ta' UEM ġenwina. Dan kien strutturat madwar l-oqsma ta' qafas politiku finanzjarju, baġitarju u ekonomiku integrat u leġittimità u responsabilità demokratiċi.

Fl-14 ta' Diċembru 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar il-ħidma li trid issir fuq pjan direzzjonali għat-tlestija tal-UEM, filwaqt li jagħrfu l-interdipendenza bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-benefiċċji li l-istabilità fiż-żona tal-euro tista' ġġib lill-membri tagħha u lill-Unjoni bħala entità waħda.

(4)

Il-Parlament Ewropew kien involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew u, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina", esprima fehmietu dwar l-approfondiment tal-UEM.

(5)

Il-ġestjoni tal-kriżi taż-żona tal-euro kienet ikkaratterizzata minn rieda qawwija. L-impenn tal-Istati Membri kollha u tal-istituzzjonijiet tal-UE għas-salvagwardjar tal-integrità taż-żona tal-euro ma jistax jiġi ddubitat. Madankollu, l-effikaċja tal-governanza taż-żona tal-euro kif ukoll il-kondotta tal-ġestjoni tal-kriżi mill-Grupp tal-Euro hemm bżonn li jittejbu iktar biex jiġi żgurat bis-sħiħ il-koordinament effikaċi tal-livell taż-żona tal-euro. Hemm bżonn ukoll ta' koordinament imsaħħaħ biex wieħed jilħaq pożizzjoni politika aggregata koerenti fiż-żona tal-euro u biex jiġi żgurat li l-miżuri politiċi neċessarji jkunu implimentati. L-ilħuq ta' dawn l-għanijiet iqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini u s-swieq, u b'hekk jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro.

(6)

L-implimentazzjoni tat-two pack se jkompli jsaħħaħ is-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro. It-two pack jassenja rwol lill-Grupp tal-Euro fid-diskussjoni dwar l-abbozzi tal-baġits tal-Istati Membri individwali kif ukoll il-prospetti baġitarji għaż-żona tal-euro bħala entità waħda, bil-għan li tiġi żgurata pożizzjoni fiskali kumplessiva xierqa. Dawn id-diskussjonijiet iseħħu fuq il-bażi tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u tal-valutazzjoni kumplessiva taż-żona tal-euro u l-interazzjoni tagħhom. Għall-konsolidazzjoni fiskali fiż-żona tal-euro, l-isfida hija li l-proporzjon ta' dejn mal-PDG, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jaqbad it-triq tan-niżla. Dan jista' jsir billi jkun hemm politiki ta' konsolidazzjoni fiskali differenzjati li jiffavorixxu t-tkabbir filwaqt li jagħtu spinta lill-potenzjal ta' tkabbir taż-żona tal-euro.

Il-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbità u Tkabbir tipprevedi aġġustament baġitarju kif definit f'termini strutturali lejn valur referenzjarju nominali li tqis differenzi minn pajjiż għall-ieħor fir-riskji għas-sostenibilità, kemm fit-terminu l-qasir u kemm f'dak medju, u tippermetti stabbilizzaturi awtomatiċi biex jiffunzjonaw mat-triq lejn l-aġġustament. Il-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbità u Tkabbir tipprevedi aġġustament gradwali lejn l-OTM b'titjib strutturali annwali ta' 0,5 % bħala punt ta' riferiment. Dan jista' jkun modulat fuq bażi speċifika għall-pajjiż meta jitqiesu l-kundizzjonijiet ċikliċi u r-riskju ta' sostenibilità tad-dejn. Il-kredibilità tal-politika fiskali tul it-terminu medju jissaħħaħ jekk il-kompożizzjoni tal-infiq u d-dħul tal-gvern kellhom jirriflettu aħjar l-impatt fuq it-tkabbir tal-partiti ta' nfiq u sorsi ta' dħul differenti. Barra minn hekk, il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija jista' jitjieb b'riformi strutturali ulterjuri u bl-isfruttament tal-possibbiltajiet offerti mill-qafas fiskali eżistenti tal-UE biex jinħoloq bilanċ bejn il-ħtiġijiet ta' investiment produttiv pubbliku u l-objettivi ta' dixxiplina fiskali fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(7)

Ħafna mill-indikaturi tar-riskju relatati mas-swieq finanzjarji tal-UE u s-sentiment fis-suq tjiebu meta mqabbla mal-2012 hekk kif sfumat l-intensità taż-żieda fil-fiduċja awtosodisfaċenti u distruttiva. Madankollu, għad hemm frammentazzjoni tas-suq sinifikanti. Kundizzjonijiet imtejba ta' ffinanzjar għall-banek għadhom iridu jwasslu għal żieda fil-kreditu għall-ekonomija reali u d-differenzi sinifikanti jippersistu fost l-Istati Membri fir-rigward tal-attività ta' self bankarju u l-ispiża ta' finanzjament lis-settur privat. Il-faċilitazzjoni tat-tnaqqis fl-ingranaġġ ordinat kemm tas-settur bankarju u kemm tas-settur privat nonfinanzjarju filwaqt li jiġi sostnut il-fluss ta' kreditu ġdid għal użi produttivi fl-ekonomija reali u partikolarment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), huma l-isfida ewlenija bħalissa.

(8)

Iktar tiswija tal-karti ta' bilanċ tal-banek u iktar tisħiħ tal-minimu ta' ekwità, fejn meħtieġa, jikkontribwixxu għat-tiswija tal-kanal ta' kreditu. F'dan il-kuntest, reviżjonijiet ta' kwalità tal-assi u simulazzjonijiet ta' kriżi għandhom isiru mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) biex jipprovdu trasparenza tal-karti ta' bilanċ tal-banek, biex jidentifikaw kull parti vulnerabbli li jifdal, u b'hekk isaħħu l-fiduċja fis-settur kollu kemm hu. Ir-riskju ta' frammentazzjoni ulterjuri tas-suq finanzjarju u t-turbolenza finanzjarja juru l-importanza għall-euro li jkompli għaddej il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja filwaqt li jiġu evitati approċċi ad hoc għar-riżoluzzjonijiet bankarji.

(9)

Huma meħtieġa riformi strutturali fiż-żona tal-euro biex jitjieb it-tħaddim tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol sabiex tiġi promossa l-kompetittività, jissaħħaħ il-proċess ta' aġġustament li għaddej u tiġi ggrarantita r-riallokazzjoni sostenibbli tar-riżorsi. Barra minn hekk, ir-riformi strutturali għandhom rwol essenzjali fil-faċilitazzjoni tal-proċess ta' ribilinċjament u tnaqqis fl-ingranaġġ. Għall-Istati Membri b'defiċit, il-kisbiet fil-kompetittività jżidu l-esportazzjonijiet netti pożittivi, li jgħinu biex jirribilanċjaw ix-xejra ta' tkabbir lejn setturi kummerċjabbli inqas intensivi fix-xogħol, filwaqt li jkun hemm sostenn għall-irkupru ekonomiku u t-tnaqqis għall-proporzjonijiet tad-dejn. Fl-istess ħin, ir-riformi għat-titjib tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri b'bilanċ favorevoli fil-kont kurrenti jistgħu jikkontribwixxu għar-riallokazzjoni tar-riżorsi u jgħinu biex tingħata spinta lill-investiment fis-setturi mhux kummerċjabbli. Dan isaħħaħ ir-rwol tad-domanda domestika fil-kompożizzjoni tat-tkabbir li jagħmel l-aġġustament fiż-żona tal-euro iktar simetrika. Fl-istess ħin, il-kriżi kellha effetti asimetriċi fuq l-impjiegi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, bl-Istati Membri l-iktar milquta jkunu dawk bl-iktar kompressjoni severa ta' domanda domestika marbuta mal-bilanċi sfavorevoli tal-kont kurrenti. Fin-nuqqas ta' assorbiment effettiv u veloċi tal-qgħad ċikliku, jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom effetti ta' istereżi, fejn il-qgħad irabbi l-għeruq u jsir inqas sensittiv għad-dinamiċi tal-pagi. Għalhekk, ir-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol jibqgħu ta' importanza partikolari għall-mitigazzjoni tar-riskji għall-koeżjoni soċjali u l-potenzjal ta' tkabbir futur fiż-żona tal-euro. Bl-iffirmar tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fit-2 ta' Marzu 2012, l-Istati Membri taż-żona tal-euro impenjaw ruħhom li jiddiskutu ex ante, u fejn adatt jikkoordinaw, il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għar-riformi ekonomiċi ewlenin bil-ħsieb li jinħoloq punt ta' riferiment tal-aħjar prattiki u jaħdmu lejn politika ekonomika koordinata aktar mill-qrib. L-impatt tal-miżuri diġà adottati għandu jkun immonitorjat mill-Grupp tal-Euro, bil-ħsieb li jħeġġeġ azzjoni ulterjuri fejn ikun hemm bżonn, u biex javvanzaw l-ambizzjonijiet ta' riformi b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, individwalment u kollettivament, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Kunsill fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda b'mod partikolari fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-qafas tal-Grupp tal-Euro, fil-perijodu 2013-2014, biex:

1.

Jieħdu r-responsabbiltà għall-pożizzjoni ta' politika aggregata fiż-żona tal-euro sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro sabiex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi, u biex jagħmlu progress fil-ħidma fuq l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Jippermettu lill-Grupp tal-Euro jkollu rwol ċentrali fil-qafas ta' sorveljanza msaħħa applikabbli għall-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jikkoordina u jimmonitorja r-riformi fil-livell nazzjonali u fil-livell taż-żona tal-euro li huma neċessarji għal żona tal-euro stabbli u robusta u biex tiġi żgurata l-koerenza politika, u fit-tħejjija tas-Summits taż-Żona tal-Euro.

2.

Jiżguraw li l-Grupp tal-Euro jimmonitorja u jikkoordina l-politiki fiskali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pożizzjoni fiskali aggregata għaż-żona tal-euro bħala entità waħda biex tiġi żgurata politika fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir. Għal dan l-għan, il-Grupp tal-Euro għandu jiddiskuti l-opininjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji ta' kull Stat Membru taż-żona tal-euro, u s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji taż-żona tal-euro bħala entità waħda fuq il-bażi tal-valutazzjoni kumplessiva mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-interazzjoni tagħhom. Il-koordinament għandu jikkontribwixxi għall-iżgurar li l-pass tal-konsolidazzjoni fiskali jkun differenzjat skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tal-Istati Membri taż-żona tal-euro bl-aġġustament baġitarju definit fit-termini strutturali f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jippermetti lill-istabbilizzaturi awtomatiċi jiffunzjonaw tul it-triq tal-aġġustament u li, fid-dawl tat-tisħiħ tal-kredibilità tal-politika fiskali fit-terminu medju, il-konsolidazzjoni fiskali hija appoġġata minn taħlita ta' nfiq u dħul kumplessivament effiċjenti u li tiffavorixxi t-tkabbir u minn riformi strutturali xierqa li jqawwu l-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku.

3.

Jivvalutaw, fil-qafas tal-Grupp tal-Euro, ir-raġunijiet wara d-differenzi fir-rati tas-self speċjalment lill-SMEs fl-Istati Membri taż-żona tal-euro; jesploraw il-konsegwenzi tal-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro, u jikkontribwixxu għal modi biex jingħelbu.

4.

Filwaqt li jibnu fuq ir-rikapitalizzazzjoni u r-ristrutturazzjoni tas-snin imgħoddija, jippromwovu iktar tiswija tal-karta tal-bilanċ fost il-banek bħala mezz li jirriversja l-frammentazzjoni fis-suq uniku u jtejjeb il-fluss tal-kreditu għall-ekonomija reali, partikolarment l-SMEs. Għal din il-fini: (a) jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-karta tal-bilanċ u s-simulazzjonijiet ta' kriżi jsiru mill- Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) b'kooperazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) huma konklużi skont l-iskeda maqbula; (b) jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni meta japplikaw ir-rekwiżiti ta' kondiviżjoni tal-piżijiet fir-rikapitalizzazzjoni tal-banek; (c) jiżguraw id-disponibbiltà ta' garanziji ta' kontinġenza fiskali kredibbli fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-karti tal-bilanċ u stress tests; (d) ineħħu l-inċentivi superviżorji għall-banek biex iqabblu l-assi u l-obbligi mal-fruntieri nazzjonali; u (e) jaċċelleraw il-passi meħtieġa biex tiġi stabbilita Unjoni Bankarja, kif deskritt mill-Kunsill Ewropew.

5.

Jikkoordinaw ex ante l-pjanijiet ta' riforma ekonomika ewlenin tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, b'mod partikolari fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti u jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq iż-żona tal-euro, meta jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal Stati Membri individwali taż-żona tal-euro. Jippromwovu aġġustament ulterjuri fiż-żona tal-euro, jiżguraw korrezzjoni tal-iżbilanċi esterni u interni, fost l-oħrajn billi jsegwu bir-reqqa r-riformi li jindirizzaw id-distorsjonijiet għall-kondotta tat-tfaddil u tal-investiment fl-Istati Membri li għandhom kemm defiċits u kemm bilanċi favorevoli fil-kontijiet kurrenti. Jieħdu l-passi neċessarji għal implimentazzjoni effettiva tal-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi, b'mod partikolari billi jivvalutaw il-progress fl-impenji għar-riforma fl-Istati Membri li jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi u bl-implimentazzjoni tar-riforma fl-Istati Membri bi żbilanċi li jirrikjedu azzjoni deċiżiva biex jiġu evitati riperkussjonijiet fil-bqija taż-żona tal-euro.

6.

F'konformità mal-AGS 2013, huwa kruċjali li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu miżuri kollettivi u sinifikanti sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi u l-livelli dejjem jogħlew ta' qgħad. Is-sitwazzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa partikolarment ta' tħassib u hija rakkomandata azzjoni b'saħħitha fuq il-linji tal-Patt għal Tkabbir u Impjiegi u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE. Huma rakkomandati aktar riformi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-impjiegi, jiġi evitat l-irtirar bikri mis-suq tax-xogħol, titnaqqas l-ispiża tax-xogħol, tiġi miġġielda s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u jingħata appoġġ għall-innovazzjoni.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1); Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).