26.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 180/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ġunju 2013

bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern f'Malta

2013/C 180/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill iddeċieda, taħt l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, li hemm defiċit eċċessiv f'Malta.

(4)

Taħt l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (1), il-Kunsill huwa meħtieġ jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-għan li tintemm sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv f’perjodu stabbilit. Rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkorreġi d-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkorreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill jitlob li jintlaħqu l-miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib annwali minimu fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala valur ta’ referenza.

(5)

Konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-mira baġitarja rrakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta' korrezzjoni trid tiżgura li t-tnaqqis meħtieġ fid-differenza bejn il-livell ta' dejn vis-à-vis PDG u s-60 % tal-PDG tal-valur ta' referenza taħt it-Trattat iseħħu fi żmien is-sentejn li jsegwu l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-gvern, ibbażat fuq it-tbassir tal-Kummissjoni.

(6)

It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni għas-sena 2013 jipprevedi li d-defiċit se jkompli jkun ogħla mill-valur ta' referenza fl-2013 u l-2014, rispettivament għal 3,7 % u 3,6 % tal-PDG. Dawk il-projezzjonijiet baġitarji huma bbażati fuq il-linji politiċi attwali, biex b'hekk jinkorporaw il-baġit tal-2013 li ġie approvat mill-Parlament f’April 2013, li jinkludi miżuri espansjonistiċi kemm fuq in-naħa tad-dħul u l-infiq kif ukoll fuq l-injezzjoni azzjonarja ppjanata diġà lill-Air Malta (0,6 % tal-PDG), b’impatt nett ta’ żieda fuq id-defiċit ta’ 0,3 % tal-PDG. Il-miżuri espansjonistiċi huma biss parzjalment ikkumpensati b’żidiet fid-dazji tas-sisa, bil-ġbir tal-arretrati tat-taxxa kif ukoll bl-iffrankar mill-infiq u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ogħla li jirriżultaw mir-riforma pensjonistika tal-2006. Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni ta' miżuri ta' darba li jnaqqsu d-defiċit nett kif identifikata mill-Kummissjoni, għall-isforz ta' konsolidazzjoni taqa' drastikament wara l-2012. Minħabba d-defiċits primarji li mistennija jibqgħu fl-2013 u l-2014, skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni għas-sena 2013, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mistenni jkompli jiżdied, għal 73,9 % tal-PDG fl-2013 u għal 74,9 % tal-PDG fl-2014. Fl-2015 u l-2016, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jibqa' ogħla mit-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG, u l-proporzjon tad-dejn vis-à-vis PDG jiżdied għal 75,6 % tal-PDG sal-2016.

(7)

Taħt ir-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandha titlesta sas-sena ta' wara l-identifikazzjoni tagħha, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċifiċi. Għalhekk, hija ġustifikata korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014. B'mod partikolari, mod ta' aġġustament kredibbli u sostenibbli jkun jirrikjedi li Malta tilħaq il-mira ewlenija għall-amministrazzjoni pubblika ta' 3,4 % tal-PDG għall-2013 u 2,7 % tal-PDG fl-2014, li hija konsistenti ma' titjib annwali tal-bilanċ strutturali ta' 0,7 % tal-PDG fl-2013 u 0,7 % tal-PDG fl-2014. Il-mira tal-2014 tiżgura li t-tnaqqis meħtieġ fid-differenza bejn il-livell ta' dejn vis-à-vis PDG u l-valur ta' referenza taħt it-Trattat ta' 60 % tal-PDG iseħħ fi żmien sentejn wara l-korrezzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Biex jintlaħqu l-miri strutturali msemmija hawn fuq, Malta teħtieġ li tadotta miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni ta' madwar 0,4 % tal-PDG fl-2013, minbarra l-miżuri diġà inklużi fix-xenarju bażiku, u madwar ¾ % tal-PDG fl-2014. Dawn il-miri jikkunsidraw il-ħtieġa ta' kumpens għall-effetti negattivi tat-tieni darba ta' konsolidazzjoni fiskali fuq il-finanzi pubbliċi, mill-impatt tagħha fuq it-tkabbir tal-PDG. Ix-xenarju bażiku li fuqu huwa strutturat il-mod ta' aġġustament jinkorpora t-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2013 u jestendih sal-2016 billi jiddipendi fuq assunzjonijiet standard dwar l-għeluq tan-nuqqas fl-output u s-sensittività tal-baġit għaċ-ċiklu; ma jinkludix, madankollu, l-injezzjoni addizzjonali ta' kapital fl-Air Malta li hija ppjanata għall-2015 taħt il-programm ta' stabbiltà tal-2013. B'hekk wieħed jassumi li l-injezzjoni ta' kapital mhux se sseħħ jew se tkun ikkumpensata b'miżuri fid-direzzjoni l-opposta.

(8)

Il-qafas fiskali ta' Malta huwa pjuttost flessibbli, u n-natura non-vinkolanti tiegħu u l-orizzont qasir ta' ppjanar fiskali ma jappoġġawx pożizzjoni fiskali soda. Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (2) għadha ma ġietx trasposta. Barra minn hekk, taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' abbozzi ta' pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (3), Malta għandha tistabbilixxi korpi indipendenti biex jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli fiskali. Filwaqt li fil-programm ta' stabbiltà hija ddikjarata l-intenzjoni tal-gvern li jwaqqaf kunsill fiskali, ma ġew imħabbra ebda pjani konkreti.

(9)

Taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013, Malta għandha tippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill programm ta' sħubija ekonomika simultanjament mar-rapport li għandu jkun ippreżentat taħt l-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(10)

Fl-opinjoni tal-Kunsill, il-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja għandhom jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jkunu ngranati biex issaħħu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi u jirrinforzaw il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1)

Malta għandha ttemm is-sitwazzjoni preżenti ta' defiċit eċċessiv sal-2014.

(2)

B'mod speċifiku, Malta għandha:

(a)

tilħaq il-mira għall-amministrazzjoni pubblika ta' defiċit ta' 3,4 % tal-PDG fl-2013 u 2,7 % tal-PDG fl-2014, li tkun konsistenti ma' titjib annwali tal-bilanċ strutturali ta' 0,7 % tal-PDG fl-2013, u 0,7 % tal-PDG fl 2014. Dan il-mod ta' aġġustament jippermetti biex id-defiċit nominali tal-gvern jinġieb sa inqas mit-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG sal-2014 flwaqt li fl-istess ħin ikun żgurat li l-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern joqrob lejn il-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG b'pass sodisfaċenti;

(b)

tispeċifika u timplimenta b'mod rigoruż il-miżuri meħtieġa biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014, u tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit.

(3)

Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-1 ta' Ottubru 2013 għal Malta sabiex tieħu azzjoni effikaċi u, konformement mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tirrapporta fid-dettall dwar l-istrateġija tal-konsolidazzjoni li hija maħsuba biex tikseb il-miri.

Sussegwentement għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, Malta hija mistiedna biex tkompli tagħmel progress b'pass xieraq lejn il-mira, fuq medda medja ta' żmien, ta' baġit bilanċjat f'termini strutturali, fosthom billi tilħaq il-valur referenzjarju fir-rigward tal-infiq. Biex tillimita r-riskji għall-eżekuzzjoni tal-baġit, il-Kunsill jistieden lil Malta biex issaħħaħ l-effikaċja tal-qafas baġitarju tagħha u ttejjeb il-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-baġit matul is-sena. B'mod partikolari, Malta hija mistiedna biex tistabbilixxi qafas fiskali pluriennali li jkun aktar vinkolanti u bbażat fuq regoli. Barra minn hekk, ir-rwol tal-korpi indipendenti li jimmonitorjaw il-politika fiskali għandhom jiġu msaħħa, konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013.

Fl-aħħar nett, biex ikun żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fiskali, l-awtoritajiet Maltin huma mistiedna jappoġġaw il-konsolidazzjoni fiskali b'riformi strutturali komprensivi, konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil Malta fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u b'mod partikolari ma' dawk relatati mal-aspett preventiv tal-Proċedura dwar l-Iżbilanċi Makroekonomiċi (4).

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lil Malta.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.

(3)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

(4)  Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv ta' Malta jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/malta_en.htm