26.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta' April 2013

dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

2013/C 120/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-investiment tal-lum fil-kapital uman taż-żgħażagħ Ewropej iwassal għal benefiċċji fit-tul u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv. L-Unjoni tkun tista’ tibbenefika b’mod sħiħ mill-benefiċċji kollha ta’ forza tax-xogħol attiva, innovattiva u tas-sengħa, filwaqt li tevita l-ispejjeż enormi ta’ żgħażagħ li la jkunu qed jaħdmu, la jedukaw ruħhom u lanqas jitħarrġu (“NEETs”), li bħalissa jammontaw għal 1,2 % tal-PGD.

(2)

Iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin matul il-kriżi. Huma vulnerabbli minħabba l-perijodi ta’ tranżizzjoni li għaddejjin minnhom fil-ħajja, in-nuqqas ta’ esperjenza professjonali, minħabba li kultant ma jkunux edukati u mħarrġa biżżejjed, minħabba li l-kopertura ta’ ħarsien soċjali tagħhom spiss tkun waħda limitata, minħabba l-aċċess ristrett għal riżorsi finanzjarji, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji. In-nisa żgħażagħ aktar hemm ċans li jintlaqtu minn paga baxxa u minn impjiegi prekarji, filwaqt li l-ġenituri żgħażagħ, primarjament l-ommijiet żgħażagħ, ikunu neqsin minn miżuri ta’ bilanċ xieraq bejn il-ħajja u x-xogħol. Barra minn hekk, xi żgħażagħ huma fi żvantaġġ partikolari jew fir-riskju li jiġu diskriminati. Għalhekk hemm bżonn ta' miżuri ta' sostenn xierqa, filwaqt li tiġi rikonoxxuta r-responsabbiltà individwali taż-żgħażagħ biex isibu rotta għal attività ekonomika.

(3)

Jeżistu 7,5 miljun NEETs madwar l-Unjoni, li jirrappreżentaw 12,9 % ta' żagħżagħ Ewropej (ta' età bejn il-15 u l-24 sena). Ħafna ma għandhomx iktar minn edukazzjoni sekondarja u jkunu ħarġu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ. Barra minn hekk, ħafna huma migranti jew ġejjin minn kuntesti żvantaġġati. It-terminu “NEETs” ikopri s-sottogruppi varji ta’ żgħażagħ bi ħtiġijiet differenti.

(4)

30,1 % tan-nies qiegħda taħt l-età ta' 25 sena fl-Unjoni ilhom qiegħda għal aktar minn 12-il xahar. Barra minn dan, hemm għadd dejjem ikbar ta’ żgħażagħ li ma jfittxux ix-xogħol attivament, hekk li jistgħu jibqgħu mingħajr appoġġ strutturali fejn tidħol l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Ir-riċerka turi li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jista’ jħalli effetti permanenti, bħal riskju ikbar li l-persuna tispiċċa qiegħda fil-futur, qligħ inqas fil-futur, telf ta’ kapital uman, it-trażmissjoni minn ġenerazzjoni għal oħra tal-faqar, jew inqas motivazzjoni li dak li jkun jibni familja, sitwazzjonijiet li lkoll jikkontribwixxu għal xejriet demografiċi negattivi.

(5)

It-terminu “Garanzija għaż-Żgħażagħ” jirreferi għas-sitwazzjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jispiċċaw qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali. Offerta għal edukazzjoni kontinwa tista' tħaddan ukoll programmi ta' taħriġ ta' kwalità li jwasslu għal kwalifika vokazzjonali rikonoxxuta.

(6)

Garanzija għaż-Żgħażagħ tikkontribwixxi għal tlieta mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li 75 % tal-firxa tal-età bejn l-20 u l-64 sena jrid ikollhom xogħol, li r-rati ta' tluq bikri mill-iskola għandhom ikunu taħt l-10 %, u li mill-inqas 20 miljun persuna għandhom jinħarġu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali.

(7)

Il-linji gwida għall-politiki dwar ix-xogħol tal-Istati Membri, adottati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni tiegħu 2010/707/UE (1) tal-21 ta' Ottubru 2010, b’mod partikolari l-linji gwida 7 u 8, jappellaw lill-Istati Membri biex jippromovu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u biex jgħinuhom, b'mod partikolari lin-NEETs, b'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, biex isibu impjieg inizjali, jiksbu esperjenza tax-xogħol, jew aktar opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, inklużi apprendistati, u biex jintervjenu malajr meta ż-żgħażagħ jitilfu x-xogħol.

(8)

Sa mill-2005, meta adotta l-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri permezz tad-Deċiżjoni 2005/600/KE (2) tat-12 ta' Lulju 2005, il-Kunsill qabel li “kull persuna qiegħda tiġi offruta bidu ġdid qabel ma tilħaq is-sitt xhur ta’ qgħad fil-każ ta’ żgħażagħ”. Permezz tad-Deċiżjoni 2008/618/KE tal-15 ta' Lulju 2008 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (3), il-Kunsill naqqas il-perijodu ta’ żmien għal “mhux aktar tard minn erba' xhur” għaż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni.

(9)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat (4), il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joħorġu b’Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ li tassigura d-dritt ta’ kull żagħżugħ fl-Unjoni li jiġi offrut impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara massimu ta’ erba’ xhur qiegħed.

(10)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Żgħażagħ fl-Azzjoni” tal-15 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jintroduċu Garanziji għaż-Żgħażagħ, li l-implimentazzjoni tagħhom sa issa kienet limitata ferm. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssaħħaħ u ttenni l-ħtieġa li l-Istati Membri jkomplu jaħdmu għal dan l-għan, filwaqt li jgħinu wkoll fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjonijiet ta’ skemi ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ.

(11)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar “il-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020”, tal-Kunsill stieden lill-Istati Membri biex jintervjenu rapidament billi joffru aktar edukazzjoni, taħriġ (mill-ġdid) jew miżuri ta’ attivazzjoni għan-NEETS, inkluż ukoll lil min jitlaq kmieni mill-iskola. Dan iservi l-għan li dawk in-nies jerġgħu jidħlu lura fl-ambitu tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew fis-suq tax-xogħol fl-iqsar żmien possibbli u jnaqqsu r-riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Il-Kunsill irrikonoxxa li s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol jista' jkollha effetti sfavorevoli fuq iż-żgħażagħ, u stieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw dan it-tip ta' segmentazzjoni.

(12)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (5) hija kkonċentrata fuq l-iżvilupp ta' politiki msejsa fuq l-evidenza, komprensivi u transsettorjali li jinkludu miżuri biex jirbħu lura lil min jitlaq kmieni mill-iskola u biex isaħħu r-rabta bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u s-settur tal-impjiegi. Fit-tħejjija tal-baġit tal-2012, il-Parlament Ewropew appoġġa dak l-approċċ u talab lill-Kummissjoni biex timplimenta azzjoni preparatorja biex issostni l-istabbiliment ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri.

(13)

Fil-Pakkett dwar l-Impjiegi, propost fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' April 2012“Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”, il-Kummissjoni appellat għall-mobilizzazzjoni attiva min-naħa tal-Istati Membri, tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet interessati oħra biex jirrispondu għall-isfidi tal-Unjoni fil-preżent fejn jidħlu l-impjiegi, u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni enfasizzat l-ikbar potenzjal għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, tas-saħħa u l-kura soċjali, u tas-setturi tal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni ICT, u għal dak il-għan ħarġet tliet pjanijiet ta' azzjoni li jakkumpanjawha biex ikun hemm segwitu tagħhom. Sussegwentement, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll sitt oqsma prijoritarji promettenti għall-innovazzjoni industrijali li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija baxxa fil-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. Fil-Pakkett dwar l-Impjiegi, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li t-trawwim ta' mħuħ intraprenditorjali, id-disponibbiltà akbar ta’ sostenn lil servizzi għall-ftuħ ta’ negozju u ta’ mikrofinanzjament, kif ukoll l-istabbiliment ta’ skemi li jikkonvertu l-benefiċċji tal-qgħad f'għotjiet għall-ftuħ ta’ negozju jkollhom rwol importanti anki għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-Pakkett dwar l-Impjiegi ppropona l-użu ta’ sussidji tal-pagi biex tingħata spinta fejn jidħol l-ingaġġar ta’ ħaddiema ġodda u t-tnaqqis tar-rata fiskali (prinċipalment il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mill-impjegaturi) hekk li jiżdied ix-xogħol u jkun hemm riformi bilanċjati fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi, affarijiet li lkoll jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ biex ikollhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità.

(14)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri konkreti u fil-pront fil-livell nazzjonali biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom xogħol, edukazzjoni jew taħriġ (mill-ġdid) diċenti fi żmien erba' xhur minn meta joħorġu mill-iskola. Il-Parlament Ewropew enfasizza li jeħtieġ li l-iskema ta’ Garanziji taż-Żgħażagħ ittejjeb b'mod effettiv is-sitwazzjoni tan-NEETs u twassal biex gradwalment tingħeleb il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni.

(15)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi biex jitkattar ix-xogħol fost iż-żgħażagħ, bi “l-għan li sa ftit xhur wara li joħorġu mill-iskola, iż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ”. Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li dawk il-miżuri jistgħu jiġu sostnuti mill-Fond Soċjali Ewropew u li l-Istati Membri għandhom jużaw il-possibilitajiet ta’ ffinanzjar ta’ sussidji għal reklutaġġ temporanju minn dak il-Fond.

(16)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 dwar “Nikkunsidraw l-edukazzjoni mill-Ġdid: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal dak ix-xogħol minn perspettiva edukattiva. Din telabora l-kwistjonijiet ewlenin marbuta mar-riforma u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ; biex il-ħiliet disponibbli jiġu allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, kemm tal-lum u kemm tal-ġejjieni, biex ikunu stimulati toroq miftuħa u flessibbli ta’ tagħlim u biex jiġi promoss sforz kollaborattiv fost il-partijiet interessati kollha, inkluż dak tal-finanzjament.

(17)

Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta' Diċembru 2012, dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (6), il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, sa mhux aktar tard mill-2018, skont iċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, u kif iqisu xieraq, arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(18)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta' Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013, il-Kummissjoni enfasizzat li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ż-żgħażagħ jgħaddu mill-iskola għall-post tax-xogħol, kif ukoll li jiżviluppaw u jimplimentaw Garanziji għaż-Żgħażagħ li permezz tagħhom dawk li taħt l-età ta' 25 sena jingħataw offerta ta’ xogħol, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta joħorġu mill-iskola jew minn meta jispiċċaw qiegħda.

(19)

Fil-Konklużjonijiet tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tat-8 ta' Frar 2013, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li joħloq Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ li tammonta għal EUR 6 biljun għall-perijodu 2014-2020 biex issostni l-miżuri stabbiliti fil-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ propost mill-Kummissjoni fil-5 ta' Diċembru 2012 u, partikolarment, biex issostni l-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

(20)

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tiġi implimentata minn skema li tikkonsisti minn miżuri ta' sostenn, u għandha tkun waħda li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawk il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq sitt linji ewlenin: il-bini ta’ approċċi bbażati fuq is-sħubijiet, interventi u attivazzjoni fil-pront, miżuri ta’ sostenn li jippermettu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-użu tal-Fondi tal-Unjoni, il-valutazzjoni u t-titjib kontinwu tal-iskema, u l-implimentazzjoni rapida tagħha. Bħala tali, dawn għandhom l-għan li jipprevjenu l-ħruġ bikri mill-iskola, li jrawmu l-impjegabbiltà u li jneħħu l-ostakli prattiċi għax-xogħol. Jistgħu jiġu appoġġati mill-Fondi tal-Unjoni u għandhom jiġu sorveljati u mtejba kontinwament.

(21)

Il-koordinazzjoni effettiva u s-sħubijiet fl-oqsma ta’ politika (ix-xogħol, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, eċċ.) huma kruċjali biex ikun hemm qabża fl-opportunitajiet ta’ xogħol, ta’ apprendistati u ta’ taħriġ ta’ kwalità.

(22)

L-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom iqisu d-diversità tal-Istati Membri u l-punti ta’ tluq differenti tagħhom, fir-rigward tal-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-qafas istituzzjonali, u l-kapaċità tad-diversi atturi tas-suq tax-xogħol. Għandhom iqisu wkoll sitwazzjonijiet differenti fejn jidħlu l-baġits pubbliċi u r-restrizzjonijiet finanzjarji b’rabta mal-allokazzjoni tar-riżorsi. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fejn hu possibbli, għandhom jingħataw prijorità u jiġu msaħħa l-investimenti fl-edukazzjoni, u dan filwaqt li tiġi żgurata l-effiċjenza ta’ tali nefqa. Trid tingħata attenzjoni partikolari wkoll liż-żamma jew lir-riinfurzar tal-kopertura u tal-effettività tas-servizzi tax-xogħol u tal-politiki dwar forza tax-xogħol attiva, bħalma huma t-taħriġ għal min hu bla xogħol u l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-istabbiliment ta’ skemi bħal dawn għandu sinifikat fit-tul, iżda jinħass ukoll il-bżonn ta’ azzjoni immedjata biex tindirizza l-effetti drammatiċi li l-kriżi ekonomika qed ikollha fuq is-suq tax-xogħol,

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

1.

Jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

Meta jfasslu din l-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kwistjonijiet globali bħalma hu l-fatt li ż-żgħażagħ ma humiex grupp omoġenju jħabbat wiċċu mal-istess ambjent soċjali, kif ukoll il-prinċipji ta’ obbligu reċiproku u l-ħtieġa li jkun indirizzat ir-riskju ta' ċikli ta' inattività.

Il-punt tat-tluq biex titwassal il-Garanzija għaż-Żgħażagħ lil żgħażugħ għandu jkun ir-reġistrazzjoni ma' servizz għall-impjiegi, u għal dawk in-NEETs li mhumiex irreġistrati ma' servizz għall-impjiegi, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu punt tat-tluq korrispondenti biex titwassal il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-istess qafas ta' żmien ta' erba' xhur.

L-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu bbażati fuq il-linji gwida li ġejjin, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali u jqisu s-sess tal-individwu u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira:

Tfassil ta’ approċċi bbażati fuq is-sħubijiet

2.

Jidentifikaw l-awtorità pubblika rilevanti u responsabbli mill-istabbiliment u l-immaniġġjar tal-iskema ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ u mill-koordinazzjoni ta’ sħubiji fil-livelli u s-setturi kollha. Fejn mhux possibbli, għal raġunijiet kostituzzjonali, għal Stat Membru li jidentifika awtorità pubblika waħda biss, l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti se jiġu identifikati, waqt li n-numru tagħhom jinżamm kemm jista' jkun baxx u jiġi identifikat punt ta' kuntatt waħdieni biex jikkomunikaw mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

3.

Jaċċertaw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għall-informazzjoni kollha dwar is-servizzi u l-appoġġ disponibbli billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tax-xogħol, dawk li jagħtu pariri dwar il-karrieri, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-servizzi ta’ appoġġ liż-żgħażagħ, u billi jintużaw b’mod sħiħ il-kanali tal-informazzjoni rilevanti kollha.

4.

Isaħħu s-sħubijiet bejn min iħaddem u l-atturi rilevanti tas-suq tax-xogħol (is-servizzi tal-impjiegi, livelli differenti tal-gvern, it-trejdjunjins u s-servizzi taż-żgħażagħ) sabiex jitkattru l-opportunitajiet ta’ xogħol, ta’ apprendistati u ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ.

5.

Jiżviluppaw sħubijiet bejn is-servizzi tax-xogħol pubbliċi u privati, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi ta’ gwida għall-karrieri u servizzi taż-żgħażagħ speċjalizzati oħra (organizzazzjonijiet mhux governattivi, ċentri taż-żgħażagħ u assoċjazzjonijiet) li jgħinu biex irattbu l-qabża mill-qgħad, l-inattività jew l-edukazzjoni għax-xogħol.

6.

Jiżguraw l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha f’dak li hu tfassil u implimentazzjoni ta’ politiki li għandhom iż-żgħażagħ fil-mira tagħhom u jippromwovu sinerġiji fost l-inizjattivi tagħhom biex ikunu żviluppati skemi ta’ apprendistat u taħriġ.

7.

Jiżguraw il-konsultazzjoni jew l-involviment taż-żgħażagħ u/jew l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil u l-iżvilupp ulterjuri tal-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ sabiex jitfasslu servizzi li jaqdu l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, u biex dawn l-istess rappreżentanti jkunu jistgħu jaġixxu bħala multiplikaturi f'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

Intervent u attivazzjoni bikrija

8.

Jiżviluppaw strateġiji ta’ komunikazzjoni effettiva biex jilħqu ż-żgħażagħ, inklużi kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, bil-għan li dawn jiġu identifikati mis-servizzi tal-impjiegi u jiġu rreġistrati magħhom, u hekk ikun possibbli li dawn jiffukaw fuq iż-żgħażagħ vulnerabbli li jiffaċċjaw ħafna ostakli (bħall-esklużjoni soċjali, il-faqar jew d-diskriminazzjoni) u n-NEETs, u dan filwaqt li jqisu l-isfondi differenti tagħhom (b’mod partikolari minħabba l-faqar, xi diżabbiltà, edukazzjoni baxxa jew minoranza etnika/familji migranti).

9.

Sabiex jappoġġaw aħjar liż-żgħażagħ, u biex jindirizzaw il-potenzjal ta’ nuqqas ta’ għarfien dwar l-offerti eżistenti, għandhom iqisu li jistabbilixxu punti ċentrali (focal points) komuni, jiġifieri organizzazzjoni li tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati, b'mod partikolari mal-awtorità pubblika responsabbli mill-immaniġġar tal-iskema ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ, sabiex tkun tista’ tinqasam informazzjoni dwar żgħażagħ li jkunu ħarġu mill-iskola, b'mod partikolari dwar dawk li jkunu fir-riskju li ma jsibux impjieg jew li ma jidħlux f'edukazzjoni jew taħriġ kontinwu.

10.

Jippermettu lis-servizzi tax-xogħol, flimkien mal-isħab l-oħra li jappoġġaw liż-żgħażagħ, li minn kmieni jipprovdu gwida personalizzata u ppjanar ta' azzjoni individwali, inklużi skemi ta' appoġġ individwali mfassla apposta, ibbażati fuq il-prinċipju tal-obbligu reċiproku fi stadju bikri u segwitu kontinwu bil-għan li jipprevjenu tluq bikri u jiżguraw progress lejn edukazzjoni u taħriġ jew impjieg.

Miżuri ta’ sostenn għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol

Titjib tal-ħiliet

11.

Joffru liż-żgħażagħ b'ħiliet baxxi u lil dawk li joħorġu kmieni mill-iskola mogħdijiet biex jaqbdu t-triq lura għall-edukazzjoni u t-taħriġ, jew biex jattendu programmi ta’ edukazzjoni li jagħtuhom ċans ieħor, programmi li joffru ambjenti ta' tagħlim li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u li jippermettulhom jiksbu l-kwalifika li tilfu.

12.

Jiżguraw li miżuri imwassla fil-kuntest ta’ skema ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ li fil-mira tagħha jkun hemm it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi, jgħinu biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi bejn il-ħiliet li jesiġi s-suq tax-xogħol u dawk li hemm disponibbli u biex tibda tiġi sodisfatta d-domanda tas-suq.

13.

Jiżguraw li l-isforzi biex jikbru l-ħiliet u l-kompetenzi jkunu jinkludu l-ħiliet diġitali/fl-ICT. Jippromwovu l-istatus ta’ għarfien u kompetenzi professjonali billi jiżguraw li l-curricula u ċ-ċertifikazzjonijiet tal-ICT ikunu jikkonformaw mal-istandards u li jkunu rikonoxxuti internazzjonalment.

14.

Jinkoraġġixxu lill-iskejjel, inklużi ċ-ċentri tat-taħriġ vokazzjonali, u lis-servizzi tal-impjiegi, jippromwovu u jipprovdu gwida kontinwa liż-żgħażagħ dwar l-intraprenditorija u x-xogħol għal rashom, inkluż permezz ta’ korsijiet fl-intraprenditorija.

15.

Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

Miżuri relatati mas-suq tax-xogħol

16.

Meta rilevanti, inaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi sabiex jagħtu spinta lill-prospettivi ta’ reklutaġġ fost iż-żgħażagħ.

17.

Jużaw sussidji mmirati u mfassla sew għall-pagi u r-reklutaġġ biex iħeġġu lil min iħaddem joħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, bħal apprendistati, taħriġ jew pjazzament tax-xogħol, partikolarment għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, u dan f'konformità mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat.

18.

Jippromwovu l-mobbiltà tax-xogħol billi liż-żgħażagħ jagħmluhom konxji minn offerti għal impjiegi, apprendistati u taħriġ u mis-sostenn disponibbli f'oqsma, reġjuni u pajjiżi differenti, pereżempju permezz ta’ servizzi u skemi li jinkoraġġixxu lin-nies jiċċaqilqu u jaħdmu fl-Unjoni. Jiżguraw li jkun disponibbli appoġġ adegwat biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu xogħol f’qasam ieħor jew fi Stat Membru ieħor adattati għall-ambjent ġdid tagħhom.

19.

Iżidu s-servizzi ta’ appoġġ għal min jibda negozju, u jżidu l-għarfien tal-opportunitajiet u l-perspettivi possibbli u l-perspettivi marbuta ma' xogħol għal rashom, inkluż permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-servizzi tax-xogħol, l-appoġġ lin-negozji u l-fornituri (mikro)finanzjarji.

20.

Isaħħu l-mekkaniżmi biex jattivaw mill-ġdid liż-żagħżagħ li jitilqu minn skemi ta’ attivazzjoni u li ma jibqax ikollhom aċċess għall-benefiċċji.

Użu tal-Fondi tal-Unjoni

21.

Jagħmlu l-aħjar użu, u użu b'mod sħiħ, mill-istrumenti ta' finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni, fil-perijodu li jmiss 2014-2020, biex isostnu l-istabbiliment ta’ skemi għall-Garanziji għaż-Żgħażagħ, fejn adatt għaċ-ċirkostanzi nazzjonali. Biex jintlaħaq dan l-għan, jiżguraw li tingħata l-prijorità mistħoqqa u li r-riżorsi korrispondenti jkunu allokati għas-sostenn tal-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-miżuri relatati mal-istabbiliment ta' skemi għall-Garanziji għaż-Żgħażagħ, inklużi l-possibbiltajiet ta’ finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew tas-sussidji għar-reklutaġġ fil-mira. Barra minn hekk, jagħmlu użu massimu mill-finanzjament li jkun għad hemm disponibbli mill-perijodu ta’ pprogrammar 2007-2013.

22.

Fil-kuntest tat-tħejjija għall-perijodu 2014-2020, fil-Kuntratt tas-Sħubija jagħtu l-attenzjoni xierqa lill-objettivi speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fejn adatt għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, u fil-programmi ta’ operat tagħhom jiddeskrivu l-azzjonijiet li jkunu se jiġu sostnuti skont il-prijoritajiet ta’ investiment rilevanti tal-Fond Soċjali Ewropew, b’mod partikolari dawk marbuta mal-integrazzjoni sostenibbli tan-NEETs fis-suq tax-xogħol u mal-appoġġ lill-intraprendituri żgħażagħ u lill-intrapriżi soċjali u l-kontribut rispettiv tagħhom għall-objettivi speċifiċi.

23.

Fejn eliġibbli, jagħmlu użu sħiħ u ottimu tal-Inizattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Valutazzjoni u titjib kontinwu tal-iskemi

24.

Jissorveljaw u jevalwaw il-miżuri kollha taħt l-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, hekk li jkunu jistgħu jiġu żviluppati aktar politiki msejsa fuq l-evidenza u l-interventi jkunu jistgħu jiġu żviluppati abbażi ta’ x’jaħdem, fejn u għaliex, tant li jkun żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi u r-redditu pożittiv fuq l-investiment. Iżommu stampa aġġornata ta’ kemm ikun ġie allokat finanzjament għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'mod partikolari mill-programmi operattivi tal-Politika ta' Koeżjoni.

25.

Jippromwovu attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali bejn il-partijiet kollha involuti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u dan biex jitjieb it-tfassil u t-twassil tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-ġejjieni. Meta rilevanti, jagħmlu użu sħiħ mir-riżultati tal-proġetti appoġġati matul l-azzjoni preparatorja dwar l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ.

26.

Isaħħu l-kapaċitajiet ta’ dawk kollha interessati, inklużi s-servizzi tal-impjieg rilevanti, involuti fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ, sabiex jiġu eliminati l-ostakli interni u esterni marbuta mal-politika u mal-mod kif dawk l-iskemi jiġu żviluppati.

Implimentazzjoni ta’ skemi ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ

27.

Jimplimentaw skemi ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ mill-aktar fis possibbli. Fir-rigward tal-Istati Membri li qed jesperjenzaw l-aktar diffikultajiet baġitarji severu u rati ogħla ta' NEETs jew ta' qgħad taż-żgħażagħ, tista' titqies ukoll l-implimentazzjoni gradwali.

28.

Jiżguraw li l-iskemi ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ ikunu integrati sew fil-programmi kofinanzjati tal-Unjoni tal-ġejjieni, preferibbilment sa mill-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Meta jimplimentaw l-iskemi ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

Finanzjament

1.

Tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-Fond Soċjali Ewropew, skont il-prijoritajiet ta’ investiment rilevanti tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perijodu ta’ pprogrammar ta’ bejn l-2014 u l-2020, u l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, fejn applikabbli, biex isostnu l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ bħala strument ta’ politika biex jiġġieldu u jipprevjenu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali.

2.

Issostni l-ħidma fuq l-ipprogrammar skont il-Fondi tal-Unjoni għal Qafas Strateġiku Komuni (il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd), inkluż permezz ta' tagħlim bejn il-pari, attivitajiet ta' networking u assistenza teknika.

Prassi tajba

3.

Tagħmel użu sħiħ mill-possibbilitajiet tal-Programm il-ġdid dwar il-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni biex jinġabru eżempji ta’ prassi tajba dwar l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

4.

Tuża l-Programm għat-Tagħlim Reċiproku tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaqsmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom u jiskambjaw il-prassi tajba.

Monitoraġġ

5.

Tkompli tissorvelja u tirrapporta regolarment dwar l-iżviluppi marbuta mad-disinn, l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala parti mill-programm annwali tan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi tal-Impjieg Pubbliku. Tiżgura li l-Kumitat tal-Impjiegi jiġi informat f'dak ir-rigward.

6.

Tissorvelja l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ skont din ir-Rakkomandazzjoni permezz tas-sorveljanza multilaterali tal-Kumitat tal-Impjiegi fil-qafas tas-Semestru Ewropew, u tanalizza l-impatt tal-politiki fis-seħħ, u tindirizza, fejn ikun il-lok, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi lill-Istati Membri, abbażi tal-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.

Aktar għarfien

7.

Tappoġġa l-attivitajiet li jqajmu għarfien dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri, billi tuża l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u tikkoordina b'mod partikolari mal-kampanji ta' informazzjoni tiegħu.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.

(2)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(3)  ĠU L 198, 26.7.2008, p. 47.

(4)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.

(5)  ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.

(6)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.