30.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 217/63 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tad-9 ta’ Lulju 2013
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja, 2012-2016
2013/C 217/16
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, imsejħa Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. |
(2) |
Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2), li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom. |
(3) |
Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro, bl-użu tal-livers, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jilħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. |
(4) |
Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2012 tal-Polonja u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja għall-perijodu 2012-2015. |
(5) |
Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012 ukoll, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (4), adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih il-Polonja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li kellha ssirlu analiżi fil-fond. |
(6) |
Il-Parlament Ewropew kien involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar l-impjiegi u l-aspetti soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013. |
(7) |
Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu ġgarantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika. |
(8) |
Fit-30 ta’ April 2013, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2013 tagħha u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2012-2016. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. |
(9) |
Il-Polonja għamlet sforzi konsiderevoli ta' konsolidazzjoni fl-2011-2012 f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika globali deterjoranti l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv leħqet skorriet u hemm bżonn ta' aktar żmien biex dan jitranġa. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm huwa ottimist. B'mod partikolari, il-konsum privat u l-investiment privat huwa mistenni jiżdied ferm aktar minn kif previst fit-tbassir tar-rebbiegħ 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li jwassal għal rata ta' tkabbir ġenerali ogħla fl-2013 (1,5 % kontra 1,1 %). L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-Programm ta' Konverġenza huwa li d-defiċit jitnaqqas għal 3,5 % tal-PDG sal-2013 (sena wara l-iskadenza oriġinali tal-EDP tal-2012) u jintlaħaq l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) sal-2016. Madankollu, il-Programm ta' Konverġenza qed jippjana li jġib id-defiċit taħt it-3 % tal-PDG sal-2015 biss. Billi t-tbassir tat-tkabbir huwa ottimist iżżejjed u l-projezzjonijiet tal-introjtu fil-Programm ta' Konverġenza, il-Kunsill jikkunsidra li l-isforz fiskali previst mill-awtoritajiet mhux kompatibbli ma' korrezzjoni attwali tad-defiċit eċċessiv sal-2013 sakemm ma jittiħdux miżuri addizzjonali sinifikanti li jinfurzaw l-isforz għal din is-sena. Il-Programm ta' Konverġenza huwa bbażat fuq xenarju ottimist u mhux appoġġat biżżejjed b'miżuri dettaljati sabiex jiżgura b'mod kredibbli l-korrezzjoni tad-defiċit sa mhux aktar tard mill-2014. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' aktar sforzi bbażati fuq miżuri dettaljati kemm għall-2013 u l-2014. L-awtoritajiet ma sfruttawx biżżejjed is-sitwazzjoni ta' tkabbir ta' qabel il-kriżi biex jirriformaw l-istruttura tan-nefqa pubblika sabiex jagħtu l-prijorità lil dawk l-affarijiet li jkattru t-tkabbir. Il-Programm ta' Konverġenza kkonferma l-OTM preċedenti ta' -1 % tal-PDG, li jirrifletti l-objettivi tal-Patt. Abbażi tad-defiċit strutturali (rikalkulat), l-OTM mhux previst li jintlaħaq sal-2016, kif ippjanat fil-Programm ta' Konverġenza, peress li l-progress annwali ppjanat lejn l-OTM ta' 0,3 % tal-PDG (f'termini strutturali) fl-2015 u 0,7 % tal-PDG fl-2016 mhuwiex biżżejjed. Ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa tal-Gvern, b'kunsiderazzjoni tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonarji, huwa konformi mal-livell limitu tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir tul il-perijodu tal-programm kollu. Jistgħu jkunu meħtieġa wkoll sforzi addizzjonali u kif ukoll bidliet fil-kompożizzjoni tal-aġġustament fis-snin ta' barra tal-Programm ta' Konverġenza hekk kif il-progress lejn l-OTM jiddependi l-aktar fuq tnaqqis mdaqqas fin-nefqa tal-investiment pubbliku u mhix appoġġata biżżejjed b'miżuri dettaljati. Huwa previst li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fil-Polonja jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG matul il-perijodu kopert mill-programm. L-awtoritajiet nazzjonali jbassru li dan se jibqa' ġeneralment kostanti, ftit ’il fuq minn 55,5 % tal-PDG sal-2014/2015 (u tnaqqis fl-2016), filwaqt li l-Kummissjoni waqt li tikkunsidra r-riskji possibbli fir-rigward tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni u l-affarijiet li jnaqqsu d-dejn, qed tistenna żieda ta’ madwar 59 % tal-PDG fl-2014. Il-konformità mat-taxxa tibqa' kwistjoni ewlenija f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, li teħtieġ ukoll tnaqqis fil-piż amministrattiv fuq il-kontribwenti u titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali, huwa importanti li l-konsolidazzjoni fiskali tkun appoġġata b'riformi strutturali komprensivi. |
(10) |
Sehem baxx ta’ nfiq li jsaħħaħ it-tkabbir (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni) u għadda dejjem inqas ta' investimenti pubbliċi jxekklu l-prospetti ta’ tkabbir fit-tul. Is-settur tas-saħħa fil-Polonja huwa kkonfrontat b’limitazzjonijiet fl-aċċess għall-kura u l-kostineffiċjenzi, filwaqt li l-infiq fil-kura tas-saħħa huwa mistenni jikber b’mod konsiderevoli fuq medda medja sa medda twila ta’ żmien minħabba soċjetà li qed tixjieħ, u dan se jżid il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Is-sistema tista’ tittejjeb bit-tisħiħ tal-kura primarja u tas-sistemi ta’ riferiment u bl-isfruttament tal-potenzjal għal qligħ tal-kosteffiċjenza fil-kura fl-isptar. |
(11) |
Il-Gvern għadu ma implimentax regola tan-nefqa permanenti u konsistenti mas-Sistema Ewropea tal-Kontabilità (ESA). Barra minn hekk, il-Polonja għamlet biss progress limitat fir-rigward tal-ippjanar fit-terminu medju u t-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti tal-Gvern rigward il-proċess baġitarju. |
(12) |
Il-qgħad fost iż-żgħażagħ qed jikber, li huwa fost l-oħrajn ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-frott tal-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li r-riformi implimentati tas-sistemi ta’ edukazzjoni huma maħsuba biex jindirizzaw ir-rabta ħażina bejn l-impjiegi u l-ħiliet, xorta hemm il-bżonn li tiżdied id-disponibbiltà ta’ apprendistati u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u min iħaddem u biex tittejjeb il-kwalità tat-tagħlim. L-implimentazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tibni fuq l-isforzi attwali, se tikkontribwixxi biex tappoġġa liż-żgħażagħ fil-ksib tal-impjiegi. Il-proporzjon tal-adulti li qed jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja għadu baxx ħafna u l-adozzjoni ta’ strateġija għal tagħlim tul il-ħajja hija pendenti. |
(13) |
Fir-rigward tal-kura tat-tfal żgħar, l-isforzi tal-Gvern ikkonċentraw fuq l-implimentazzjoni tat-"Toddler Programme". B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ nurseries kważi rdoppja matul l-aħħar sentejn, iżda għadu baxx f’termini relattivi u ma jissodisfax id-domanda. Il-Polonja ħadet biss passi żgħar biex tindirizza l-użu estensiv ta’ impjiegi temporanji. Il-Polonja għandha t-tielet l-ogħla sehem fl-Unjoni ta’ impjiegi b'terminu fiss involontarji mill-persuni kollha b'impjieg, b’mod partikolari fil-grupp ta' dawk ta' età bejn il-15-24 sena. Filwaqt li ħafna drabi jingħad li l-kuntratti ta’ terminu fiss huma strument għall-persuni qiegħda biex jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-ħsieb li aktar 'il quddiem jidħlu għal kuntratt permanenti, dan jidher li mhuwiex il-każ għall-maġġoranza tal-ħaddiema fil-Polonja. Minflok, l-użu estensiv ta’ kuntratti bħal dawn jidher li għandu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-kapital uman u fuq il-produttività, billi l-impjegati temporanji għandhom it-tendenza li jkollhom inqas aċċess għal taħriġ vokazzjonali. Il-penali tal-pagi fuq kuntratti b’terminu fiss huwa wkoll relattivament għoli, li jikkontribwixxi għal waħda mill-ogħla rati ta’ faqar fost dawk li jaħdmu fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-użu ta’ kuntratti tal-liġi ċivili li jduru bi tnaqqis sinifikanti tad-drittijiet tal-protezzjoni soċjali huwa mifrux. Skont ir-rapport tal-Gvern "Żgħażagħ 2011", aktar minn 50 % tal-ħaddiema żgħażagħ huma impjegati b'dan it-tip ta' kuntratti. |
(14) |
Il-Polonja qed taffaċċja rati baxxi ta' impjiegi fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien. Minkejja li l-possibbiltajiet għall-irtirar bikri tnaqqsu b’mod sinifikanti u twettqet ir-riforma tal-pensjonijiet ġenerali, għad hemm skema speċjali tal-pensjoni għall-ħaddiema li jaħdmu fil-minjieri. Barra minn hekk, is-sistema ta’ sigurtà soċjali għall-bdiewa (KRUS) toħloq inċentivi għall-bdiewa fuq skala żgħira biex dawn jibqgħu fis-settur agrikolu prinċipalment għaliex id-dħul tal-bdiewa individwali mhuwiex ittraċċat b’mod preċiż fis-sistema. Dan jirriżulta f’qgħad mistur fiż-żoni rurali, iżomm lura l-produttività u jwaqqaf il-mobbiltà tax-xogħol reġjonali u settorjali. |
(15) |
Il-Polonja hija fost l-Istati Membri bl-iktar livell baxx ta’ nefqa fir-R&Ż hija waħda mill-agħar fl-indikaturi usa’ tal-innovattività. Il-proporzjon globali ta’ nfiq fir-R&Ż fil-Polonja, fi 0,77 % fl-2011, kien fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. B’mod partikolari, l-infiq privat fir-R&Ż huwa baxx (0,2 % tal-PDG fl-2011). L-intrapriżi Pollakki kienu qed jiddependu ħafna fuq l-assorbiment tat-teknoloġija, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji eżistenti permezz tal-investiment kapitali fiss. Filwaqt li dan kellu suċċess f’li jiżgura l-kisbiet fil-produttività u t-tkabbir ekonomiku, il-Polonja issa teħtieġ tranżizzjoni lejn mudell indiġenu bbażat fuq l-innovazzjoni. Ir-riformi fis-sistema edukattiva ogħla u tax-xjenza niedu ristrutturar maġġuri biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-industrija. Sa issa mhi disponibbli l-ebda valutazzjoni ta’ dawn ir-riformi. Huwa meħtieġ approċċ aktar olistiku biex jiġu allinjati l-isforzi fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-politika industrijali u jiġi żgurat li jkun hemm strumenti adegwati li jappoġġaw iċ-ċiklu kollu tal-innovazzjoni. |
(16) |
Għad hemm potenzjal għoli ħafna ta' qligħ minn titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-Polonja, b’mod partikolari bis-saħħa tal-iżolazzjoni tal-bini, u dan il-qligħ jista’ jkun ta’ appoġġ għat-tkabbir. Il-qafas tal-elettriku domestiku għadu kkonġestjonat, iżda il-pjanijiet qegħdin javvanzaw biex tinħoloq aktar kapaċità ta’ interkonnessjoni lejn swieq ġirien. Il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass għadha ostakolata b'numru ta' fatturi, b'mod partikolari t-tneħħija gradwali ta’ prezzijiet regolati għad trid titlesta, l-operatur li għandu sehem fis-suq ta’ madwar 97 % fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, u 90 % tal-importazzjonijiet ta’ gass naturali ġejjin mir-Russja. |
(17) |
Minkejja li sar xi progress, l-infrastruttura sottożviluppata tat-trasport tal-Polonja tibqa' waħda mill-akbar ostakoli għat-tkabbir. Proġetti kbar ta’ infrastruttura tat-toroq għamlu progress, iżda proġetti ta’ investiment ferrovjarju għadhom ferm lura. Infrastruttura ferrovjarja degradata teħtieġ investiment sostanzjali ta' tkabbir, billi 36 % biss ta’ madwar 20 000 km ta’ linji ferrovjarji f’operazzjoni huma f’kundizzjoni teknika tajba. Minkejja sforzi reċenti, il-Polonja għadha lura ħafna fejn Stati Membri oħra fil-ħtif tal-potenzjal tat-tkabbir ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). Il-kopertura fissa tal-broadband hi fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f'żoni rurali. L-investiment f’netwerks tal-ilma jibqa' insuffiċjenti. |
(18) |
Il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-Polonja hija taħt il-medja tal-UE. Il-problemi ewlenin jinkludu trasparenza, il-kumplessità tas-sistema tat-taxxa u l-ispejjeż tal-konformità, iż-żieda fil-medja tat-tul tal-proċedimenti f’każijiet ċivili u kummerċjali, u proċedimenti ta’ falliment twal u rati baxxi ta’ rkupru. L-użu tal-Gvern elettroniku fl-amministrazzjoni pubblika għadha wkoll taħt il-medja tal-UE. Il-Polonja bdiet riforma biex tiffaċilita l-aċċess għall-professjonijiet irregolati li waqgħet lura fl-iskeda mħabbra fil-bidu. |
(19) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Polonja, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (7) hawn taħt. |
(20) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fil-perijodu bejn 2013-2014 sabiex:
1. |
Issaħħaħ u timplimenta l-istrateġija baġitarja għas-sena 2013 u għas-snin ta’ wara, appoġġata b'miżuri speċifikati biżżejjed għall-2013 u l-2014, biex tiżgura korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv sal-2014 b’mod sostenibbli u l-kisba tal-isforz fiskali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Korrezzjoni dewwiema tal-iżbilanċi fiskali teħtieġ implimentazzjoni kredibbli ta' riformi strutturali ambizzjużi, li jżidu l-kapaċità tal-aġġustament u jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali u l-impjiegi. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, hija għandha tfittex li tikseb l-isforz ta’ aġġustament strutturali li se jippermetti lill-Polonja tilħaq l-OTM sal-2016. Bil-ħsieb li ttejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, timminimizza qtugħ fl-investiment li jkattar it-tkabbir, u terġa' tivvaluta l-politiki tal-infiq li jtejbu l-miri tal-politiki soċjali u jżidu l-kosteffettività u l-effiċjenza tal-infiq fis-settur tal-kura tas-saħħa. Ittejjeb il-konformità fiskali, partikolarment billi żżid l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. |
2. |
Tiżgura l-approvazzjoni ta’ regola tal-infiq permanenti fl-2013 konsistenti mar-regoli tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet. Tieħu miżuri biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni baġitarja annwali u fit-terminu medju ta’ żmien fost il-livelli differenti ta’ gvern. |
3. |
Issaħħaħ l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, iżżid id-disponibilità ta’ apprendistati u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u min iħaddem u ttejjeb il-kwalità tat-tagħlim. Tadotta l-istrateġija proposti għat-tagħlim tul il-ħajja. Tiġġieled il-faqar fost il-ħaddiema u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol inkluż permezz ta’ tranżizzjoni aħjar minn impjieg b'terminu fiss għal impjieg permanenti u billi jitnaqqas l-użu eċċessiv ta’ kuntratti tal-liġi ċivili. |
4. |
Tkompli l-isforzi biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi tinvesti f'servizzi għall-indukrar tat-tfal u edukazzjoni ta’ qabel l-iskola ta' kwalità u affordabbli, u billi tiżgura finanzjament stabbli u persunal ikkwalifikat. Bil-ħsieb li tittejjeb il-mobilità tax-xogħol settorjali, tieħu passi permanenti lejn ir-riforma tal-iskema tal-KRUS. Ittemm gradwalment l-iskema speċjali tal-pensjonijiet għal dawk li jaħdmu fil-minjieri bil-għan li dawn jintegraw ruħhom fl-iskema ġenerali. Tirfed ir-riforma tal-pensjonijiet ġenerali b’miżuri li jippromwovu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema akbar fl-età biex jgħollu l-etajiet ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol. |
5. |
Tieħu miżuri addizzjonali biex tiżgura ambjent tan-negozju li jkun favur l-innovazzjoni permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-politika industrijali, billi tkompli tiżviluppa strumenti rotattivi u inċentivi tat-taxxa u billi timmira aħjar l-istrumenti eżistenti lejn l-istadji differenti taċ-ċiklu ta’ innovazzjoni. |
6. |
Iġġedded u testendi l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u ttejjeb l-effiċjenza fil-katina kollha tal-enerġija. Tħaffef u testendi l-iżvilupp tal-qafas tal-elettriku, inklużi l-interkonnessjonijiet transkonfinali, u telimina l-ostakli fl-iskambju transkonfinali tal-elettriku. Issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-settur tal-gass bit-tneħħija gradwali ta’ prezzijiet regolati. Issaħħaħ ir-rwol u r-riżorsi tar-regolatur tas-suq ferrovjarju u tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-proġetti ta’ investiment ferrovjarju mingħajr aktar dewmien. Tħaffef l-isforzi biex tiżdied il-kopertura tal-broadband. Ittejjeb il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma. |
7. |
Tieħu passi ulterjuri biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi tissimplifika l-infurzar tal-kuntratti u r-rekwiżiti għall-permessi tal-kostruzzjoni u billi tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità mat-taxxa. Tadotta u timplimenta il-liberalizzazzjoni ppjanata tal-aċċess għal servizzi professjonali. |
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(2) Miżmuma għall-2013 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tas-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).
(3) ĠU C 219, 24.7.2012, p. 65.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(5) Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.