4.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/37


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Diċembru 2013

dwar it-tnaqqis tal-preżenza ta’ diossini, furani u PCBs fl-għalf u fl-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/711/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Ġew adottati diversi miżuri bħala parti minn strateġija globali biex titnaqqas il-preżenza ta’ diossini, furani u PCBs fl-ambjent, fl-għalf u fl-ikel.

(2)

Il-livelli massimi għad-diossini u għat-total tad-diossini u tal-PCBs simili għad-diossini ġew stabbiliti għall-għalf permezz tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u għall-ikel permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2).

(3)

Sabiex jistimulaw approċċ proattiv biex titnaqqas il-preżenza tad-diossini u tal-PCBs simili għad-diossini fl-ikel, il-livelli ta’ azzjoni għad-diossini u għall-PCBs simili għad-diossini fl-ikel ġew stipulati permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/516/UE (3) u għad-diossini u għall-PCBs simili għad-diossini fl-għalf permezz tad-Direttiva 2002/32/KE.

(4)

Il-livelli ta’ azzjoni huma għodda għall-awtoritajiet u l-operaturi kompetenti biex jenfasizzaw dawk il-każijiet fejn jixraq li jidentifikaw is-sors ta’ kontaminazzjoni u jieħdu miżuri biex inaqqsuh jew jeliminawh.

(5)

Minħabba li s-sorsi tad-diossini u tal-PCBs simili għad-diossini huma differenti, jixraq li jkunu determinati livelli ta’ azzjoni separati għad-diossini minn naħa u għall-PCBs simili għad-diossini min-naħa l-oħra.

(6)

Issa jixraq li jiġi rakkomandat li l-preżenza ta’ diossini, PCBs simili għad-diossini u PCBs mhux simili għad-diossini fil-bajd tat-tiġieġ imrobbija barra, fil-bajd organiku, fil-fwied tal-ħaruf u tan-nagħaġ, fil-granċijiet Chinese mitten, fil-ħxejjex aromatiċi mnixxfin u fit-tafal li jintuża bħala suppliment tal-ikel ikun soġġett għal aktar monitoraġġ.

(7)

Barra minn hekk, jixraq li jiġi speċifikat li l-livelli ta’ azzjoni espressi abbażi tal-prodott jirreferu għal toqol imxarrab.

(8)

Ir-Rakkomandazzjoni 2011/516/UE għandha għaldaqstant tiġi sostitwita b’Rakkomandazzjoni ġdida.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ aleatorju tal-preżenza tad-diossini, tal-PCBs simili għad-diossini u tal-PCBs mhux simili għad-diossini fl-għalf u fl-ikel, b’mod proporzjonat għall-produzzjoni, l-użu u l-konsum tagħhom ta’ ikel u għalf.

2.

Minbarra l-monitoraġġ imsemmi fil-punt 1, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw speċifikament il-preżenza tad-diossini, tal-PCBs simili għad-diossini u tal-PCBs mhux simili għad-diossini f’dawn il-prodotti li ġejjin:

(a)

bajd tat-tiġieġ imrobbija barra u bajd organiku;

(b)

fwied tan-nagħaġ u tal-ħaruf;

(ċ)

Granċijiet Chinese mitten, fir rigward ta’:

(i)

laħam tal-muskoli mill-appendiċi (separatament),

(ii)

laħam kannella (separatament),

(iii)

il-prodott totali (b’kalkolu li jqis il-livelli li jinsabu fil-laħam tal-muskoli mill-appendiċi u fil-laħam kannella u l-proporzjon relattiv tagħhom).

(d)

ħxejjex aromatiċi mnixxfin (għalf u ikel);

(e)

tafal mibjugħ bħala suppliment tal-ikel.

3.

F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/32/KE u tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, u f’każijiet fejn jinstabu livelli ta’ diossini u/jew PCBs simili għad-diossini aktar mil-livelli ta’ azzjoni speċifikati fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fir-rigward tal-ikel u fl-Anness II tad-Direttiva 2002/32/KE fir-rigward tal-għalf, l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-operaturi:

(a)

iniedu l-investigazzjonijiet biex jidentifikaw is-sors tal-kontaminazzjoni,

(b)

iwettqu miżuri biex inaqqsu jew jeliminaw is-sors tal-kontaminazzjoni.

4.

L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) id-dejta kollha dwar l-okkorrenza tad-diossini, tal-PCBs simili għad-diossini u tal-PCBs mhux simili għad-diossini fl-għalf u fl-ikel. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bis-sejbiet tagħhom, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet u l-miżuri meħuda biex jitnaqqas jew jiġi eliminat is-sors ta’ kontaminazzjoni.

Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni 2011/516/UE.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/516/UE tat-23 ta’ Awwissu 2011 dwar it-tnaqqis tal-preżenza ta’ diossini, furani u PCBs fl-għalf u fl-ikel (ĠU L 218, 24.8.2011, p. 23).


ANNESS

Għall-finijiet ta' dan l-Anness għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Diossini + furani (WHO-TEQ)” tfisser it-total ta’ dibenżo-para-diossini poliklorinati (PCDDs) u dibenżofurani poliklorinati (PCDFs), espress bħala l-ekwivalent tossiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bl-użu tal-fatturi ta’ ekwivalenza tossika tal-WHO (WHO–TEFs)).

(b)

“PCBs simili għad-diossini (WHO-TEQ)” tfisser it-total ta’ bifenili poliklorinati (PCBs), espressa bħala l-ekwivalent tossiku tal-WHO bl-użu tal-WHO-TEFs.

(ċ)

“WHO-TEFs” tfisser il-fatturi ta' ekwivalenza tossika tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-evalwazzjoni tar-riskju għall-bniedem ibbażata fuq il-konklużjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) - il-laqgħa tal-esperti tal-Programm Internazzjonali dwar is-Sikurezza Kimika (IPCS) li saret Ġinevra f'Ġunju 2005 (Martin van den Berg et al., The 2005 World Health Organization Re-evaluation of Human and Mammalian Toxic Equivalency Factors for Dioxins and Dioxin-like Compounds. Toxicological Sciences 93(2), 223–241 (2006)).

Ikel

Livell ta' azzjoni għad-diossini + furani (WHO-TEQ) (1)

Livelli ta' azzjoni għall-PCBs simili għad-diossini (WHO-TEQ) (1)

Laħam u prodotti tal-laħam (ħlief il-ġewwieni li jittiekel) (2) tal-annimali li ġejjin

 

 

annimali bovini u nagħaġ

1,75 pg/g xaħam (3)

1,75 pg/g xaħam (3)

tjur

1,25 pg/g xaħam (3)

0,75 pg/g xaħam (3)

ħnieżer

0,75 pg/g xaħam (3)

0,50 pg/g xaħam (3)

Xaħmijiet imħallta

1,00 pg/g xaħam (3)

0,75 pg/g xaħam (3)

Laħam tal-muskoli ta’ ħut imrobbi u prodotti ta’ ħut imrobbi

1,50 pg/g piż imxarrab

2,50 pg/g piż imxarrab

Ħalib nej (2) u prodotti tal-ħalib (2), inkluż ix-xaħam tal-butir

1,75 pg/g xaħam (3)

2,00 pg/g xaħam (3)

Bajd tat-tiġieġ u prodotti tal-bajd (2)

1,75 pg/g xaħam (3)

1,75 pg/g xaħam (3)

Tafal bħala suppliment tal-ikel

0,50 pg/g piż imxarrab

0,35 pg/g piż imxarrab

Frott, ħxejjex (inklużi ħxejjex aromatiċi friski) u ċereali (4)

0,30 pg/g piż imxarrab

0,10 pg/g piż imxarrab


(1)  Konċentrazzjonijiet li huma eqreb lejn valuri għoljin: Konċentrazzjonijiet li huma eqreb lejn valuri għoljin jiġu kkalkolati billi wieħed jassumi li l-valuri kollha tad-diversi konġeneri anqas mil-limitu tal-kwantifikazzjoni huma daqs il-limitu tal-kwantifikazzjoni.

(2)  Oġġetti tal-ikel elenkati f'din il-kategorija kif inhuma ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(3)  Il-livelli ta' azzjoni mhumiex applikabbli għall-prodotti tal-ikel li fihom inqas minn 2 % xaħam.

(4)  Għall-frott imnixxef u l-ħxejjex imnixxfin (inklużi ħxejjex aromatiċi mnixxfin) il-livell ta’ azzjoni huwa 0,5 pg/g għad-diossini + furani u 0,35 pg/g għall-PCBs simili għad-diossini, espressi fuq il-prodott kif jinbiegħ.