|
30.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 217/33 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tad-9 ta’ Lulju 2013
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2013 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Ġermanja, 2012-2017
2013/C 217/09
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u għat-tkabbir u, bl-isem ta' Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. |
|
(2) |
Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2), li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Kumpatt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti ta' azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u tal-euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, u b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom sabiex jiksbu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. |
|
(4) |
Fl-10 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Ġermanja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja għall-perjodu 2012-2016. |
|
(5) |
Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2013. Ukoll, fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (4), adottat it-tieni Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, il-Ġermanja ma kenitx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom kellu jsir eżami fil-fond. |
|
(6) |
Il-Parlament Ewropew ġie debitament involut fis-Simestru Ewropew, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, u, fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013. |
|
(7) |
Fl-14 ta' Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tistimola t-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titwettaq konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika. |
|
(8) |
Fit-12 ta' April 2013, il-Ġermanja ppreżentat il- il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2013 tagħha u fis-17 ta' April 2013, il-Programm ta' Stabbiltà tagħha għall-perjodu 2012-2017. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. |
|
(9) |
Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li globalment il-finanzi pubbliċi fil-Ġermanja huma sodi u li l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) inkiseb. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati l-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawżibbli. Il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-Programm ta' Stabbiltà huma fil-biċċa l-kbira konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pass u x-xejra tat-tkabbir ekonomiku fl-2013 u l-2014 kif ukoll mal-istima tal-Kummissjoni tar-rata tat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju tal-Ġermanja. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-Programm ta' Stabbilità huwa li jiġi żgurat li jkompli jintlaħaq l-OTM. Il-Programm ta' Stabbilità jikkonferma l-OTM preċedenti ta' -0,5% tal-PDG. L-OTM huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir. Il-Ġermanja kisbet bilanċ pożittiv strutturali baġitarju u għalhekk laħqet l-OTM fl-2012. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-bilanċ strutturali (rikalkulat) (5) se jibqa' pożittiv fl-2013 u fl-2014, li huwa fil-biċċa l-kbira konsistenti mat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, u għalhekk konsegwentement ħoloq spazju għall-istabbilizzaturi ekonomiċi sabiex joperaw liberament. Il-Ġermanja kkonformat ukoll mal-valur referenzjarju tan-nefqa tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir fl-2012. Skont l-informazzjoni pprovduta fil-Programm ta' Stabbiltà, ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, teċċedi l-valur referenzjarju tan-nefqa fl-2013 filwaqt li tirrispettah fl-2014. Skont il-Progamm ta' Stabbiltà, id-dejn gross huwa pjanat li jaqa' għal 80½% tal-PDG fl-2013 u li jibqa' dejjem jonqos minn hemm 'il quddiem. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2011, il-Ġermanja tinsab f'perjodu ta' tranżizzjoni fir-rigward tal-konformità mal-kriterju tad-dejn u għamlet progress suffiċjenti lejn il-konformità mal-kriterju tad-dejn fl-2012. Jekk il-Progamm ta' Stabbiltà jiġi implimentat kif ippjanat, hija tkun qiegħda tagħmel ukoll progress suffiċjenti lejn il-konformità mal-kriterju tad-dejn fl-2013 u l-valur referenzjarju tad-dejn jiġi ssodisfat fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fl-2014. Globalment, il-miri tad-defiċit u tad-dejn jidhru realistiċi. |
|
(10) |
Il-Ġermanja għamlet biss sforzi limitati sabiex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. L-isforzi ta' riformi tal-passat fis-settur tas-saħħa flimkien mar-riforma ta' din is-sena għall-kura fit-tul jidhru li mhumiex biżżejjed biex jiġu limitati ż-żidiet futuri mistennija fl-ispejjeż. Il-Ġermanja tidher li qiegħda żżomm mal-pjan fir-rigward tal-mira nazzjonali dwar in-nefqa fuq l-edukazzjoni u r-riċerka iżda għandha tipproġetta miri ta' segwitu aktar ambizzjużi bil-għan li tlaħħaq mal-aktar ekonomiji innovattivi. |
|
(11) |
Il-Ġermanja mhix qiegħda tutilizza biżżejjed sorsi ta' dħul li jiffavorixxu t-tkabbir. L-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT, bħalissa ta' 7%, għal dik li bħalissa hija firxa pjuttost wiesgħa ta' oġġetti u servizzi tista' titnaqqas u l-amministrazzjoni tal-VAT tiġi eżaminata mill-ġdid sabiex tiżdied l-effiċjenza, jittejjeb il-ġbir tat-taxxa u tiġi miġġielda l-frodi. Id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà huwa partikolarment baxx fil-Ġermanja, 0,5% tal-PDG fl-2011 meta mqabbel ma' 1,3% fl-UE-27. Dan jista' jħalli spazju għal żieda fid-dħul mit-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli (Grundsteuer), b'mod partikolari billi tiġi rivalutata l-bażi għat-taxxa. |
|
(12) |
Kien hemm xi progress fl-implimentazzjoni tar-regola kostituzzjonali tal-baġit ibbilanċjat ("it-trażżin tad-dejn") sa mir-Rakkomandazzjoni tas-sena l-oħra. Madankollu, jidher li għadhom jenħtieġu regoli speċifiċi ta' implimentazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-Länder sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tat-trażżin tad-dejn fil-proċedura baġitarja annwali. |
|
(13) |
Is-settur finanzjarju esperjenza aġġustament sinifikanti u l-qafas regolatorju u superviżorju ġie msaħħaħ. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat komplew jixprunaw ir-ristrutturar tal-Landesbanken. Madankollu, jidher li għad hemm ostakli tal-governanza għal konsolidazzjoni mmexxija mis-suq fis-settur bankarju, li qed jaffettwaw l-effiċjenza globali tas-settur finanzjarju. |
|
(14) |
Il-Ġermanja ħadet biss azzjoni limitata sabiex telimina d-diżinċentivi sinifikanti li jħabbtu wiċċhom magħhom dawk li għandhom it-tieni dħul u d-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-kura tat-tfal full-time u tal-iskejjel tal-ġurnata kollha għandha tiżdied aktar. Il-Ġermanja għamlet xi progress biex ittejjeb ir-riżultati edukattivi għal persuni żvantaġġati, iżda l-Länder kollha għandhom ikomplu bl-isforzi ambizzjużi sabiex joħolqu sistema tal-iskejjel li tipprovdi opportunitajiet ugwali għal kulħadd. L-azzjoni ta' politika sabiex jitnaqqas it-tax wedge għolja għal dawk li jaqilgħu paga baxxa sa issa kienet limitata. Miżuri sabiex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil għandhom jiżdiedu. Il-Ġermanja għandha taħdem aktar sabiex tnaqqas it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għolja imposti fuq il-pagi baxxi. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tittejjeb it-tranżizzjoni minn ċerti tipi ta' kuntratti, bħall-mini-jobs, għal forom oħra ta' kuntratti aktar sostenibbli, biex b'hekk tiġi evitata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li l-pagi reali għadhom taħt il-livell tagħhom fis-sena 2000, li kkontribwixxa għat-tnaqqis strutturali fir-rata tal-qgħad minn 8% għal 5,5%, huma bdew jiżdiedu b'mod dinamiku minn hemm 'il quddiem mingħajr ma affettwaw ħażin il-kompetittività. Fl-istess waqt, żdiedu d-disparitajiet bejn il-pagi. |
|
(15) |
Il-Ġermanja qiegħda timmira li timminimizza l-prezz ekonomiku kumplessiv tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Dan wassal għal xi riżultati inizjali iżda l-kosti ġenerali baqgħu jiżdiedu u għad fadal riskju kbar u ineffiċjenzi potenzjali. Il-Ġermanja qiegħda tagħmel sforzi sinifikanti sabiex taċċellera l-espansjoni tan-netwerks tal-enerġija. Il-koordinazzjoni tal-politika nazzjonali tal-enerġija tagħha mal-politiki tal-pajjiżi ġirien mhijiex suffiċjenti. |
|
(16) |
Is-sitwazzjoni fis-setturi tas-servizzi ma nbidlitx b'mod sinifikanti sa mill-2012 u għad hemm restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal ċerti professjonijiet u fuq l-eżerċizzju tagħhom. Il-Ġermanja għandha taħdem iżjed sabiex tiftaħ is-setturi tas-servizzi billi tneħħi r-restrizzjonijiet u l-ostakli għad-dħul mhux ġustifikati, u b'hekk twassal għal livelli tal-prezzijiet aktar baxxi, sabiex is-servizzi jsiru aktar affordabbli għall-gruppi b'introjtu aktar baxx. F'bosta setturi tas-snajja', inkluż is-settur tal-kostruzzjoni, għad hemm rekwiżit li wieħed ikollu ċertifikat ta' imgħallem tas-sengħa (Meisterbrief) jew kwalifika ekwivalenti sabiex wieħed imexxi negozju. Is-settur tal-kostruzzjoni wkoll qed jiffaċċja restrizzjonijiet fir-rigward tal-proċeduri tal-komunikazzjoni kummerċjali u tal-awtorizzazzjoni. Bosta servizzi professjonali huma wkoll suġġetti għal rekwiżiti dwar il-forma legali u ż-żamma tal-ishma. Il-Ġermanja għandha tivvaluta jekk l-istess għanijiet tal-interess pubbliku jistgħux jinkisbu b'anqas regolamentazzjoni. Id-diversità tas-sistemi regolatorji madwar il-Länder tissuġġerixxi wkoll li hemm lok għal aktar sforzi sabiex jiġu identifikati l-approċċi regolatorji li huma l-anqas ta' piż u sabiex dawn jiġu estiżi madwar il-pajjiż kollu, u b'hekk titnaqqas il-burokrazija għan-negozji. Il-livell tal-kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-ferroviji għadu baxx. Fir-rigward tal-akkwisti pubbliċi, il-valur tal-kuntratti ppubblikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi taħt il-liġi tal-Unjoni dwar l-akkwisti huwa pjuttost baxx. Il-proċess leġiżlattiv li jinvolvi r-reviżjoni tal-Att kontra r-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni għadu ma ġiex konkluż. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, ir-regolamenti tal-ippjanar jirrestrinġu b'mod sinifikanti d-dħul ġdid fis-suq. |
|
(17) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ġermanja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Ġermanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt. |
|
(18) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà tal-Ġermanja, u l-opinjoni (6) tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. |
|
(19) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tagħha hija l-euro, il-Ġermanja għandha wkoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u mingħajr dewmien ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fil-perjodu bejn l-2013 u l-2014 sabiex:
|
1. |
Tippreserva pożizzjoni fiskali soda, kif previst, li tiżgura l-konformità mal-OTM matul l-perjodu tal-programm. Issegwi politika fiskali favorevoli għat-tkabbir permezz ta' sforzi addizzjonali sabiex tiżdied il-kosteffikaċja tal-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa u fuq il-kura fit-tul, permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-għoti tal-kura u ta' enfasi akbar fuq il-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-għajxien indipendenti. Ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa, b'mod partikolari billi twessa' l-bażi tal-VAT u tirrivaluta l-bażi tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli. Tuża l-ispazju disponibbli għal żieda fl-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir fuq l-edukazzjoni u r-riċerka fil-livelli kollha tal-gvern, u wkoll għal żieda fl-effiċjenza ta' dan l-infiq. Tlesti l-implimentazzjoni tat-trażżin tad-dejn b'mod konsistenti madwar il-Länder kollha waqt li tiżgura li l-proċeduri ta' monitoraġġ u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni joperaw mingħajr dewmien u jkunu relevanti. |
|
2. |
Issostni l-kundizzjonijiet li jippermettu t-tkabbir tal-pagi f'appoġġ għad-domanda domestika. B'dan il-għan, tnaqqas it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għoljin, b'mod partikolari għal dawk li jaqilgħu paga baxxa u żżid il-kisbiet edukattivi tal-persuni żvantaġġati. Iżżomm miżuri xierqa ta' attivazzjoni u integrazzjoni, b'mod partikolari għall-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil. Tiffaċilita t-tranżizzjoni minn impjiegi mhux standard bħall-mini-jobs għal forom aktar sostenibbli ta' impjieg. Tieħu miżuri sabiex ittejjeb l-inċentivi għax-xogħol u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema, b'mod partikolari għal dawk il-ħaddiema li jaqilgħu t-tieni paga u dawk li għandhom biss ftit ħiliet, ukoll bil-għan li jittejjeb l-introjtu tagħhom. B'dan il-għan, telimina d-diżinċentivi għal min jaqla' t-tieni paga u żżid aktar id-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-kura tat-tfal full-time u tal-iskejjel tal-ġurnata kollha. |
|
3. |
Ittejjeb il-koordinazzjoni tal-politika tal-enerġija tagħha ma' pajjiżi ġirien u żżomm il-kosti globali għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija għal-livell minimu, b'mod partikolari billi teżamina mill-ġdid il-kosteffikaċja tal-istrumenti tal-politika tal-enerġija mfassla biex jiksbu l-miri tal-enerġija rinnovabbli u billi tkompli bl-isforzi tagħha sabiex taċċellera l-espansjoni tan-netwerks nazzjonali u transfruntieri tal-elettriku u tal-gass. |
|
4. |
Tieħu miżuri sabiex tkompli tistimula l-kompetizzjoni fis-setturi tas-servizzi, inklużi ċerti snajja', b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni, u fis-servizzi professjonali sabiex tagħti spinta lis-sorsi domestiċi tat-tkabbir. Tieħu azzjoni urġenti sabiex iżżid b'mod sinifikanti l-valur tal-kuntratti pubbliċi miftuħa għall-akkwisti. Tadotta u timplimenta r-riforma leġiżlattiva mħabbra sabiex jittejjeb l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Tneħħi r-restrizzjonijiet tal-ippjanar li jirrestrinġu aktar milli meħtieġ id-dħul ġdid fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Tieħu miżuri oħra sabiex telimina l-ostakli li baqa' għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-ferroviji. Tkompli bl-isforzi tagħha għall-konsolidazzjoni tas-settur bankarju, inkluż billi ttejjeb il-qafas tal-governanza. |
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 10 Volume 001 P. 84.
(2) Miżmuma għall-2013 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).
(3) ĠU C 219, 24.7.2012, p. 35.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(5) Il-bilanċ aġġustat ċiklikament nett mill-miżuri ta' darba u dawk temporanji, irrikalkulat mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-programm, bl-użu tal-metodoloġija maqbula komunement.
(6) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.
(7) Ara paġna 97 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.